MediaToday

Toni u Peppi | 23 ta’ Settembru 2007 • Nr 47

Maddy: vittma tal-media?

TONI

Fit-3 ta’ Mejju 2007 għebet mill-kamra tal-lukanda f’Algarve fi Praia de Luz fil-Portugall tifla żgħira Ingliża jisimha Madeleine McCann.
Dan ġara waqt li l-ġenituri tagħha Gerry u Katie kienu qed jippranzaw barra l-lukanda fejn huma u t-tlett itfal tagħhom marru għal vaganza.
Kont taħseb li dan se jiġi rappurtat bħal ħtif ieħor ta’ tifla żgħira, li bħalu fl-Ewropa kull sena jsiru bil-mijiet. Biżżejjed tidħol f’għassa tal-Pulizija u tilmaħ ir-ritratti ta’ uċuħ innoċenti maħtufa. Ma ġarax hekk.
Il-każ kien globalizzat. Bħal donnu d-dinja nħakmet minn isteriżmu globali. Ħafna pajjiżi bdew jirrappurtaw li raw lil Madeleine. F’Malta rawha ħdejn il-baħar u saħansitra fil-festi. Daħlu fl-istorja l-ikoni tal-mument, il-Papa Benedittu XVI, David Beckam u l-awtriċi ta’ Harry Potter J.K. Rowling. Kollha jappellaw għall-ħelsien tagħha.
Inbdiet kampanja Ewropea favur il-ħelsien tagħha. Ta’ kuljum f’kull pajjiż isir aġġornament tal-każ fuq il-mezzi tal-media anki f’dawk il-pajjiżi fejn tfal bħalha u iżgħar minnha jmutu ta’ kuljum bħal dubbien, bil-gwerer u l-mard.
Il-kawża ta’ dan kollu hi l-ġurnaliżmu opportunistiku. Wiċċ ħelu u innoċenti ta’ tifla żgħira. Ġenituri t-tnejn tat-tajjeb u fotoġeniċi. Il-fatt li l-ħtif seħħ f’wieħed mill-pajjiżi tan-naħa t’isfel ta’ l-Ewropa u waqt vaganza. Is-suspetti li bdew jinżergħu fil-ġenituri u l-kuntatti li għandhom. In-nuqqasijiet tal-Pulizija fl-investigazzjoni. Dawn kollha kienu l-ingredjenti biex l-istampa tagħmel minn dan il-każ ċirku ġurnalisitku.
Fakkarni f’film ta’ Kirk Douglas meta għamilha ta’ ġurnalist u minn ħaddiem fil-minjiera maqbud taħt l-art, li bħalu hawn mijiet, irnexxielu jonfoħ il-każ b’mod li saħansitra marru tal-Luna Park ħdejn il-park ta’ salvataġġ. Fil-verità il-każ ta’ Madeleine McCann hu mimli preġudizzji.

L-ewwel preġudizzju
L-ewwel preġudizzju hu dak ta’ klassi. Il-fatt li Katie u Gerry McCann huma tobba, tat-tajjeb u għandhom il-kuntatti, ippermettilhom jintensifikaw l-investigazzjonijiet. Irnexxielhom jitfgħu l-attenzjoni fuq il-ħtif ta’ binthom daqslikieku kienet il-prinċipessa rjali.
Min jaf kemm tfal ta’ familji fqar inħatfu matul is-sena fl-Ewropa u mhux biss ma ngħatawx l-attenzjoni meħtieġa iżda lanqas smajna bihom. Hu stmat li fl-Ewropa biss mal-5,000 tifel u tifla jinħatfu fis-sena. Erbgħin fil-mija minnhom jinstabu, l-oħrajn le, bil-każijiet tagħhom qatt ma jkunu riżolti. Li kellu l-Papa Benedittu XVI ta’ kull sena jiltaqa’ mal-ġenituri addolorati fil-Vatikan kieku żgur li titrabbielu l-artrite f’saqajh.

