Aħbarijiet | 23 ta’ Settembru 2007 • Nr 47
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
L-aħħar ktieb ta’ Trevor Żahra hu ktieb għall-adulti li jitkellem dwar it-tfulija f’novelli qosra bl-istess karattri u sett ieħor ta’ 10 novelli varji li m’għandhomx x’jaqsmu bejniethom.
Hekk kif bdejt naqra l-ktieb l-ewwel mistoqsija kienet għaliex dan il-ktieb kien immirat għall-adulti. L-awtur mhuwiex aħrax u aggressiv fi kliemu bħalma hu Immanuel Mifsud f’uħud mix-xogħlijiet tiegħu.
Iżda mbagħad f’nofs dik l-innoċenza kollha l-awtur jitfagħlek bomba provokanti jew b’mod aktar preċiż, metafori b’konnotazzjonijiet sesswali li min kapaċi jifhimhom jieħu dak il-bonus.
Trevor jiftaħ il-ktieb Sepja billi jitkellem dwar in-nanna Ċens u n-nannu Salv li meta kienu għadhom żgħażagħ diġà kien jidhru xjuħ.
Meta fi tfuliti kienu jiġu f’idejja r-ritratti sepja tan-nanniet u z-zijiet, kont naħseb li dak iż-żmien ma kinux jeżistu żgħażagħ. Kien hemm biss… jew tfal jew xjuħ. Mhemmx triq tan-nofs. Ta’ tmintax-il sena, in-nanna Ċens kienet qisha mara ta’ ħamsin. U l-irġiel kollha bil-mustaċċi: mibruma ’l fuq, imqawrin ’l isfel, ippuntati, iffullati, illamtati. Imma dejjem hemm. Jew tifel fidil b’qalziet sa l-irkobba jew raġel bil-mustaċċi.
U l-mustaċċi tan-nannu Salvu kienu l-bidu, u setgħu kienu t-tmiem, ta’ dak kollu li ġie wara.
In-nanniet huma żewġ karattri mill-ħafna oħra li jissemmew fin-novelli, li tista’ tgħid kollha kienu jagħmlu parti minn familtu. L-istejjer huma dwar il-ġenituri tagħhom, uliedhom u n-neputijiet tagħhom. Imma l-karattru ewlieni jibqa’ dejjem in-narratur tifel-adult. Fil-biċċa l-kbira hu l-adult li jiftakar il-memorji ta’ dak li ħass meta kien żgħir iżda meta jidħol fil-fond tat-tifkiriet u l-beżgħat tiegħu, it-tifel jieħu l-istorja f’idejh.
Il-beżgħat tat-tifel tant huma ħajjin li tħoss l-istess sensazzjonijiet tiegħu, li kapaċi jerġgħu jqajmu beżgħat midfuna tat-tfulija, bħal meta bil-lejl ma tħarisx taħt is-sodda.
Il-povru tifel narratur jgħaddi minn bosta esperjenzi koroh li tista’ tgħid iġibhom b’idejh stess tort ta’ l-immaġinazzjoni fertili tiegħu.
Żahra għandu ħabta jilgħab u jniggeż il-kurżità tal-qarrej. F’iktar minn storja waħda jirrakkonta żewġ veritajiet li nimmaġinah jagħmel apposta biex iħalli lill-qarrej bejn ħaltejn jekk l-istorja ġratx veru jew le li hi stramba meta tikkunsidra li l-istejjer, għalkemm għandhom bażi awtobiografika, kollha huma fittizji.
L-ironija hi li l-iktar storja li tidher awtobiografika, Żahra qal li hi l-inqas waħda vera ħlief għal xi żewġ ħolmiet.
Waħda mill-iktar temi li jispikkaw hi l-indottrinazzjoni tar-reliġjon qawwija li l-karattri trawmu fiha. Għalkemm mill-karattri kollha l-iktar li jibqa’ taħtha hu t-tifel, din id-darba mhux tort tiegħu imma ta’ Sor Klarissa li tgħallmu fil-MUSEUM, b’mod aktar sottili toħroġ fil-bqija tal-karattri adulti. Dak li jagħmlu jagħmluh kif għandu jkun biex jidher tajjeb f’għajnejn in-nies imbagħad ħalli jagħmlu minn taħt.
Dan bħal meta żewġ zijiet tiegħu għamlu s-sess qabel iż-żwieġ. Iz-ziju jħossu ħażin għax dineb imma qabel ma jmur iqerr jispiċċa jerġa’ jross liz-zija Ofelja mal-persjana tat-Toqli… ‘ġaladarba kien għadu ma qerrx, fejn qlejna bajda naqlu tnejn,’ irrakkuntat iz-zija x’kien qalilha l-maħbub tagħha dakinhar.
L-10 novelli l-oħra huma veru qosra u m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-istil tal-bqija. F’uħud minnhom joħroġ l-umoriżmu li ħareġ fil-bqija tal-ktieb iżda l-biċċa l-kbira huma surreali u kultant anki daqsxejn makabri.
L-iktar waħda li laqtitni kienet Mewġ. Hi dwar l-ossessjoni ta’ ġuvni għal tfajla li jaraha għall-ewwel darba tistenna tal-linja u li jibqa’ jaraha kull filgħodu fi triqtu lejn ix-xogħol. Dak il-jum kien għalih il-bidu u t-tmiem ta’ ħajja ġdida, sentenza li l-awtur ma setax jispjega aħjar.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|