Wenzu Mintoff | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45
Mela l-PM Gonzi ma jara xejn ħażin li s-Segretarju Ġenerali tal-partit tiegħu jimbarka fuq jott lussuż ta’ wieħed mit-tycoons ewlenin lokali biex miegħu jqatta’ erbgħat ijiem mistrieħ bejn sema u ilma, għat-tlugħ u l-inżul tax-xemx u għad-dawl tal-qamar u d-dija ta’ l-istilel.
Skond il-PM Gonzi m’hemm xejn ħażin f’dan kollu għax dawn l-affarijiet saru bil-miftuħ u mhux bil-ħabi. Bħal dak li qallu hawn xi ħadd li jista’ jsalpa fuq jott mill-marina f’Ta’ Xbiex u ma jinduna bih ħadd.
U ngħid jien, jekk tassew kollox sar bil-miftuħ u fil-beraħ allura kif kellhom ikunu l-mezzi tax-xandir Laburisti biex sirna nafu b’dan kollu?
Skuża mqanżħa oħra li ħareġ biha Lawrence Gonzi biex jipprova jillimita d-danni kienet tgħid li l-Mediterranean Cruise ta’ Joe Saliba ma’ Nazzareno Vassallo kienet above board għax dawn għamlu kollox fil-miftuħ mhux bħal dawk in-negozjanti li vvjaġġaw bil-moħbi mad-delegazzjoni Laburista meta marru Dubai.
Dettall importanti li konvenjentement nesa jsemmi Gonzi f’dan kollu kien li n-negozjanti li telgħu Dubai ħallsu minn buthom għall-vjaġġ u għal-lukanda. Imma ma naħsibx li Vassallo spiċċa bagħat xi kont lil Joe Saliba biex ikun jista’ jifdi l-ispejjeż tal-fuel u tal-king prawns li kielu u ta’ l-inbid fin li tfewqu flimkien.
Fost l-argumenti l-oħra tal-vavi li rrikorrew għalihom in-Nazzjonalisti biex taparsi jgħattu xturhom qalu li Żaren Vassallo hu attivist Nazzjonalista gwapp, li dan kien eks sindku Nazzjonalista u li hemm ħbiberija personali kbira bejn Saliba u Vassallo li tmur lura saż-żmien meta ta’ l-ewwel kien għadu jonġor il-ġebel. Barra minhekk din ma kinitx l-ewwel darba li Saliba salpa fuq il-jott lussuż ta’ Vassallo imma kienu għamluha xi ħames jew sitt darbiet oħra.
Iżda l-iktar skuża mqanżħa li ħarġet minn fomm Gonzi u Saliba kienet li m’ilux Vassallo tilef il-kuntratt għall-modernizzazzjoni ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin, tant kemm dan ma jiġix aġevolat bil-ħbiberiji intimi li għandu ma’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Oħroġ il-għaġeb fl-istess nifs però ma ntqalx kemm fis-snin li għaddew il-grupp ta’ kumpaniji ta’ Żaren Vassallo rebħu kuntratti tal-Gvern ħdejn il-wieħed li tilef.
Filantropija
F’intervista li kellu mal-gazzetta The Times fl-1 ta’ Settembru Joe Saliba ammetta li l-PN jirċievi donazzjonijiet mingħand kuntratturi tal-bini imma skond Saliba ma jfissirx li dawn jispiċċaw jingħataw il-kuntratti bħala radd il-ħajr biex titpatta l-obbligazzjoni. Issa mill-ftit li naf jien dwar il-kuntratturi ewlenin ta’ Malta ma tantx għandhom fama li huma wisq ta’ subgħajhom f’ħalqhom u li jarmu l-eluf ta’ liri barra t-triq għal xejn b’xejn.
Ta’ negozjanti self-made li huma u li bdew in-negozju tagħhom mix-xejn, jekk se jiżbursjaw il-flus jagħmlu dan għax jafu żgur li se jieħdu d-doppju jew it-tripplu lura, jekk mhux iktar. Sempliċiment jimxu fuq il-filosofija li kull qalb trid oħra, ħokkli dahri ħa nħokklok dahrek u li bil-flus tista’ tagħmel dak li għal mument jista’ jidher impossibbli, saħansitra triq fil-baħar.
Jekk il-kuntratturi tal-bini jridu jagħmluha ta’ filantropi biex ikollhom x’jagħmel tajjeb għal dnubiethom fil-ġudizzju universali, oqgħod ċert li l-karità jafu ma’ min għandhom jagħmluha u żgur li hawn orfanatrofji u istituti biżżejjed u mhux se toqgħod tiġihom ħniena mill-partiti. M’hemmx wisq fejn titfixkel għax minn ewl id-dinja l-kuntratturi jużaw id-donazzjonijiet lill-partiti biex jixtru l-influwenza, biex jinvestu f’dawk li saru jiddependu fuqhom biex xi darba jitħallsu l-biżibilju kontijiet li jircievu b’mod regolari.