It-tieni preġudizzju
It-tieni preġudizzju hu dak razzjali. L-aħbar li ħasdet lil kulħadd kienet meta l-Pulizija Portugiża bdiet tissuspetta fil-ġenituri. Wara l-laqgħa mal-Papa u wara ma nafx kemm, Gerry u Katie għamlu konferenzi stampa internazzjonali u għalhekk is-suspett fihom nissel xokk kulturali. Il-pubbliku mill-ewwel wera lilu nnifsu xettiku u bilkemm ma bediex isir ostili mal-Pulizija Portugiża hekk kif ħarġet l-aħbar.
Il-pubbliku beda jistenna li l-persuna responsabbli għall-ħtif ta’ dawn l-innoċenti jkun Portugiż, jekk mhux waiter, b’kondotta kriminali voluminuża. Il-pubbliku qed jistenna li ma’ l-ewwel okkażjoni li jkollhom ikunu jistgħu jassistu għal meta jitressaq il-Qorti u jkunu jistgħu jagħjruh jekk mhux ukoll jissuttawh.
Apparti li hawn għandna tifla ħelwa, b’ġenituri sta bene u bojod, il-qtil tat-tfal dejjem iqanqal lill-pubbliku aktar minn sensiela ta’ qtil ta’ prostituti, “għax dawn ikunu stednuha jekk mhux ukoll ħaqqhom!”
Il-qtil ta’ tfal innoċenti saħansitra jġib il-kastig fuq il-kastig. Il-ħatja jispiċċaw maqtula jew imsawta minn priġunieri oħra fil-ħabs. Meta fl-1996 waiter Spanjol instab ħati li f’Pariġi kien qatel lil tfajla Ingliża-Spanjola Caroline Dickinson, kulħadd ħa nifs ’il ġewwa. L-aqwa li l-qattiel kien Spanjol u waiter u l-vittma żgħira u bajda.

It-tielet preġudizzju
It-tielet preġudizzju hu dak etniku. Hi għal kollox ma tinftehimx kif hemm okkażjonijiet fejn mewt ta’ persuna waħda toħloq aktar agħa mill-mewt ta’ l-eluf f’daqqa. Hu minnu kif kien qal dittatur, il-mewt ta’ bniedem wieħed hi aħbar, dik ta’ l-eluf hi biss statistika.
Grazzi għall-opportuniżmu ta’ l-Istampa, il-mewt ta’ Madeleine McCann, għax s’issa hekk jidher li hi, iddevjat l-opinjoni pubblika mill-għexieren ta’ mwiet ta’ tfal innoċenti fl-Iraq u f’Darfur. Id-dinja kollha saret aktar preokkupata bil-ħtif ta’ tifla żgħira, bajda mill-Punent, u nsiet għal kollox il-mewt tal-mijiet ta’ tfal Iraqqini, f’Darfur u anki fil-Palestina. Anzi jmutu kemm imutu tfal f’dawn il-pajjiżi fis-suq m’ommhom, fi triqthom lejn l-iskola jew fit-triq jilagħbu, qisu ma ġara xejn.
F’din il-kwistjoni ħareġ ukoll il-fatt li fl-Ewropa magħquda hemm ukoll firda etnika. Bħal dak il-każ iseħħu mijiet oħrajn kull sena. Is-sena l-oħra seħħew 62 fil-Ġermajna, 27 fl-Olanda, 15 fl-Ingilterra, u kważi 70 fi Franza. B’danakollu qatt ma nisimgħu bihom. Forsi jagħmlu aħbar lokali però ma jaqbżux il-fruntieri nazzjonali.

