MediaToday

Wenzu Mintoff | 23 ta’ Settembru 2007 • Nr 47

Tnietef mintufa

Għaddew tliet xhur minn meta suppost li nfetaħ l-isptar Mater Dei f’Jum l-Imnarja. Minn dakinhar ’l hawn smajna ftit li xejn dwar jekk l-isptar kienx formalment ikkonsenjat minn Skanska lill-Gvern Malti, jekk intlaħaqx ftehim mat-tobba u l-infermiera, jekk hux qed jinżammu l-iskadenzi skond il-pjan ta’ migrazzjoni u meta se nibdew naraw l-ewwel pazjenti ta’ veru u mhux aktar pupi fis-sodod ta’ dan l-imniefaħ sptar.
S’issa kulma rajna mill-Imnarja ’l hawn kien show ta’ ħruq tal-murtali sigħat biss wara t-traġedja kbira tal-kamra tan-nar ta’ Birkirkara. Rajna diversi ommijiet ireddgħu fi sptar li kien eċċellenti ħafna fl-irdigħ ta’ kull tip u fejn kien hemm min sab żejża kbira x’jaħleb.
Rajna servizz tat-trasport fantażma li qed jiswa eluf kbar ta’ liri li suppost jiħdok biex iżżur il-pazjenti jew biex tinqeda fl-outpatients meta l-pazjenti u l-outpatients qegħdin x’imkien ieħor. U għajr għall-kaxxi kollha għabra, trab u kamla, il-migrazzjoni bilkemm għadha bdiet.
Mill-bqija qisu kollox miet fuq ommu, imbasta taparsi fetħuh. U bilħaqq, x’sar minnhom l-allegazzjonijiet ta’ Dr Frank Portelli li kien sostna li ‘dan l-isptar sabiħ kemm trid, imma ma ħadniex il-value for money għall-flus li ntefqu fih. Kien hemm korruzzjoni fl-ammont ta’ commissions li ngħataw down the line u li applikat kullimkien.’
Nistgħu nkunu nafu x’kien l-eżitu ta’ l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar l-allegazzjonijiet ta’ Frank Portelli?

By-pass
Proġett ieħor li suppost kien inawgurat għal wiċċ in-nies kien dak tal-bypass tax-Xemxija fejn il-parti tal-bidu ta’ din it-triq minn naħa tax-Xemxija fir-roundabout għadhom qed isiru x-xogħlijiet fuqha. Apparti li ftit aktar ’il fuq din it-triq għadha one lane fuq kull naħa bi speċi ta’ ħajt diviżorju tal-lastiku fin-nofs, sakemm xi darba jiddeċiedu li jaqbdu l-barri minn qrunu rigward dik il-parti tat-triq li kienet ċediet minħabba xogħlijiet illegali li kienu saru mill-kuntrattur.
Imma l-iktar skuża banali u mqanżħa li qatt smajt għad-dewmin f’xogħlijiet pubbliċi li ma jżommux mad-data miftiehma, kienet dik tal-Prim Ministru Gonzi meta ipprova jiġġustifika dewmien fix-xogħol fuq il-pont ta’ Manuel Dimech.
Skond Gonzi l-konkrit oriġinali ta’ dan il-pont tant kien iebes li kellhom iġibu apparat speċjali mill-Italja biex setgħu jqattgħuh. Bħal dak li qallu qabel ma ngħata dan il-kuntratt ma sarux testijiet fuq il-konkrit biex jaraw minn qabel x’tip ta’ xogħol u apparat kien meħtieġ għal dan ix-xogħol.

Festa fi Strasburgu
Id-dehra ta’ Peter Darmanin jikxef snienu biex imaxtar il-kebabs fi Stasburgu quddiem il-kameras tat-televiżjoni waqt il-programm ta’ Ivan Camilleri li kien qed jirrapporta l-festa Maltija li għamlu l-MEPs David Casa u Simon Busuttil, ‘says it all’, kif jgħidu l-Ingliżi. Festa Maltija, suppost biex il-membri tal-Parlament Ewropew isiru jafu iktar dwar il-kultura Maltija u mank għal darba ndenjajna ruħna nippreżentaw xi ħaġa f’isem l-MEPs kollha Maltin u mhux f’isem biċċa jew oħra. Ftit li xejn tista’ tgħid x’impressjoni setgħu ħadu l-MEPs barranin tal-kultura Maltija minn din l-attività ħlief li huma u jmeċilqu xuftejhom jgħidu kemm għandu ikel tajjeb James Caterers. Żgur mhux bħal dak li jitma’ lill-passiġġieri fuq l-ajruplani ta’ l-Air Malta.

