MediaToday

X'Kien jgħid | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

Ħobża ta’ kuljum

Bonġu iebes dalgħodu għax bilkemm flaħt inqum. Dawn l-Ingliżi qammillin wisq u mank xi darba jibdlulna dawn il-misħutin saqqijiet tal-ħaxixa li għandna ġol-kamp.
Ma tantx iħallik torqod komdu l-ħsieb li fil-ħaxixa tas-saqqu tbejjet kolonja ta’ parassiti u nsetti li f’ħin bla waqt jistgħu jinfexxu fik. Ġaladarba s-saqqu tal-ħaxixa jieħu l-qagħda tiegħek ta’ l-irqad, jispiċċa kollu ħofor u tumbati li jkissrulek dahrek. Xi kultant nippreferi nintefa’ minn tuli fl-art stirat għax insib ir-reżħa ta’ l-art aktar komda ... xej’ xej’ biex intaffi ftit mis-sħana tal-lejl.
L-unika ħaġa li nista’ nagħmel biex ninqata’ ftit mill-baqq, il-briegħed u minn dawk ir-reddiegħa ta’ nemus li jerdgħuna matul il-lejl hu li noħlom, meta jirnexxieli, wara li nkun legligt bis-serqa żewġ swaba’ ġniebru mill-flixkun ta’ dak is-sakranazz ta’ Maġġur Dick Bone.
Issa jien fl-età li għandi qajla nista’ noħlom bil-forom korpużi li jagħtu pjaċir lill-irġiel iżgħar minni li mhux bħali m’għandhom bżonn l-ebda tnalja biex ikissru l-ġewż. Għalhekk ħafna drabi minflok fuq l-iġsma, nispiċċa noħlom bil-ftajjar, kif jgħid il-qawl. Propjament mhux il-ftajjar li jġegħluni noħlom għax għal daqshekk mill-ħobż ċatt hawnhekk f’Lixandra m’aħniex neqsin.
Noħlom fuq li noħlom bil-ħobż tal-Malti ta’ Doru ta’ Ġoma tal-forn. Jekk hemm xi ħaġa li nimmissja minn Malta minbarra l-pastizzi tal-ħaxu ta’ Dimitri ta’ Strada Rjali, fejn illum bil-progress kollu li tgħidu li għamiltu hemm il-ħanut tal-McDonald’s, hu l-ħobż tal-Malti ta’ Doru jqarmeċ sħun għadu ħiereġ mill-forn. Ħobża tar-ratal tas-salib jew tal-kexxun, dilka butir taċ-ċappa mill-mielaħ u nofs kwart perżut tal-koxxa ħa jirranġalek il-pressjoni u għidli x’qed tiekol!
Kif tgħid l-Iskrittura Mqaddsa l-bniedem ma jgħix bil-ħobż biss, imma fi żmieni parti sew mill-poplu mingħajr ħobż ma setax jgħix la fil-ġisem u wisq inqas fl-ispirtu. Biżżejjed tagħti titwila għall-kliem ix-xiħ, l-idjomi Maltin li jduru mal-ħobża ta’ kuljum, kemm kien importanti l-ħobż għall-għixien tal-Malti.
‘Tilef il-ħobż’, ‘ma jiswiex il-ħobż li jiekol’, ‘ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus’, ‘irid jiekol ħobż u ġobon’, ‘huma ħobż u sikkina’, ‘x’ħobż jiekol dan?’, ‘ħaġa jikolha bil-ħobż’, ‘mhux ħobż għal snienu’, ‘ħobż mimgħud’, ‘ma fihx ħobż’, ‘beża’ għal ħobżu’, ‘tajjeb daqs il-ħobż’, ‘ħaġa jikolha bil-ħobż’, huma biss ftit eżempji ta’ kif ħajjet u ħidmet il-Malti kienet iddur madwar il-ħobża ta’ kuljum. Anki f’wieħed mill-mumenti rari ta’ l-istorja meta l-Maltin qamu mir-raqda fis-Sette Ġunju 1919, kien minħabba ż-żieda fil-prezz tal-qmugħ u tal-ħobż, fost affarijiet oħra.
Ftit tal-ġranet ilu kelli nisma’ bl-aħbar minn Malta li l-furnara kienu qed jheddu li mhux se jibqgħu jaħmu iktar il-ħobż tal-Malti li għadu sa llum ikkontrollat bi price order u jintefgħu fuq il-bziezen u l-fancy bread li fuqhom m’hemm l-ebda kontroll tal-prezzijiet. Mingħajr ma naf kont se nispiċċa ottu aktar milli jien għax lanqas fuq il-ħobż tal-Malti ma kont se nkun nista’ nibqa’ noħlom. Smajt li issa din il-kwistjoni ġiet b’xi mod solvuta billi l-Gvern tal-kuxjenza soċjali iddeċieda li jgħolli l-prezz tal-ħobż żgħir jew kbir b’ċenteżmu.
L-ewwel santu ħaġa ma nifhimx kif il-prezz ta’ ħobża suppost ta’ nofs artal togħla b’kemm għoliet ħobża ta’ suppost ratal. Ma nistax nifhem lanqas kif dan il-Gvern ixxaħħaħ għal kwart ta’ miljun lira u ma felaħx jassorbi din id-daqqa hu u għaddiha fuq dawk li biex ma jibqgħux bi stonku vojt, ikollhom jimlewh bil-ħobż. Possibbli l-Gvern li jehda fil-kapriċċi, perkaċċi, remiżolji u xinxilli u li daqstant galantom bi fluskom ma kienx kapaċi jqanċeċ kwart ta’ miljun lira minn xi mkien u ma jkomplix jgħakkes lill-vulnerabbli li jkollhom jiġġebbdu mhux ftit biex ikampaw mal-ħajja?

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075