MediaToday

Aħbarijiet | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

Nisa fil-Parlament: Malta minn ta’ l-aħħar

Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt

Il-fruntieri l-iktar estremi ta’ l-Ewropa, l-Iskandinavja fin-naħa ta’ fuq u Malta fin-naħa ta’ isfel, ma jirrappreżentawx biss distanza kbira ġeografika imma wkoll distanza kbira kulturali f’dak li għandha x’taqsam ir-rappreżentanza Parlamentari tan-nisa.
Filwaqt li fl-Isvezja 47 fil-mija tal-Parlament hu magħmul min-nisa, f’Malta r-rappreżentanza Parlamentari titla’ biss għal disgħa fil-mija.
Il-kultura hi riflessa b’mod ġenerali fil-pajjiżi Ewropej kollha li jdawru l-Mediterran fejn ir-rappreżentanza Parlamentari tan-nisa ma taqbiżx l-20 fil-mija. Il-fatt li anki l-Irlanda għandha ċifri baxxi ta’ rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament jista’ jindika li l-fenomenu hu wkoll riflessjoni fuq il-kultura Kattolika li ma tinkoraġixxix is-sehem akbar tal-mara fil-ħajja ekonomika u politika.
F’dan is-sens, Spanja tikser kull tradizzjoni għax ir-rappreżentanza tan-nisa titla’ għal 36 fil-mija. Iżda dan ma seħħx b’kumbinazzjoni. Bħal ħafna mill-pajjiżi Nordiċi, Spanja għandha kwoti elettorali nazzjonali biex jiżguraw li l-ammont ta’ nisa fil-Parlament ikun jirrifletti aħjar il-qasma bejn is-sessi fis-soċjetà.
Storikament il-kwoti għenu biex tikber ir-rappreżentanza tan-nisa għax indirizzaw kultura maskilista li xxettlet matul iż-żminijiet. L-istatistika turi li anki kwoti fuq livell ta’ partit fl-għażla ta’ kandidati elettorali għenu biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa.
Il-Membru Parlamentari Helena Dalli temmen li jekk f’Malta ma ndaħħlux il-kwoti “għandna ħafna x’nistennew biex ikollna rappreżentanza vera u demokratika fil-Parlament.”
Hi ssostni li l-kwoti mhumiex xi ħaġa li wieħed għandu joqgħod fuqhom, “imma huma għodda biex tħaffef il-proċess li bih jiżdiedu n-nisa fil-Parlament.”
Dalli tissuġġerixxi sistema fejn wara li jkunu telgħu l-kandidati kollha bil-proċess elettorali normali jidħlu fil-Parlament dawk in-nisa, skond numru miftiehem mill-partiti, li ġabu l-akbar ammont ta’ voti wara l-kandidati eletti.
F’Malta għandna biss sitt nisa f’Parlament ta’ 65 li jagħmilna fost l-agħar pajjiżi Ewropej fejn tidħol ir-rappreżentanza femminili. Id-diffikultà prinċipali iżda hi li l-għadd ta’ kandidati nisa hu mill-iktar baxx u allura ċ-ċansijiet li jitilgħu jonqsu. Mill-1947 sa llum kienu biss 67 mara li ikkontestaw l-elezzjonijiet ġenerali li jikkuntrasta bil-kbir ma’ iktar minn 1,000 raġel.
Bħall-MP nisa l-oħra, Dalli tqis li x-xkiel biex ikun hemm iktar nisa jipparteċipaw f’kull livell tal-politika ġej mill-mentalità u l-kultura li l-mara hi responsabbli mill-familja.
“Ħafna drabi mara jkollha tagħmel aktar sagrifiċċji, għalkemm jista’ jkun pożittiv għax jagħmilna iktar b’saħħitna. Ħafna rġiel għandhom mara d-dar li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tad-dar u tal-familja. Min-naħa l-oħra ħafna nisa, minkejja li jaħdmu barra d-dar, xorta jsibu li din ir-responsabbiltà għadha taqa’ kważi kollha fuqhom. Qed nara progress f’dan l-aspett fil-familji żgħażagħ imma għadna ’l bogħod mill-familja simetrika fejn iż-żewġ ġenituri jagħtu s-sehem tagħhom fid-dar u t-trobbija tat-tfal,” issostni Dalli.
Fuq livell ta’ partit jinħass ukoll in-nuqqas ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà. Għal Dalli hemm spjegazzjoni loġika.
“Aktar ma’ titla’ ’l fuq, aktar hemm responsabbiltà u rabta. Ħafna nisa mhumiex lesti jidħlu għal dawn ir-responsabbiltajiet għax għandhom bżonn jibqgħu flessibbli għall-ħtiġijiet tal-familja. Jekk għandek Kabinett li jibqa’ għaddej għal sigħat sħaħ irid ikollok is-serħan tal-moħħ li kollox fil-familja se jibqa’ miexi tajjeb mingħajrek. Filwaqt li għal ħafna rġiel din hi xi ħaġa awtomatika, għal ħafna nisa hi problema.”

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075