MediaToday

Aħbarijiet | 23 ta’ Settembru 2007 • Nr 47

Is-sit ta’ l-Internet ta’ l-Università bil-Malti ukoll

Botta u risposta bejn l-akkademiċi

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

L-aħbar mogħtija fil-ġurnal illum tad-29 ta’ Lulju li s-sit il-ġdid ta’ l-Internet ta’ l-Università ta’ Malta, li bħalissa huwa kważi kollu bl-Ingliż biss, se jkun jinkludi verżjoni bil-Malti, wasslet għal reazzjoni ħarxa mil-Lettur Anzjan fid-Dipartiment tas-Soċjoloġija Mark Anthony Falzon.
F’ittra fil-ġurnal illum tat-12 ta’ Awissu, Falzon qal: “Bħala Lettur Anzjan fl-Università nixtieq nuri d-diżapprovazzjoni tiegħi. Bħala l-bniedem li nieħu ħsieb is-sit tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija biħsiebni, safejn nista’, nirreżisti li nagħmel verżjoni bil-Malti. Fuq livell iktar wiesgħa ma naqbilx li l-Università għandha taddotta sistema favur użu ikbar tal-Malti. ”
Filwaqt li stqarr li jħobb jitkellem il-Malti fil-ħajja ta’ kuljum, Falzon sostna li l-Malti, bħal kull lingwa oħra speċjalment dawk żgħar u iżolati, għandu l-limitazzjonijiet tiegħu.
“Fil-livell terzjarju jkun għal kollox kontro-produttiv jekk ninsew li hu biss permezz ta’ lingwi ikbar, primarjament l-Ingliż, li l-akkademja lokali ssib postha f’dik globali. Fil-ħajja Universitarja hu l-Ingliż li jiftaħ il-bibien.
“Għalhekk nirreżisti li l-istudenti jkollhom l-għażla li ma jtejbux l-Ingliż tagħhom. Waqt il-lectures ninsisti li kollox isir bl-Ingliż mingħajr eċċezzjoni. Inħoss ukoll li l-istudenti għandhom ikunu mħeġġa b’kull mezz, jekk mhux ukoll sfurzati, jużaw l-Ingliż. Meta ngħid b’kull mezz qed ninkludi l-informatika u l-internet,” sostna Falzon.
Hu ddeskriva bħala mentalità antikwata li għax lingwa hi nazzjonali trid tidħol f’kull qasam tal-ħajja.
Mitlub għar-reazzjoni tiegħu, Manwel Mifsud, Kap tad-Dipartment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u President tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti, sostna: “Fis-sewwa ma jidhirlix li hi djalettika akkademika li tħajjar għad-diskussjoni li tiskwalifika idea li ma togħġobx lilek bħala ‘antikwata’.
“Bl-istess djalettika, jien nista’ ngħid li hi sewwasew il-premessa ta’ din l-ittra li hi antikwata, għaliex hi bbażata fuq biża’ żejjed u fuq in-nuqqas ta’ fiduċja fina nfusna bħala Maltin, ħwejjeġ li niesna fl-aħħar qed jitgħallmu jistkerrħuhom u jegħlbuhom,” qal Mifsud.
Falzon kiteb biex juri d-diżapprovazzjoni tiegħu li s-sit elettroniku ta’ l-Università jkun bil-Malti wkoll u biex jistqarr li ma jaqbilx li l-Università tadotta sistema favur użu ikbar tal-Malti.
“Ġej minn min jistqarr li jħobb il-Malti, jużah il-ħin kollu u jemmen fil-potenzjal tiegħu (u dan nemmnu għax il-kontributur huwa kollega tiegħi u nafu sewwa), dan il-kliem jista’ jidher kontradizzjoni,” qal Mifsud.
Fil-fehma ta’ Mifsud Falzon wera li l-biża’ tiegħu mill-użu tal-Malti ġej milli dan itellef b’xi mod l-użu ta’ l-Ingliż li hu lingwa importanti ħafna fil-ħajja akkademika.
“Li l-Ingliż huwa lingwa importanti ħafna fil-ħajja moderna, u li fil-qasam akkademiku qiegħed jikseb pożizzjoni dejjem ikbar, huwa fatt li ma jeħtieġx prova. U lanqas għandi xi dubju jew riżerva dwar li l-istudenti kollha ta’ l-Università għandu jkollhom din l-għodda qawwija għall-iżvilupp personali tagħhom, fl-ogħla livell, kienu min kienu u jgħixu fejn jgħixu.
“Din il-ħaġa s-soċjetà Maltija, u l-Università li hi biċċa minnha, qed tassiguraha billi tistabbilixxi li l-Ingliż – u f’livell tajjeb – ikun fost is-suġġetti rekwiżiti għad-dħul f’kull tarġa ta’ l-edukazzjoni, u anke fl-Università. Dan naqbel miegħu mija fil-mija.
“Imma minn dan għalli tgħid li l-Malti m’għandux jidher fis-sit elettroniku u għandu jinħeba fil-ħajja akkademika, hemm qabża kbira, qabża li l-ittra ta’ Falzon, fil-fehma tiegħi, ma tagħtix raġuni sodisfaċenti għaliha,” sostna Mifsud.