Ir-raba’ preġudizzju
Arthur Conan Doyle u Agatha Christie t-tnejn jaqblu li min ikun qed jagħmel investigazzjoni u jkun taħt pressjoni aktarx jagħmel ħafna żbalji. F’dan il-każ, l-investigaturi Portugiżi kienu taħt pressjoni mill-opinjoni pubblika, mill-ġenituri u mill-Istampa internazzjonali. Il-mewt jew l-għibien ta’ tifla dejjem joħloq pressjoni u ħafna drabi f’qasir żmien dejjem jinqabad il-ħati. F’dan il-każ pressjoni kien hemm kemm trid iżda l-ħati għadu ’l bogħod.
Din il-klima ġabet magħha preġudizzju kbir lil Gerry u Katie McCann. Jidher li biex isibu soluzzjoni malajr il-Pulizija Portugiża sabu żewġ vittmi ta’ malajr: lill-ġenituri nfushom.
Din l-aħbar ħalliet lil kulħadd mingħajr nifs, b’mod speċjali jekk il-laqgħa mal-Papa kienet kollha messa in xena. L-ewwel sabu qtar tad-demm f’vettura li qalu li kien tat-tifla – irriżulta li ma kienx. Wara bdew isibu xi xagħar fl-art tal-karozza u ma kienx lanqas. Saħansitra l-Pulizija Portugiża bdiet tipprova tikkonvinċi lill-omm tammetti li t-tifla nqatlet minnha bil-wegħda li teħel biss sentejn ħabs, tipikament patteġġament biex dak li jkun jagħlaq il-każ malajr u toħroġ l-aħbar li l-każ kien riżolt.
Fis-sewwa xejn ma neskludi iżda bħalissa kollox jidher li l-pulizija Portugiża trid tagħlaq il-każ malajr biex teħles mill-imbarazzament internazzjonali. Aktar minn hekk ħareġ fil-beraħ kif minkejja li l-Portugall ilu membru ta’ l-Unjoni Ewropea għal snin, bil-President tal-Kummissjoni wieħed mill-politiċi ewlenin ta’ dak il-pajjiż, għad għandu Korp tal-Pulizija u sistema ġudizzjarja kollhom nuqqasijiet.
Il-ġenituri ta’ Madeleine, kif kien mistenni, ċaħdu kull akkuża, u jidher li lesti jagħmlu minn kollox biex iħassru din it-tebgħa minn fuqhom. L-istramba fil-każ kollu hi, li l-Liġi Portugiża tipprojbixxi lil Gerry u Katie milli jagħtu xi kumment lill-Istampa. Iżda fl-istess ħin, il-Pulizija Portugiża stess qed tgħaddi minn taħt lill-istampa l-informazzjoni kollha li jaqbel lilha. Din tista’ ġġib il-konsegwenza li tikkontamina u tniġġes b’ħafna prekonċetti lil min għada pitgħada jiġi msejjaħ biex jiġġudika lill-miżżewġin McCann.
Din is-sitwazzjoni wasslet għar-riżenja ta’ Olegario Sousa, l-uffiċjal għall-investigazzjoni tal-każ. Qal li ma jiflaħx aktar għall-mod kif ċerti kwartieri fil-Pulizija jidher li qed joħorġu ċerta informazzjoni lill-Istampa, b’mod li qed jippreġudikaw u jikkompromettu l-investigazzjonijiet fuq il-każ.
Quddiem għajnejna għandna dak li f’termini legali jissejjaħ ‘pre-trial prejudice’. Anki l-Qrati Maltin iddikjaraw ruħhom dwar din is-sitwazzjoni fil-każ ta’ l-eks Imħallfin. Il-Qorti Kostituzzjonali f’dak il-każ insistiet li ġurnaliżmu li jesponi b’mod negattiv lil min għada pitgħada jrid ikun akkużat jikser id-drittijiet fundamentali tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza u tribunal ġust u imparzjali.
Konvint li s-Sinjuri McCann mhumiex se jkunu akkużati bil-mewt ta’ binthom. Iżda bil-mod kif ġraw l-affarijiet, xorta ngħid li għall-bqija ta’ ħajjithom se jibqgħu jġorru xi ftit mit-tajn li twaddbilhom.

