Fil-15 ta’ Awissu li għadda l-Perù theżżeż minn terremot qawwi. Mal-500 persuna tilfu ħajjithom, aktar minn 1,500 ruħ indarbu filwaqt li għexieren ta’ eluf oħra kellhom jabbandunaw id-djar tagħhom. Grupp ta’ Maltin jinsabu fil-Perù f’ħidma volontarja f’dan il-pajjiż. Mid-djarju ta’ Fr Silvio Bezzina toħroġ is-sitwazzjoni mwiegħra li jinsabu fiha eluf ta’ familji Peruvjani
29 ta’ Awissu – 1 ta’ Settembru 2007
Nhar l-Erbgħa fit-tmienja ta´ filgħaxija tlaqna minn Arequipa għal għonq it-triq lejn Pisco, żona tat-terremot. Konna tmienja fil-land cruiser, żewġ persuni (Mario u Kipler), ħames lajċi voluntiera Maltin miċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja (Stephanie, Christine, Francesca, Pauline u Karen), u jiena. It-triq twila, madwar 700 kilometru, u ippreferejna nsuqu bil-lejl biex niffrankaw il-qilla tax-xemx għax bosta mit-triq hija jew qalb il-muntanji Andes jew mal-baħar, imma kważi kollha deżert, minbarra l-irħula jew bliet żgħar li tiltaqa’ magħhom. Ħadna magħna kwantità ta’ ikel u ilma.
Wasalna Pisco fl-10:30 ta’ filgħodu tal-Ħamis. Hawn stajt nara li s-sitwazzjoni fil-belt kienet għadha kważi l-istess minn mindu rajtha l-ewwel darba.
Għaddejna mill-istess toroq. Verament kienu tneħħew ħafna borġijiet ta’ brikks u terrapien ieħor u kienu ssewwew xi toroq, u xi xogħol kien jidher li qed isir, imma bażikament in-nies kienu għadhom fl-istess kundizzjoni li kienu fiha ġranet qabel. Rajna tined u kmamar fejn kienu qed jgħixu jew almenu jorqdu bil-lejl. Qabditni diqa. Tant huma kbar il-bżonnijiet! X’tista’ u x’taqbad tagħmel? Tħossok xejn quddiem il-kobor ta’ din ir-realtà, li donnu ma hemmx soluzzjoni għaliha.
Bqajna sejrin direttament fil-Mission Station tas-Sorijiet Dumnikani fejn konna morna 10 ijiem qabel. Aktar u aktar djar imwaqqgħin. Nies isajru barra. Uħud jinġabru fi gruppi familjari jew ta´ ġirien u jippreparaw ikla komuni f’borma jew kaldarun. Apprezzajt din it-tip ta’ solidarjetà. Kif se naqbdu ngħinu? Lil min?
Il-Mulej malajr jagħtik risposta. Ma kinux għaddew ħames minuti minn x´ħin wasalna, meta feġġew tliet nisa, akkumpanjati minn xi tmint itfal, jitolbu l-għajnuna.
Federico, il-koordinatur tal-ħidma ta’ assistenza għand is-sorijiet, indirizzahom lejja. Qalli li dawn in-nisa ġew minn żona jisimha Sector 14, ifittxu l-għajnuna. Nistgħu ngħinuhom? Dażgur! Qalilhom li din għajnuna li niżlet mis-sema, għax ma kinux qed jistennewha.
Tkellimt ma’ Isabel, li dehret qed tmexxihom. Qaltli li f´Sector 14 hemm madwar 26 familja li għandhom bżonn għajnuna. Tajjeb, aħna noffrulhom dak li għandna. Tlabtha biss li tikkoordina u tiġbor il-familji ħalli kulħadd jieħu sehem tajjeb. Ftehimna li terġa’ tiġi fl-4:00 ta’ filgħaxija ħalli mmorru nżuru din iż-żona.
Qassamna l-ikel li kellna, parti minnu mibgħut miċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja, u parti mixtri bid-donazzjonijiet miġjuba minn Malta miż-żgħażagħ, fi 30 hamper sostanzjali… 3kg ross, 2kg żokkor, żejt, ilma, pakketti ta’ għaġin, bottijiet ta’ ħalib u żalza, eċċ. Qisu daqs ta´ kaxxa tal-ħalib għal kull familja.
Morna Sector 14. Fit-triq komplejt nitkellem ma’ Isabel, li meta staqsejtha, qaltli li l-aktar li għandhom bżonn in-nies huwa ikel u xorb. Mingħajr ħwejjeġ puliti u sbieħ tgħix, imma mhux mingħajr ikel.
In-nies kienu nġabru. Isabel kellha karta f’idha bil-lista tal-familji. Lin-nies għedtilhom li se nqassmulhom dak li ngħatalna lilna b’imħabba minn qlub ġenerużi, u li f’pajjiżna saret ġabra kbira u għandhom jintbagħtu ħames containers ta’ għajnuna.