Skond Mifsud, Falzon huwa mbeżża’ li, jekk il-Malti jidħol iktar fl-Università, l-istudenti tagħna se jitilfu ħilithom fl-Ingliż.
“Imma dan huwa biża’ żejjed għaliex imkien ma huwa ppruvat li iktar ma student itejjeb ħiltu fil-Malti iktar jitlifha fl-Ingliż. Anzi huwa ippruvat il-kuntrarju, jiġifieri li aktarx jeżistu bosta studenti li huma tassew bilingwi, b’ħila xierqa f’kull waħda miż-żewġ lingwi, u xi oħrajn li, b’xorti ħażina, huma batuti fit-tnejn,” sostna Mifsud.
Huwa fisser kif dan il-biża’ huwa wkoll ritardat jekk tarah fl-isfond ta’ kif qed jaħsbu l-istituzzjonijiet Ewropej li llum kollha jisħqu li idealment kull ċittadin, bla eċċezzjonijiet akkademiċi, għandu jkun imħarreġ fi tliet ilsna, jiġifieri l-ilsien nattiv u żewġ ilsna Ewropej oħra.
“Jewwilla aħna l-Maltin daqshekk bla ħila u rasna qargħa biex, fost l-Ewropej kollha, se nkunu l-uniċi li, flok inżidu, innaqqsu l-firxa lingwistika tagħna, l-uniċi li lesti narmu l-ilsien nattiv tagħna biex nagħmlu wisa’ għall-Ingliż?” staqsa Mifsud.
Imma l-ittra ta’ Falzon ma waqfitx fis-sit ta’ l-Università. Iġġeneralizzat, u ħarġet bi prinċipji li, skond Mifsud, huma ta’ ħsara għall-pożizzjoni ta’ l-ilsien Malti, li waħdu huwa l-ilsien ta’ dawn il-gżejjer. Falzon jikkontesta l-post speċjali li għandu l-Malti bħala lsien nazzjonali, bil-funzjoni anke simbolika tiegħu.
“Hawn tajjeb infakkar li l-Malti mhux ilsien nazzjonali għax xi ħadd xi darba ddikjarah hekk, jew għax tqiegħed fil-Kostituzzjoni. Huwa l-ilsien li twieled ma’ l-identità tagħna bħala poplu u li mal-Maltin mexa t-triq tal-progress tagħhom sallum. Huwa l-libsa maqtugħa fuq is-silta tal-poplu tagħna, ta’ ħsibijietna, tal-ħajja soċjali tagħna.
“Iva, il-Malti bħala lsien nazzjonali huwa lsien speċjali f’Malta, sewwasew kif kull ilsien nattiv hu speċjali għall-pajjiż fejn hu mitkellem. Dawn ħwejjeġ ovvji li f’Malta biss għadha tintalab il-konferma tagħhom.
“U għalhekk, kull manifestazzjoni tan-nazzjon fejn b’xi mod tidħol il-lingwa (u allura anke s-sit ta’ l-Università ta’ Malta) għandha turi biċ-ċar, qabelxejn, li Malta għandha lsien ta’ l-identità tagħha,” sostna Mifsud.
“Ma rridux ninsew li nsiru kemm insiru internazzjonali, nibqgħu akkademiċi Maltin bi dmirijiet lejn is-soċjetà kollha, anke lejn il-membri tas-soċjetà li, b’għażla demokratika tagħhom, jużaw il-Malti,” sostna Mifsud.
Hu qal li l-akkademiċi Maltin għandhom jagħtu kontribut lil nieshom u lil pajjiżhom f’dan il-kuntest.
“Fil-fehma tiegħi l-Università ta’ Malta, waqt li tibqa’ tisħaq fuq il-kwalità eċċellenti tat-tagħlim b’kull mezz possibbli, għandha wkoll tħajjar u tinkoraġġixxi lil-letturi u l-professuri fi ħdanha biex jagħtu sehmhom ħalli jiġu żviluppati terminoloġija u idjoma akkademika Maltija, kulħadd fil-qasam tiegħu, għax l-għerf mhu monopolju ta’ l-ebda lingwa.
“Miniex qed noħlom. Professuri serji, li l-Ingliż iħaddmuh b’ħila u jippubblikaw bih barra minn Malta, dan għamluh b’ħila kbira għall-Malti fil-qasam tagħhom, u l-poplu tagħna jibqa’ jafhulhom.
“U dan mhuwiex ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, dak li qed tagħmel l-Unjoni Ewropea meta tagħżel il-Malti bħala lsien uffiċjali tagħha u tiżgura li kull dokument tagħha jinqaleb għall-Malti... kif qatt ma sar qabel!
“Jiena kuntent li issa jidher li l-Università ta’ Malta din ir-realtà ġdida qiegħda tifhimha u tinterpretaha, u xhieda ta’ dan huwa l-fatt żgur li s-sit tagħha – għall-ewwel darba – se jkun ukoll bil-Malti.
“Hi xhieda żgħira, siekta, xi ftit tard, imma simbolika ħafna li aħna – akkademiċi u mhumiex – irridu nkunu dejjem iktar Ewropej u dinjin, u fl-istess ħin dejjem iktar Maltin. Għax, għal min irid jaqra s-sinjali taż-żmien, f’din mhemmx kontradizzjoni,” temm jgħid Mifsud.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075