Klinika
Forsi xi ħadd jispjegali x’inhi proprjament il-funzjoni tal-klinika li nfetħet hekk kif eżatt tidħol fil-bini tal-qorti. Verament ħafna nies jispiċċaw joħorġu mill-qorti b’ħass ħażin fuqhom u tgħidx kemm jiddillirjaw b’li jkun laqathom hemmhekk. Imma ma nafx x’sens jagħmel li jkollok klinika fil-qorti meta taħt dan il-Gvern diversi polikliniċi qed jinżammu magħluqin matul il-lejl u fi tmiem il-ġimgħa.

Spekulazzjoni
Mela skond il-Prim Ministru Lawrence Gonzi fil-programm Reporter il-gvern tiegħu mhux se jinvolvi ruħu iktar fi proġetti mal-privat li biex jirnexxu ta’ bilfors irid ikun fihom element ta’ bini ta’ flattijiet għall-ispekulazzjoni.
“Aħjar tard milli qatt,” għidt bejni u bejn ruħi. Għax fis-snin li għaddew kien hawn wisq proġetti li bl-iskuża li kellhom jiġġeneraw l-impjiegi u jkattru l-ġid fil-pajjiż, iddaħħal fihom element ta’ spekulazzjoni suppost biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw irwieħom.
Meta Chambray kien ingħata għal 99 sena lill-mażun Taljan Roberto Memmo, suppost li kellha tinbena lukanda u l-appartamenti kellhom jinbigħu esklussivament lill-barranin bil-ħsieb li f’Għawdex ikun hemm iktar turisti ta’ kwalità.
Maż-żmien, meta għeb mix-xena Roberto Memmo li kkapparra għalih innifsu ’il fuq minn miljun lira għal xejn b’xejn, tneħħiet kemm-il kundizzjoni li tinbena lukanda u anki dik li l-appartamenti ma setgħux jinbigħu lill-Maltin u l-Għawdxin.
Bejn wieħed u ieħor l-istess ġara fil-każ tal-Cottonera Waterfront fejn inħalbet sa l-aħħar qatra il-parti spekulattiva tal-proġett, il-casinò u l-appartamenti fuq kull naħa tal-promontorju tal-Forti Sant’Anġlu, imma l-lukanda li kienet se tiġġenera l-impjiegi u tiġbed it-turisti ta’ kwalità lejn il-Birgu baqgħet ma saritx.

Il-PBS
Imma proprju l-għada li Lawrence Gonzi ħareġ b’dan l-editt tiegħu li mhux se jsiru iktar proġetti nazzjonali b’dan l-element spekulattiv magħġun ġo fihom, jitħabbar fil-gazzetta MaltaToday Midweek li l-PBS applika mal-MEPA biex minflok Television House jinbnew flattijiet u minflok Rediffusion House jinbnew studios ġodda bi ħwienet u flattijiet fl-istess kumpless magħhom.
Fit-TVM il-problema minn dejjem kienet ta’ studios li kienu wisq żgħar. Biex issa se jispiċċaw jagħqqdu r-radju u t-televiżjoni f’bini wieħed, magħhom se jdeffsu wkoll l-ħwienet u l-flattijiet u b’hekk l-istudios x’aktarx se jispiċċaw iżgħar milli huma llum.
Stramba imma veru kif il-PBS meta suppost diġà vara l-iskeda għat-tliet xhur li jmiss għadu kif ħareġ sejħa pubblika li tagħlaq f’Ottubru biex isiru proposti għall-programmi ta’ diskussjoni, ta’ ġrajjiet kurrenti, dokumentarji, eċċ, għall-perjodu minn Novembru li ġej sa Gunju tas-sena d-dieħla.
Wara t-tug-of-war bejn il-Bord Editorjali u l-Bord tad-Diretturi tal-PBS dwar liema programmi kellhom jintgħażlu għall-iskeda li jmiss, issa spiċċaw ħarġu sejħa oħra għal proposti ġodda. Komplu ħawduna forsi xi darba nifhmukom.
Wara r-riżenja ta’ John Camilleri minn chairman tal-Bord Editorjali biż-żewġ membri l-oħra jaqblu miegħu imma li m’għamlux bħalu għax żammew sodi f’posthom, bħalissa hemm Dr Dominic Fenech li qed jagħmilha ta’ Acting Chairman.
Minn daqshekk, bħalissa, jinsab għaddej ħafna ‘acting’ għax fost l-oħrajn insibu li għandna wkoll id-direttur ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika u anki l-Awditur Ġenerali li huma acting. Fil-każ ta’ l-Awditur Ġenerali din is-sitwazzjoni tikser b’mod ċar il-Kostituzzjoni għax ma jistax ikollok xi ħadd ‘acting’ f’kariga importanti bħal din li jkun temporanju u li ma jafx jekk hux se jitħalla jkompli fil-kariga minn għada.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075