Saliba kien rappurtat li qal ukoll li lest jiżvela l-invoices relatati mal-bini l-ġdid ta’ l-istamperija li qed jieħu ħsiebu Nazzareno Vassallo bħala kuntrattur, u jien bħal ħafna oħrajn qed nistenna fuq ix-xwiek li jagħmel dan, illum qabel għada, possibbilment bl-irċevuti tal-VAT b’kollox jekk jogħġbu.
Minn fomm Saliba u anki Gonzi smajna li l-PN lest li jaqbel mar-regolamentazzjoni tal-finanzjament tal-partiti jekk l-MLP u l-partiti l-oħra jaqblu wkoll. Issa jekk fil-politika hemm kwistjoni fundamentali ta’ prinċipju, ta’ moralità jew etika politika, sejħilha li trid, hi proprju din: jeżisti periklu reali li bil-flus ikun hawn min jaħseb li jista’ jixtri l-influwenza ta’ min għandu l-poter li jiddeċiedi. B’hekk nispiċċaw immorru lura għaż-żminijiet fejn ma kellniex demokrazija tabilħaqq rappreżentattiva, fejn il-klassi privileġġata kellha ħafna voti marbuta mal-ħafna proprjetajiet li kellha u min ma kellux imqar proprjetà waħda fuq ismu ma kellux imqar nofs vot imġiddem.
Issa safejn naf jien, fuq kwistjonijiet ta’ prinċipju jew ta’ moralità politika, dak li suppost iħoll u jorbot hu dak li temmen fih int, jagħmel x’jagħmel ħaddieħor. Għalhekk ma nistax nifhem il-loġika tal-Prim Ministru meta qal fir-Rabat nhar il-Ħadd li lest jakkorda dwar il-finanzjament tal-partiti ‘jekk il-Labour u l-partiti l-oħra jaqblu’. Jekk għas-saħħa ta’ l-argument, il-partiti l-oħra ma jaqblux li għandu jsir xi ħaġa immedjata dwar din il-kwistjoni, ifisser li Dr Gonzi m’għandux jibqa’ sod fil-konvinzjonijiet tiegħu?
Qed nassumi li għandu konvinzjonijiet sodi fuq is-suġġett. Jew għal Gonzi din sempliċi kwistjoni ta’ konvenjenza li ta’ bilfors iridu jaqblu fuqha l-partiti kollha biex issir xi ħaġa?
Kummissjoni Galdes
Possibbli nesa Gonzi li kien il-partit tiegħu fl-1995 li wara li kien welled il-Kummissjoni Galdes dwar il-finanzjament tal-partiti kienu n-Nazzjonalisti stess li għamlu abort fuqha. F’nofs id-Disgħinijiet wara l-ħamba li qamet fl-Italja minħabba Tangentopoli u r-riefnu li qajmu Antonio Di Pietro u sħabu, bħal donnu li kienet il-moda li wieħed jitkellem biex ikun tkellem dwar il-mod kif jiffinanzjaw irwieħom il-partiti. Fenech Adami kien nieda White Paper bl-isem ta’ ‘Il-Bidla Tkompli’ li fost suġġetti oħrajn ittrattat din il-kwistjoni taħraq u wara twaqqfet il-Kummissjoni Galdes bejn it-tliet partiti b’Anthony Galdes bħala Chairman u Dolores Cristina bħala membru indipendenti.
Imma meta ġew għall-punt li jdendlu l-ġolġol m’għonq il-qattus, kien il-PN li żamm lura milli jintlaħaq ftehim għax dan kien sostna li ‘hu impossibbli li tagħmel liġi effettiva biex tikkontrolla l-abbużi’ u li ‘l-vera soluzzjoni għall-possibbiltà ta’ korruzzjoni mhix il-pubblikazzjoni ta’ l-ismijiet ta’ min jagħmel id-donazzjonijiet’ imma riforma tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratti’.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-membri tal-Kummissjoni Galdes kienu qablu li donazzjonijiet ta’ ’ l fuq minn Lm10,000 għandhom ikunu illegali u s-sors ta’ donazzjonijiet ta’ ’l fuq minn Lm5,000 kellu jiġi ddikjarat, ir-rappreżentant tal-PN Tonio Borg ma kienx qabel ma’ dan għax ma kienx iħoss li d-donazzjonijiet lill-partiti jistgħu fil-prattika jkunu regolati b’dan il-mod.
Dehrlu wkoll Tonio Borg li jekk ikun hemm regolamentazzjoni ta’ din ix-xorta, allura l-limiti għandhom ikunu iktar wiesa’ minn kif proposti; Lm20,000 bħala l-limitu massimu minn sors wieħed u ’l fuq minn Lm10,000 biex jiġi żvelat is-sors.
Il-fatt li l-ftehim sfratta minħabba l-PN jitkellem waħdu.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|