MediaToday

Aħbarijiet | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

Pulizija fl-għases jingħaqdu fir-rondi ma’ l-ALE

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

F’kummenti lil din il-gazzetta John Rizzo, il-Kummissarju tal-Pulizija ikkonferma li ħareġ struzzjonijiet biex l-għases kollha fid-Distretti jagħmlu r-rondi għal kontra l-abbuż minn ċerti kaċċaturi. Dan teknikament ifisser li l-Pulizija mhux se tkun qed taħdem biss bil-madwar 25 ħaddiem li għandha fl-Iskwadra ta’ l-ALE (Administrative Law Enforcement) imma b’volum ferm akbar ta’ pulizija.
Din id-dikjarazzjoni xxejjen kompletament il-kritika kontinwa ta’ l-Oppożizzjoni li tgħid li l-Gvern mhux qed jimpenja ruħu fuq l-infurzar.
“Nikkonferma li ħriġt struzzjonijiet biex dawk il-pulizija tad-Distrett li jkunu bil-first watch joħorġu jagħmlu rondi żejda minħabba l-kaċċa,” sostna John Rizzo.
“Anke fil-ħinijiet ta’ filgħaxija l-għases se jkunu qed jaħdmu u jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-ALE,” spjega l-Kummissarju.
“Nista’ nikkonferma li anke fl-istaġun li għadda l-Pulizija tad-Distrett kienu strumentali għal numru kbir ta’ taħrikiet li ħarġu meta qabdu kaċċaturi jiksru l-Liġi fil-fatt,” saħaq John Rizzo.
Iżda fuq il-platt tal-Korp tal-Pulizija issa hemm fatturi ġodda.
Meta fl-1 ta’ Settembru fetaħ l-istaġun tal-kaċċa, il-Gvern ħabbar emenda ġdida li biha bejn nhar is-Sibt li ġej u t-30 ta’ Settembru, 2007 ħadd ma jista’ jikkaċċja wara t-3 pm. Il-kaċċa tibqa’ magħluqa sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx.
L-għan ta’ din il-miżura hu biex tajr tal-priża jibqa’ protett. L-istudji juru li dan hu l-aktar perjodu li fih ipassu tajr tal-priża u normalment qtajtiet ta’ għasafar jieqfu jistrieħu Malta qabel ma jkomplu l-vjaġġ tagħhom lejn pajjiżi oħra.
“Jien kont naf b’din l-emenda tal-Gvern. Naqbel magħha u rrakkomandajtha,” jammetti John Rizzo.
“Fil-ħinijiet ta’ matul il-ġurnata l-Pulizija tkun armata sew imma ma ridniex nissugraw li filgħaxija ninqabdu fuq sieq waħda hekk kif wara l-4 pm
ir-riżorsi tagħna jibdew jonqsu meta mqabbel mal-ħinijiet ta’ filgħodu,” kompla l-Kummissarju.
Mistoqsi x’jikkummenta dwar dawk li lesti jisfidaw il-Liġi u joqtlu tajr li jkun qed jistrieħ tul dawk il-15-il ġurnata John Rizzo wieġeb b’ton ta’ twissija serja.
“Min jipprova jdamdam għasafar protetti jagħmel hekk u jkun jaf x’hemm lest għalih!” wissa Rizzo.
“Ma nixtiqux li l-minoranza tal-kaċċaturi tikser il-Liġi u tirrifletti ħażin fuq dawk il-kaċċaturi li jimxu mar-regolamenti,” temm jgħid il-Kap tal-Pulizija.
Il-Gvern diġà ta indikazzjoni li f’dan l-istaġun se jkun qed jimxi għal darb’oħra b’id tal-ħadid ma’ min jagħmel reat u għalkemm ma tkellimx ċar jidher li mhux qed jeskludi li kemm-il darba jkun hemm kaċċaturi li jabbużaw lest li kif għamel aktar kmieni din is-sena, jerġa’ jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa qabel iż-żmien.
Il-Gvern fi stqarrija saħaq li “il-Gvern ma jeskludix passi ulterjuri kemm-il darba jkun hemm l-abbuż. L-abbuż ikun qed jippreġudika lil dawk il-kaċċaturi li josservaw il-Liġi u huma favur kaċċa sostenibbli.”
Kaċċaturi li jinqabdu jiksru l-Liġi jistgħu jeħlu sa’ massimu ta’ Lm6,000 multa u / jew sentejn priġunerija flimkien mal-konfiska ta’ l-arma u r-revoka tal-liċenzja tal-kaċċa.
Illum tista’ tikkonferma li l-Kumitat Ornis mistenni jiltaqa’ mill-ġdid din il-ġimgħa. Fuq l-aġenda hemm fost l-oħrajn il-kwistjoni ta’ l-infurzar u għal din il-laqgħa mistenni jkun hemm preżenti wkoll membru tal-Korp tal-Pulizija.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075