PEPPI

Bħalissa ninsab il-Portugall fil-qalba tal-każ ta’ Madelaine McCann fuq xogħol ġurnalistiku li qed nagħmel għal Xarabank.
Hawnhekk, fi Praia da Luz fejn seħħ il-każ, hawn taħlita ta’ verżjonijiet. Il-maġġoranza tal-Portugiżi jaħsbu, anzi konvinti, li omm u missier it-tifla kienu nvoluti fil-każ, imbagħad hawn ħafna turisti Ingliżi li konvinti li omm u missier Madelaine m’għandhom assolutament xejn x’jaqsmu.
Hawn tistħajlek qed tara n-Net u l-One News meta tara x’qed jgħidu l-gazzetti Ingliżi u x’qed jgħidu dawk Portugiżi. Tħoss il-qawwa tal-media ma’ kull persuna li tiltaqa’ magħha.
Il-Portugiżi, inkluż dawk li kienu magħha’ jgħidulek li l-koppja McCann ittradewhom, għaddewhom biż-żmien, qatlu lil binthom Madelaine u ngannaw lid-dinja għax ġiegħlu lil kulħadd jaħseb mod ieħor.
Tkellimt ma’ mara, cleaner, li kienet tkun mal-familja McCann. Tiddeskrivi lil Madelaine bħala tifla l-ħin kollu tifraħ u tiċċaċċra. Qaltli li qatt ma kont nobsor li kienu huma li qatluha daqs kemm kienu jidhru ġenituri eżemplari. Iżda l-media Portugiża lil din il-mara ġegħlitha temmen bil-kontra ta’ dak li ġarrbet fil-verità meta kienet tgħix magħhom. Din il-mara konvinta, bħalma huma konvinti l-maġġoranza tal-Portugiżi, li Kate, omm Madelaine, l-ewwel ċemplet lill-Sky News qabel ma ċemplet lill-Pulizija. Din ma tirriżulta minn imkien iżda kienet qalitha l-gazzetta Correio da Manha u emmnuha bla ma staqsew.
Is-sistema tal-Pulizija Portugiża tagħti lok li ssallab lin-nies. Hekk kif Kate u Gerry kienu dikjarati suspettati ma setgħu jgħidu xejn iktar. Għalqulhom ħalqhom. Il-Pulizija taparsi siekta wkoll iżda minn taħt qed tgħaddi l-informazzjoni lill-gazzetti Portugiżi. Il-ħasra hi li anki jekk jirriżulta li l-ġenituri ta’ Madelaine ma kellhom x’jaqsmu assolutament xejn fil-biċċa, xorta l-ħmieġ intefa’ u ħafna se jibqgħu jaħsbu li kienu nvoluti.
Kienu l-koppja stess li talbu lill-media tgħin biex isibu lil Madelaine. Allura nistgħu nargumentaw li kienu huma li ġabu dan kollu b’idejhom għax huma rrikorrew għall-media. Ma naqbilx. L-għan tagħhom kien nobbli. Kienu ddisprati u riedu li l-media tgħinhom isibu lil binthom. Dan ma jagħti l-ebda liċenzja lill-media biex tagħmel ħerba minnhom.
Filwaqt li qiegħed fil-Portugall stajt nifhem aħjar x’seta’ ġara. Għax fuq it-televixin l-affarijiet jidhru mod ieħor. U meta tara, kif se nuru fil-filmati li ħadna, id-distanzi li hemm tinduna kemm il-media kienet u għadha tqarraq bin-nies biex tbigħ.
Meta kont Malta u smajt li Gerry u Kate kienu suspettati ma ridtx nemmen u għadni ma rridx nemmen sa llum. Minn dak li ġbart s’issa minn hawnhekk jien kważi konvint li Gerry u Kate huma innoċenti. Ovvjament, kif jgħidu, ma tista’ taħlef għal ħadd iżda meta tanalizza kollox tintebaħ li diffiċli kellhom x’jaqsmu. U hawn toħroġ it-traġedja ta’ din il-koppja.
Ejja ninsew għal mument li dawn seta’ kellhom xi sehem. Ejja ngħidu li huma totalment innoċenti. Immaġina tmur vaganza bit-tfal u jisirqulek waħda minnhom. Aktar tard jakkużaw lilek bil-qtil tagħha. Ma tistax tkun iktar kattiv magħhom.
Jista’ jkun li dan hu frame-up. Jien għext fl-imgħoddi u anki dan l-aħħar ma’ persuni li sar frame-up fil-konfront tagħhom. Nista’ nirrakkonta kif kienu mkissrin meta jafu li huma ma kellhom assolutament l-ebda ħtija waqt li kulħadd iħares lejhom imqar b’suspett.
“Imma żgur mhux inti, hux? Żgur ma kellekx x’taqsam b’xi mod? Nafdak lilek imma rrid inkun ċert.”
Dan hu d-diskors li jiffaċċaw dawn in-nies ta’ kuljum. Kultant bil-kliem u kultant bis-skiet.
Ironikament hi l-media li l-aktar tikkonvinċini li l-koppja McCann mhux involuti. Kif jista’ jkun b’dawk il-mijiet ta’ ġurnalisti jikkampjaw quddiem id-dar ħbew il-ġisem ta’ Madelaine u 25 ġurnata wara krew karozza biex marru jaħbuha x’imkien? Ma nemminx jew ma rridx nemmen.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075