Toni u Peppi | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45
Stejjer u skandli dwar l-intriċċi li jeżistu bejn id-dinja tal-politika u dik tan-negozju huma antiki daqs l-Alpi.
Ta’ kuljum, anki fl-aktar pajjiżi avvanzati minkejja kull liġi li tikkontrolla l-finanzjament tal-partiti politiċi, nisimgħu bi skandli li ġieli jwasslu mhux biss għal riżenji eċċellenti iżda anki għal waqgħa ta’ xi Gvern. Stejjer bħal dawn kontinwament ikunu l-ispirazzjoni ta’ Geoffrey Archer u oħrajn.
Malta mhix eċċezzjoni għal stejjer ta’ din ix-xorta. Ta’ kuljum nisimgħu bi proġetti kbar li jiswew il-miljuni ta’ liri f’idejn l-istess nofs tużżana kuntratturi. Politiċi ewlenin jinqabbdu jixxemmxu fuq xi jott ta’ xi kuntrattur, jew kielu l-kirxa miegħu waqt xi safra. Imma dejjem irid ikun xi ġurnalist bil-kamera tar-ritratti minn wara l-purtiera li jikxef x’qiegħed isir – u bħalma tara fuq naħa ftit jiem wara tilmaħ fuq in-naħa l-oħra.
Stejjer dwar dawn ix-xorta ta’ intriċċi lkoll donnhom joħorġu fl-istampa, mhux wisq fl-interess pubbliku, iżda bħala forma oħra ta’ tfiegħ ta’ tajn fit-tango partiġġan.
Irrid inkun onest u ngħid li mill-partiti kollha l-aktar li qiegħdha tinsisti dwar liġi li tirregola dan l-aspett hi l-Alternattiva Demokratika. Jista’ jkun ukoll għax għandha frazzjoni żgħira u sal-lum m’għandhiex dik il-pressjoni li għandhom il-partiti l-kbar. Pressjoni li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed tikber.
Illum kulħadd jirrikonoxxi li l-ispejjeż ta’ kuljum tal-partiti l-kbar dejjem qed jiżdiedu u f’mument ta’ kampanja elettorali huma enormi biex ma ngħidx astronomiċi.
Ironikament din ix-xorta ta’ pressjoni toħloq il-bżonn mhux biss għal aktar flus iżda għal liġi ċara dwar kif għandhom u minn min għandhom jiġu dawn il-flus.
Dan hu argument essenzjali għal kull demokrazija ta’ vera. Id-demokrazija ma tiqafx mal-mod kif jinżammu l-elezzjonijiet biex jiġi assigurat li min iġib l-ogħla numru ta’ voti jkunu fil-Gvern. Id-demokrazija hi proċess li jkompli anki wara l-elezzjonijiet mhux biss fir-rispett lejn l-istituzzjonijiet, iżda anki dwar min tassew jiddetta u jfassal l-aġenda politika u soċjali tal-pajjiż.
Il-kwistjoni ta’ l-intriċċi politiċi u n-negozju tmiss il-punt li l-ebda politiku m’għandu jkun ostaġġ ta’ min qiegħed jiffinanzja lilu jew lill-partit tiegħu.
Dan l-aħħar fl-Ingilterra qam agħa kbir meta tqanqlu suspetti li bil-flus stajt tixtri siġġu fil-House of Lords. Din hi l-agħar forma ta’ influwenza fil-politika. Għalkemm min kien akkużat b’dan l-aġir ħareġ ifuħ xorta waħda ngħid li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn, tant li proprju wara dawn l-avvenimenti l-Ingliżi issa bdew jiddiskutu liġi ta’ trasparenza f’dan ir-rigward.
Aħna bħall-Ingliżi, għax m’għandniex liġi ċara dwar kif nistgħu nirregolaw il-mod kif ikunu finanzjati l-partiti. Sa mill-1994 kummissjoni magħrufa bħala dik ta’ Galdes bdiet tikkonsidra xi proposti. Għal xi raġuni l-PN ħarbat kull diskussjoni. F’Diċembru ta’ l-2004 il-President tar-Repubblika għamel diskors u f’dak li sejjaħ bħala t-Tieni Repubblika, fost l-emendi kostituzzjonali li hemm bżonn, hi dik dwar kif jiġu finanzjati l-partiti. Iżda dejjem nieqfu sal-kliem. Bil-fatti ma jsir xejn.
Pajjiżi li mxew ’il quddiem f’ħafna aspetti mill-ewwel intebħu li liġi ta’ din ix-xorta hi essenzjali għat-tħaddim ta’ demokrazija li toħloq sens ta’ fiduċja fil-klassi politika. Fejn m’hawnx liġi ċara jew m’hemm xejn, il-poplu jqasqas u jħoss li l-affarijiet mhumiex mexjin sew. F’Iżrael, pereżempju, 25 sena wara li sar Stat, f’mument meta kien fi gwerra qalila mal-ġirien, ukoll ħass li għandu jagħmel liġi f’dan is-sens.
