Aħbarijiet | 23 ta’ Settembru 2007 • Nr 47 L-elezzjoni għal meta?Analiżi tal-kwistjonijiet kollha li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta’ Lawrence Gonzi dwar meta se ssir l-elezzjoni tindika li l-aħjar żmien għall-Partit Nazzjonalista hu Frar ta’ l-2008. KURT SANSONE jirrapporta. Mhemm xejn fiċ-ċert iżda analiżi loġika tal-kwistjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw id-data ta’ l-elezzjoni turi li Frar hu l-iktar xahar ‘tajjeb’ għall-PN. Novembru Favurih Jevita l-ewro – Il-Gvern jista’ jiftaħar bis-suċċess tiegħu li rnexxielu jdaħħal lil Malta fiż-żona ewro tliet snin wara sħubija mingħajr ma jkollu għalfejn iħabbat wiċċu mad-diffikultajiet li ġġib magħha qalba fil-munita. Il-kaċċa mhux kwistjoni – Bl-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa miftuħ sa l-aħħar ta’ Jannar, il-kaċċa f’dan iż-żmien mhix problematika daqs dik fir-rebbiegħa u jekk l-infurzar isir kif suppost m’għandhiex tkun kwistjoni li tinkwieta lill-Gvern. Iż-żjara tar-Reġina - Iż-żjara privata tar-Reġina f’Novembru, anki jekk mhux se tkun akkumpanjata bil-pompa kollha ta’ żjara statali, tista’ sservi biex tgħolli l-profil politiku ta’ Lawrence Gonzi anki jekk sa dak iż-żmien ikun fil-kariga ta’ Prim Ministru bħala caretaker. L-għeruq tal-partit – Jekk tinżamm ir-rankatura li ħa l-Partit Nazzjonalista fil-festi ta’ l-Indipendenza, l-għeruq tal-partit ikunu għadhom mimlijin ħeġġa, xi ħaġa importanti ħafna għal waqt kampanja elettorali. Il-moll ta’ l-Imġarr – Jekk tinżamm id-data tat-tlestija l-Prim Ministru jkollu pedina x’jilgħab f’Għawdex fejn il-Partit Nazzjonalista ħa daqqa ’l isfel f’dawn l-aħħar snin. Kontrieh L-ekonomija – Jekk il-baġit ma jkunx għadda mill-Parlament u l-miżuri mħabbra jispiċċaw f’nofs il-kontroversja politika ta’ kampanja elettorali tista’ tinħoloq klima ta’ inċertezza għan-negozju. Iż-żmien – Ma fadalx wisq żmien minn issa sa Novembru biex il-Gvern jirnexxielu jirkupra u jnessi l-akkużi ta’ korruzzjoni, skandli, riżenji u nuqqas ta’ kompetenza fi proġetti pubbliċi li ħarġu f’dawn l-aħħar xhur. Is-sigurtà – Bil-muniti ta’ l-ewro maħżuna f’Malta għal meta ssir il-qalba, kampanja elettorali bejn Ottubru u Novembru tista’ toħloq uġigħ ta’ ras kbira għall-forzi tas-sigurtà li se jkunu mpenjati b’għassa stretta fuq l-imħażen f’Ħal Far. Mater Dei – Minkejja l-ftuħ ta’ l-isptar il-ġdid sa dan iż-żmien it-trasferiment mill-isptar San Luqa jkun għadu ma seħħx u għalhekk il-Prim Ministru ma jkunx jista’ jieħu l-vantaġġ politiku kollu ta’ dan l-investiment pubbliku enormi. Proġetti pubbliċi – Il-pont Manuel Dimech u l-pavimentar ta’ Triq Merkanti fil-Belt se jkunu għadhom nofs leħja mingħajr ħjiel ċar ta’ meta se jitlestew u allura jiftħu l-bieb beraħ għal akkużi ta’ nuqqas ta’ kompetenza. Frar Favurih Miżuri tal-baġit – Bid-diskussjoni dwar il-baġit magħluqa sa l-aħħar tas-sena, in-nies tkun tista’ tibda tħoss l-ewwel effetti tal-miżuri tal-baġit, speċjalment jekk dawn jinkludu tnaqqis tat-taxxa jew żidiet relatati ma’ xi benefiċċji soċjali. Iż-żmien – Bid-diskussjoni politika ffukata fuq il-miżuri tal-baġit u bil-festi tal-Milied u ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-ewro jiksru l-monotonija, il-Gvern ikollu ċ-ċans jirkupra mill-akkużi ta’ korruzzjoni. Mater Dei – Jekk l-affarijiet jimxu kif pjanat u t-trasferiment isir kollu sa l-aħħar tas-sena, il-Gvern ikun jista’ jiftaħar bit-tnedija ta’ l-isptar il-ġdid u l-kwalità ta’ ħajja aħjar li se jgawdu minnha l-pazjenti. Sant ta’ 60 – Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jagħlaq 60 sena u anki jekk uffiċjalment il-PN ma jagħmilx kapital politiku mill-fatt li Sant ‘xjaħ’, fuq livell ta’ għeruq l-argument żgur li se jintuża minn kandidati u attivisti tal-partit biex jikkonvinċu lin-nies tivvota għal Gonzi iktar ‘żagħżugħ.’ Triq Merkanti – Il-Gvern se jagħmel minn kollox biex Triq Merkanti tkun lesta għall-festi tal-Milied u ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mad-dħul ta’ l-Ewro. Jekk ikun il-każ ikun proġett ieħor li l-Gvern jista’ jiftaħar bih. Kontrieh Toqba fil-but – Apparti l-introduzzjoni ta’ l-ewro, iż-żmien bejn l-aħħar ta’ Jannar u Frar kollu hu kkaratterizzat minn inqas flus fl-idejn għax in-nies tkun għadha qed tirkupra mill-ispejjeż kbar li tkun għamlet fil-festi tal-Milied u ta’ l-Ewwel tas-Sena u s-sales ta’ Jannar. Il-kaċċa – Fl-aħħar ta’ Jannar jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa u għal din il-ħabta jerġa’ jibda d-diskors dwar jekk il-Gvern hux se jerġa’ jiftaħ l-istaġun tar-rebbiegħa. Kull deċiżjoni tal-Gvern dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa se tnaffar lil xi ħadd: lill-kaċċaturi jekk ma jiftħux u lill-ambjentalisti jekk jiftħu. Proġetti pubbliċi – Il-pont ta’ Manuel Dimech mhux se jkun lest u ftit hu mistenni li l-Gvern se jkollu indikazzjoni ċara dwar x’se jiġri mill-mollijiet taċ-Ċirkewwa għax probabbli jkun għadu qed jistenna risposta mill-UE fuq fondi strutturali. Marzu Favurih Iż-żmien – It-tul ta’ żmien jista’ jkun favur Gonzi għax bid-distrazzjonijiet li joħolqu l-festi tal-Milied u ċelebrazzjonijiet oħra, flimkien mal-miżuri tal-baġit, in-nies tista’ ma tkunx fil-burdata li tibqa’ tiftakar l-akkużi ta’ korruzzjoni u maniġġar ħażin ta’ proġetti pubbliċi. Il-miżuri tal-baġit – Sa dan iż-żmien il-miżuri tal-baġit ikunu bdew jinħassu sew u l-effett tagħhom jista’ jkollu effett pożittiv anki fuq l-infiq tan-nies. Kontrieh L-ewro – L-impatt negattiv ta’ l-ewro fuq l-għoli tal-prezzijiet se jkun għadu qed jinħass anki jekk ikun biss frott il-perċezzjoni tan-nies. Iż-żmien – Daqs kemm jista’ jkun ta’ vantaġġ li Gonzi jtawwal il-ħajja tal-Gvern għax ikollu ċ-ċans li joħroġ mid-dell ta’ l-iskandli, ikun ukoll qed jirriskja li jfaqqgħu oħrajn ġodda. Gvern fl-aħħar ta’ żminijietu hu vulnerabbli għal skandli marbutin ma’ amministrazzjoni pubblika speċjalment jekk in-nies ‘magħżula’ jħossu li ġejja bidla fil-Gvern. Il-kaċċa – Il-kwistjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa tkun fl-aqwa tagħha u l-Gvern għandu biss x’jitlef minnha. April Favurih L-ewro – L-impatt negattiv ta’ l-ewro jista’ jibda jintesa hekk kif in-nies tkun drat tuża l-munita l-ġdida u tkun assorbit kwalunkwe żidiet li setgħu irriżultaw mill-qalba. Il-Baġit – Miżuri tal-baġit li jirrikjedu iktar żmien biex jibdew jinħassu jibdew iħallu l-impatt tagħhom. Miżura li tħabbret fl-2006, dik tar-rifużjoni fuq parti mill-ispiża li ssir biex jintbagħtu t-tfal fiċ-ċentri ta’ ħarsien, tibda tirrifletti fl-income tax returns li jkunu jridu jimtlew fl-2008. Iż-żmien – Lawrence Gonzi se jkollu iktar żmien biex isaħħaħ it-tmexxija tiegħu f’mument meta l-ekonomija mistennija tirranka jekk ma tintlaqatx mid-deni ta’ l-elezzjoni. Numru ta’ deċiżjonijiet dwar investiment jistgħu jimmaturaw sa dan iż-żmien. Kontrieh Iż-żmien – Għal darb’oħra, it-tul ta’ żmien jaf ikun kiefer ma’ Gonzi għax jikber iċ-ċans li jfaqqgħu iktar problemi u sitwazzjonijiet li jimbarazzaw lill-Gvern. Il-kaċċa – Id-dibattitu dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jkun għadu għaddej u jekk ikun infetaħ l-istaġun kapaċi tasal ukoll twissija oħra mill-UE. L-ekonomija – Wara l-ewwel tas-sena, iktar ma’ jtul iż-żmien iktar jiżdied ir-riskju li l-ekonomija tiġġammja minħabba l-inċertezza li kampanja elettorali u elezzjoni jġibu magħhom. |
FEATURES Iddawnlowdja l-features f'PDF
|
|