L-Uffiċċju tal-Prim Ministru: “Id-deċiżjoni dwar kumpens tittieħed wara konsultazzjoni ma’ l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali”
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ikkonferma ma’ Illum li l-familja ta’ Raymond Caruana talbet ukoll li tingħata kumpens minħabba l-qtil ta’ binhom fil-5 ta’ Diċembru ta’ l- 1986.
Din it-talba saret madwar tliet xhur wara li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rċieva talba mill-familja tal-Professur Edwin Grech biex il-familja tingħata kumpens għall-qtil ta’ Karin Grech.
“Nikkonfermaw li l-Gvern irċieva talba mill-familji Caruana u Grech għall-kumpens,” sostna kelliem ewlieni għall-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
S’issa għadu mhux magħruf jekk il-Gvern hux se jagħti kumpens u, jekk iva, meta se jingħata.
“Id-deċiżjoni dwar kumpens lill-familja in vista ta’ dawn id-delitti, li kull wieħed minnhom għandu l-partikolaritajiet tiegħu, tittieħed mill-Gvern wara konsultazzjoni ma’ l-Uffiċju Ġenerali,” ikkonferma l-istess uffiċjal.
Karin Grech
Sadanittant nhar il-Ġimgħa l-Professur Edwin Grech u martu Pearl, permezz ta’ l-avukat Emmanuel Mallia, fetħu protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Fil-protest ġudizzjarju jissemma kif twettaq id-delitt ta’ Karin Grech fit-28 ta’ Diċembru 1977 meta għall-ħabta tan-12.30pm it-tifla, dak iż-żmien ta’ 15-il sena, fetħet envelop kbir kannella li fih kien imgeżwer pakkett b’wrapping paper tal-Milied, indirizzat lil missierha. Meta nfetaħ il-pakkett sploda u Karin Grech mietet fl-isptar San Luqa 30 minuta wara.
Bl-istess splużjoni, Kevin, ħu Karin, indarab ukoll u kellu jittella’ l-Ingilterra għal kura medika urġenti.
Il-protest ġudizzjarju jelenka li “iċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ gravi u traġiku huma kjarament indikattivi ta’ reat motivat minn raġunijiet medico-politiċi, naxxenti mill-klima partikolari li kien jiċċirkonda l-kwistjoni ndustrijali msemmija tant illi l-kunsiderazzjonijiet professjonali mediċi sfaw meqjusa prattikament sekondarji fl-isfond ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi prevalenti f’dak iż-żmien.”
Edwin u Pearl Grech isostnu wkoll li “tali klima tinsab ukoll riflessa fis-sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fl-ismijiet tal-Professur Edwin Grech kontra Anthony Mallia.”
“Tali klima kienet ukoll riflessa f’inċident ieħor li seħħ fid-dar tal-protestanti f’San Ġwann, meta skond kif ġie anke msemmi fir-rapport ippreżentat mill-kompjant Maġistrat Anastasi, il-protestanti Professur Edwin Grech ġie mwissi f’daru stess u fil-preżenza tal-familja tiegħu bil-kliem “don’t forget that you have children” – kliem li kellu jirriżulta traġikament profetiku.”
Fil-protest il-familja Grech tfakkar li “abbażi tal-policy dikjarata u applikata f’numru sew ta’ każijiet mill-Gvern ta’ Malta, illi każijiet partikolari fejn individwi jkunu sofrew danni (ta’ natura u entità varji) bħala riżultat dirett jew indirett tal-prestazzjoni minnhom ta’ servizz lill-Gvern, ikunu meqjusa eleġibbli u għalhekk jingħataw kumpens.”
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-familja Grech “tinterpella lill-Prim Ministru biex jersaq għall-likwidazzjoni u ħlas tad-danni kollha sofferti minnhom bħala riżultat tat-traġedja tat-28 ta’ Diċembru 1977 u jqiegħduh minn issa f’dolo, mora u culpa għal kull tenu effett tal-Liġi (iżżommu responsabbli għall-agir tiegħu).”