Aħbarijiet | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Minkejja li l-Ministru ta’ l-Ambjent George Pullicino kien ikkonferma li l-istrateġija għall-immaniġġjar ta’ l-iskart inbidlet biex minflok impjant wieħed ta’ riċiklaġġ li jittratta l-iskart kollu ta’ Malta jkollna tlieta, jidher li l-Prim Ministru mhux infurmat dwar dan.
Il-Ħadd li għadda fil-każin tal-PN tar-Rabat, għal mistoqsija minn din il-gazzetta, Gonzi sostna li l-Gvern ma biddilx il-politika tiegħu dwar l-impjanti ta’ riċiklaġġ.
Il-Prim Ministru nsista li qatt ma kienet l-intenzjoni tal-Gvern li jkun hemm impjant wieħed ta’ riċiklaġġ f’Marsaskala li jittratta l-iskart kollu ta’ Malta. Minkejja dan il-fatti huma għal kollox differenti. F’intervista mal-gazzetta MaltaToday Midweek f’Ġunju li għadda Pullicino tenna li l-istrateġija ta’ l-iskart inbidlet biex minflok impjant wieħed ta’ riċiklaġġ ikun hemm tlieta oħra u b’hekk f’Wied il-Għajn jinżel biss terz ta’ l-iskart.
Gonzi tant kien ċert minn kliemu li anki ta spjegazzjoni għalfejn ma kienx jagħmel sens li jkun hawn biss impjant wieħed.
“Kieku vera ridna mmorru għal impjant wieħed is-sens komun kien jgħidlek biex tagħmlu fiċ-ċentru ta’ Malta biex ma jkollniex il-karozzi u t-trakkijiet minn kull naħa ta’ Malta jaqsmu l-gżira biex jinżlu fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Kieku ridna hekk kien jagħmel sens nagħmluh fin-nofs ta’ Malta,” qal il-Prim Ministru.
Mistoqsi fejn se jiġu ż-żewġ impjanti l-oħra Gonzi sostna li jrid ikun hemm wieħed fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u possibbilment ieħor f’Għawdex.
Jidher li jew il-Prim Ministru għamel żball ġenwin jew inkella mhux tant infurmat fuq l-istrateġija ta’ l-iskart u kif qed titħaddem.
L-istrateġija nbidlet wara r-reżistenza qawwija li saret minn residenti ta’ Marsaskala li oġġezzjonaw bil-kbir li l-iskart kollu ta’ Malta jinżel fir-raħal tagħhom. Il-MEPA ħarġet il-permess biex l-impjant eżistenti jitwaqqa’ u jinbnew strutturi iktar moderni anki jekk għad hemm appell li jrid jinqata’
L-impjant ta’ Wied il-Għajn għandu jittratta biss 70,000 tunnellata skart, id-doppju ta’ l-iskart li kien jidħol fl-impjant sa ftit taż-żmien ilu.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|