Kont qed nirreferi għall-ġabra li saret f’Dar San Ġużepp, organizzata miċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Tlabthom jgħidu talba għal min kien qed ikun ġeneruż magħhom, u jirringrazzjaw lil Alla tal-providenza tiegħu. Iż-żgħażagħ voluntiera Maltin ħadu gost iqassmu dak l-ikel, u verament, x’ħin tara it-tbissima fuq wiċċ in-nies li qed jirċievu tħossok kuntent u tgħid il-vjaġġ li għamilt u t-tbatija biex wasalna (u biex nerġgħu lura) ma kinux għal xejn. Ħloqna tbissima fuq fomm 30 familja.
Sakemm iż-żgħażagħ komplew mal-familji, u bl-entużjażmu tagħhom ħolqu ambjent sabiħ f’dan il-lokal fqir, tkellimt ma’ Josè, raġel tal-familja, jaħdem l-għelieqi.
“Bil-mod il-mod qed nirranġaw”, qalli. “Iż-żona tagħna, għalkemm waqgħu xi djar u hemm konsenturi f’oħrajn, ma ġarrbitx ħsara kbira għax mibnija fuq blat sod. Iżda la għandna dawl u lanqas ilma.”
Fil-fatt, l-ilma nqata’ b’riżultat tat-terremot, u s-servizz ta’ l-elettriku għadu ma wasalx f’din iż-żona. Kompla jgħidli Josè, “Alla kien ħanin magħna għax dak li ġara seta’ seħħ bil-lejl meta konna reqdin u li kieku ġara hekk kien ikollna aktar feruti u mejtin ukoll. Fuq kollox, il-Mulej qed jipprovdielna għajnuna minn żmien għal żmien. Grazzi ħafna.”
L-għada l-Ġimgħa morna nżuru ċ-ċentru tal-belt ta’ Pisco u rajna mill-qrib dak li deher fuq il-mezzi tax-xandir. Mill-knisja prinċipali, fejn mietu aktar minn 130 ruħ, baqa’ biss il-kampnari. Il-bulldozers kienu qed ikomplu jwaqqgħu u nies jaħdmu b´għodda sempliċi kienu qed inaddfu u joħorġu aktar terrapien mid-djar.
Dorna blokk wara blokk, u fl-ebda wieħed ma sibna dar li baqgħet sħiħa. X’sens ta´deżolazzjoni u frustrazzjoni. Fi ftit minuti, terremot qered belt sħiħa! Ħafna tilfu ġenituri, aħwa, ulied u ħbieb. Iġġarrfet knisja oħra, u fiha mietu mara anzjana u abbati. Ma tkunx tiflaħ tlissen kelma. Żgur li ma nistgħux inħossu dak li qed iħossu dawn il-povri nies għax aħna ma ġarrabniex. Nistgħu biss inkunu qrib, u bis-solidarjetà tagħna nuru li qed nagħtu kas, u li m’aħniex insensittivi għal dak li qed isofru.
Komplejna nqassmu dak li kien fadlilna fost il-gruppi familjari u ġirien li kienu qed isajru barra. Xi wħud qalu grazzi, oħrajn talbu aktar. Ma kellnix aktar! Imbagħad xena li weġġgħetni: waħda mara li kienet fost grupp li qed isajru resqet lejn il-karozza tagħna.
Tajniha basket ikel, imma flok qasmet ma’ l-oħrajn, telqet lejn il-kamra/dar tagħha. Mara oħra marret warajha tgħidilha li dak kien għal kulħadd imma daħlet ġewwa bla kliem u bla sliem. Iddispjaċini, imma ma ridtx niġġudika. F’mument ta’ tbatija joħroġ is-sabiħ tal-persuna, imma joħroġ ukoll l-ikrah!
Sadanittant kienu qed jaslu gruppi oħra ta’ żgħażagħ minn Lima (madwar 200 km ’l bogħod) u minn Tacna (900 km ’l bogħod) biex jgħinu fit-tqassim fiż-żona li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ din il-Mission Station. It-tbatija li joħloq diżastru naturali hija kbira imma l-imħabba, il-ġenerożità u l-karità juru l-qawwa tagħhom f´mumenti bħal dawn. U huma akbar!
Wiċċ iż-żgħażagħ kien jixhed il-ferħ li kienu qed jesperjenzaw. Verament ilkoll kemm aħna konna kuntenti li għamilna l-parti ċkejkna tagħna biex ġibna ftit ferħ fost ftit nies li bħal ħafna, kienu u għadhom qed ibatu. Huwa Ġesu’ Kristu li jinsab fil-batut li ma jista’ jroddlok xejn lura, li joffrilek il-ferħ li ma ssibx f’imkejjen oħra.