Li konna aħna x’konna ngħidu? Li m’għandniex moħħ għax qegħdin fi gwerrra?
U lanqas fi żmien is-sliem qatt m’għamilna xejn, aħseb u ara!
Waħda mill-proposti li tista’ ssir, apparti li jkun hemm limitu għall-ammonti li jigu dikjarati mill-pariti li rċevew mingħand negozjanti, hi dik li l-Istat jagħti kontribuzzjoni finanzjarja lill-partiti, b’mod partikulari waqt kampanja elettorali.
Din trid tkun marbuta ma’ dikjarazzjoni finanzjarja ċara tal-partiti mhux biss għall-flus miġbura mit-tesserament tal-membri u attivitajiet kummerċjali, iżda ta’ flejjes mogħtija minn persuni jew kumpaniji privati.
Pereżempju fil-Ġermanja jekk il-kotba jkunu skond il-liġi, il-Gvern jagħti 30 fil-mija ta’ l-ispejjeż meħtieġa lil kull partit. Iżda l-affarijiet iridu jkunu ċari: donazzjonijiet mhux dikjarati skond il-liġi jistgħu jammontaw għal att ta’ korruzzjoni speċjalment waqt kampanja elettorali. Bħalma ma ridniex lill-Knisja tindaħal fi ħwejjeġ tal-politika, dan għandu jgħodd ukoll għall-kuntratturi u n-nies tan-negozju.
Iżda biex nagħmlu sens ix-xenarju tal-mod kif tiġi influwenzata l-opinjoni pubblika b’mezzi li ma tantx huma etiċi, għandha tiġi regolata minn kull aspett. Sistema bħal din għandu jkollha salvagwardja parallela oħra.
Il-partit fil-Gvern m’għandux ikollu pożizzjoni dominanti billi bil-pulit juża riżorsi pubbliċi biex jagħmel kampanja elettorali moħbija. Dan l-aħħar kellna każ ta’ kif tħabbru 20 proġett għall-portijiet ta’ Malta, meta l-Gvern lanqas għadu wettaq dak li ilu jwiegħed. Dan jidher ċar li hu każ ta’ finanzjament ta’ partit b’fondi pubbliċi ftit tax-xhur biss qabel elezzjoni.
Lanqas ma jrid ikollok il-każ bħal meta ħut Nardu Debono tħallsu s-somma ta’ Lm150,000 ftit tas-sigħat qabel l-elezzjoni ta’ l-2003. M’għandi xejn kontra ħut Nardu Debono għax kienu ilhom jiġbdulhom saqajhom, iżda lanqas hu sew li ħlas bħal dan isir lejliet elezzjoni ġenerali! Donazzjonijiet ta’ din ix-xorta huma odjużi.
Nikkwota dak li qal Jack Straw f’Lulju li għadda: “Until we have tight laws on donation caps on all sources of money – rich individuals, companies and trade unions – the public will continue to believe that the funding of our political parties stinks – Frankly, I’m not sure that the public is wrong!”
Kull kelma oħra tkun żejda!
Jekk il-mistoqsija ta’ llum toħroġ minn dak li rajna fuq One News u l-yacht li fuqu kien Joe Saliba u Żaren Vassallo allura għandi daqsxejn ta’ problema nwieġeb.
Lil Joe Saliba nafu meta ma kienx persuna pubblika. Nafu meta kien għadu bennej jaħdem mal-kuntratturi. Lil Joe Saliba nafu liebes il-maktur f’rasu, jibni. Niftakru jikteb u jidderieġi teatru politiku b’impenn.
Tolqotni fih il-fatt li dan ir-raġel, illum b’kariga daqshekk importanti, ma nbidel assolutament xejn. Il-prinċipji li kien jippriedka meta ltqajna flimkien għadu jirrepetihom u jgħixhom sa llum. Joe Saliba għadu jgħix ħajja sempliċi kif dejjem kien, fi flat tal-Gvern fil-Mosta. Joe Saliba lest joħroġ għonqu biex jgħin persuna fil-bżonn iżda qatt mhu lest li juża l-pożizzjoni tiegħu biex xi ħadd jikser il-Liġi jew jingħata dak li mhux tiegħu.
Kieku kont naf li Joe Saliba kien sejjer bil-yacht kont ngħidlu: “Guż, oqgħod attent għax iġibuk fuq One News.”
Iżda naf wkoll x’kienet tkun it-tweġiba: “Jiena mhu qed nagħmel xejn ħażin. Jiena ma ngħixx għall-media.”
