MediaToday

Aħbarijiet | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

Eku tar-Rapport Galdes dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi

L-MLP u l-AD għadhom jaqblu miegħu, il-PN issa m’hu jeskludi xejn

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Tnax-il sena wara li tlesta r-rapport mill-Kummissjoni Galdes dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi fl-1995, il-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika għadhom jaqblu mal-pożizzjoni li esprimew tnax-il sena ilu, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista issa m’huwa qed jeskludi l-ebda proposta.
Leo Brincat, ir-rappreżentant tal-Partit Laburista fil-Kummissjoni, kien qabel mar-rapport tal-Kummissjoni li donazzjonijiet minn sors wieħed mogħtija f’sena kalendarja li jaqbżu l-ammont ta’ Lm10,000 għandhom ikunu pprojbiti u f’każijiet ta’ donazzjonijiet minn sors wieħed li f’sena kalendarja waħda jkunu jaqbżu l-Lm5,000, l-identità tad-donatur għandha tigi pubblikata mill-partit politiku fir-rendikont finanzjarju tiegħu.
Mistoqsi jekk il-Partit Laburista għadux ta’ l-istess fehma fuq ir-rapport Galdes, is-Segretarju Generali Jason Micallef qal lill-Illum: “Minn dak iż-żmien lil hawn il-Partit Laburista ma bidilx il-pożizzjoni tiegħu li kien ħa dwar ir-rapport Galdes’’
Stephen Cachia, ir-rappreżentant ta’ l-AD fil-Kummissjoni, kien qabel mal-prinċipju li l-finanzjament tal-partiti għandu jkun regolat, imma għamel riżerva li l-ammont massimu permess kellu jkun inqas, jiġifieri li donazzjonijiet minn sors wieħed mogħtija f’sena kalendarja li jaqbżu l-ammont ta’ Lm1,000 għandhom ikunu pprojbiti u f’każijiet ta’ donazzjonijiet minn sors wieħed li f’sena kalendarja waħda jkunu jaqbżu l-Lm500, l-identità tad-donatur għandha tigi pubblikata mill-partit politiku fir-rendikont finanzjarju tiegħu.
Mistoqsi jekk l-AD għadhiex ta l-istess fehma fuq ir-rapport Galdes, iċ-Chairperson Harry Vassallo fisser li l-għotjiet privati lill-partiti politiċi joħolqu obbligazzjonijiet.
“Ukoll illum ftit huma dawk li jifilħu jagħmlu donazzjonijiet ta' iżjed minn Lm1,000 f'sena lil xi partit, għalhekk tajjeb li nżommu ma' din ir-restrizzjoni kif proposta originalment biex ma jinħolqux iżjed obbligazzjonijiet ta’ xi partit politiċi lejn minoranza li tiflaħ tinvesti fihom b'dan il-mod u tikseb vantaggi fuq il-bqija tal-popolazzjoni,” qal Vassallo.
Huwa fisser kif f’pajjiżi fejn id-demokrazija titħares b'għira xierqa l-partiti politiċi huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi u d-donazzjonijiet/self li jirċievu huma ddikjarati.
“Dan igħin ukoll biex wara l-elezzjoni jonqos il-ħrug ta' permessi tal-bini li qatt ma kellhom jinħargu, l-għoti ta' art tal-Gvern b'rati tad-daħk, l-ispejjeż fuq progetti tal-Gvern li dejjem jaqbżu l-ewwel stimi u 100 mod ieħor biex jitberbqu l-fondi pubbliċi, kif ukoll biex il-partiti politiċi ma jibqgħux fi gwerra finanzjarja, min minnhom jonfoq l-iżjed u b'hekk ma jibqgħux taħt il-ħakma ta' min jiffinanzjahom,” sostna ċ-Chairperson ta’ l-AD.
Tonio Borg, ir-rappreżentant tal-PN fil-Kummissjoni, ma kienx qabel mar-rapport tal-Kummissjoni u kien ippropona limitu aktar wiesa’, jigifieri li donazzjonijiet minn sors wieħed mogħtija f’sena kalendarja li jaqbżu l-ammont ta’ Lm20,000 għandhom ikunu pprojbiti u f’każijiet ta’ donazzjonijiet minn sors wieħed li f’sena kalendarja waħda jkunu jaqbżu l-Lm10,000, l-identità tad-donatur għandha tiġi ippubblikata mill-partit politiku fir-rendikont finanzjarju tiegħu.
Mistoqsi jekk il-PN għadux ta’ l-istess fehma fuq ir-rapport Galdes, is-Segretarju Generali Joe Saliba qal lill-Illum: “Ninfurmak li f'dan l-istadju l-Partit Nazzjonalista hu miftuħ għal kull proposta u suġġeriment b'rabta mas-suġġett.”
Fil-Kummissjoni Galdes kien hemm ukoll Dolores Cristina, illum Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, bħala membru indipendenti. Dakinhar, bil-maqlub tal-Partit Nazzjonalista, Cristina kienet qablet mar-rapport tal-Kummissjoni.
Mistoqsija jekk illum għadhiex ta’ l-istess fehma fuq ir-rapport Galdes, Cristina qalet lill-Illum: “Tapprezza li issa għaddew 12-il sena minn meta kont membru tal-Kummissjoni u m’għandix ħin biex nirreferi għar-Rapport tal-Kummissjoni u niffriska l-memorja.
“Imma ma nara l-ebda raġuni għaliex għandi nbiddel il-pożizzjoni tiegħi fuq prinċipji li qbilt magħhom meta tħejja r-Rapport tal-Kummissjoni fl-1995,” hija sostniet.
Il-Kummissjoni dwar il-Finanzjament u Rendikont tal-Partiti Politiċi u tal-Kandidati fl-Elezzjoni Generali twaqqfet fil-25 ta’ April 1994 u kienet komposta mill-eks Gvernatur tal-Bank Ċentrali Anthony Galdes bħala Chairman. Il-Kummissjoni ressqet ir-rapport finali tagħha f’Mejju ta’ l-1995.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075