Kien jaqbad jikkritikani u jakkużani li moħħni wisq fil-media u ma jaqbel qatt miegħi meta ngħidlu li l-perċezzjoni kollox. Argument li miegħu ilu għaddej xi 20 sena issa.
Joe Saliba għandu valur ieħor jimpressjonani. Jifred ix-xogħol politiku mill-ħbiberija. Jagħmilha bl-iktar mod naturali. Nagħti eżempju li ma jitwemminx.
Meta kont fl-Alternattiva kien imissni dibattitu fuq it-televixin kontra l-PN. B’sorpriża għalija jitfaċċa Joe Saliba, wieħed mill-akbar ħbieb li kelli, fuq in-naħa l-oħra. Ma ħallejtux b’xejn dakinhar u qlajtlu fuq li qlajtlu fuq l-argumenti politiċi. Xi ġimgħa wara ltqajna bħala familji u qisu ma’ ġara xejn. Kont ftit imbarazzat iżda hu ma semma assolutament xejn. Tkellimna fuq l-imgħoddi, fuq is-satira, fuq il-politika bla ma deffes fin-nofs dak il-famuż dibattitu.
Kien f’dak l-istess dibattitu li kont sfidajt lil Joe Saliba biex il-Partit Nazzjonalista jippubblika l-ismijiet tan-negozjanti li jagħtuhom il-flus għall-kampanja elettorali. U hekk għadni nemmen sa llum. Naħseb li wasal iż-żmien li l-Partiti, li jammettu huma stess li jaċċettaw flus mingħand negozjanti, jippubblikaw mhux biss l-ammonti li jirċievu iżda mingħand min ukoll. Din m’għandhiex issir biss għall-media iżda f’ġieħ it-traparenza li tant sirna niftaħru biha.
Din il-miżura taf tgerrex negozjanti li jagħtu l-flus. Il-partiti f’Malta qed jagħtu servizz u mingħajr flus ma jistgħux jaħdmu u jkunu professjonali. Għal pajjiżna x-xogħol tal-partiti hu bżonn daqskemm hu bżonn li jkollna l-Caritas jew is-Sedqa. Allura ma nafx għala l-partiti ma jibdewx ikunu iffinanzjati mill-Istat biex hekk jagħtu s-servizz importanti li qed jagħtu. Imbagħad il-bżonn li joqogħdu jittallbu l-flus mill-kbar u miż-żgħar jonqos radikalment.
Iżda din ma tfissirx li f’pajjiż żgħir, politiku ma jistax ikun ħabib ta’ kuntrattur. Għax x’jiġri jekk, kif hu l-każ ta’ Żaren Vassallo, dan l-istess kuntrattur ikun ukoll joħroġ għall-elezzjoni mal-partit? Jew issa se ngħidu li kuntratturi m’għandhomx joħorġu għall-elezzjoni?
Nassumu li politiku jmur jiekol ma’ kuntrattur jew li jmur BBQ fil-villa tiegħu, dak ħażin ukoll? Lil dawn se nibdew narawhom fuq One News, jekk ma jkunux deputati u kuntratturi Laburisti? X’inhi d-differenza bejn li tmur vaganza u tmur tiekol miegħu jekk it-tnejn ma jsirux bil-moħbi? Allura politiku li jkun ukoll nutar ta’ kuntratturi għandu kunflitt ta’ interess? Allura n-nutari jridu jieqfu jaħdmu għax jidħlu fil-Parlament? Nafu x’qed ngħidu?
Naħseb li issa li waslet l-elezzjoni m’għandhiex tispiċċa l-etika. Jien ma naqbilx mal-mod kif kien trattat fuq in-Net TV d-deputat Josè Herrera, deputat li dejjem kelli ammirazzjoni kbira lejh għall-mod kif irid jagħmel il-politika, għax nesa jiġbor liċenzja li kienet saret bl-iktar mod nadif. Kien hemm għalfejn nuruh qisu għamel xi ħaġa ‘korrotta’?
L-istess One News. Waqt li jitkellmu dwar allegati każi ta’ korruzzjoni jibqgħu jġibu idejn anonimi jgħaddu l-flus lil xulxin bil-kliem ‘Rikostruzzjoni’ fil-ġenb. Missieri fehma eżatt kif riedu li jfehmuha ta’ One News. Qalli ‘Dik il-korruzzjoni veru, ta, għax ġabu l-filmat tal-flus għaddejjin’. Ħatja meta lanqas biss ikunu tressqu akkużati b’xi ħaġa.
Il-korruzzjoni hi kerha. Kerha daqs, jekk mhux aktar minn min ikun kompliċi biex jitkissru n-nies bil-media qabel biss mhemm akkuża kontriehom aħseb u ara kemm instabu ħatja. Li tkun nadif ma jfissirx biss ma tinxtarax iżda l-indafa fil-politika tfisser li ma tagħmilx kollox biex tkun jew tibqa’ fil-poter.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|