Aħbarijiet | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45
Julia Farrugia
Tliet xhur ilu kumpanija ewlenija f’Malta li l-kuntrattur Żaren Vassallo għandu l-akbar ammont ta’ ishma fiha tat donazzjoni ta’ Lm5,000 lill-Partit Laburista.Id-donazzjoni ngħatat bħala donazzjoni għall-kampanja elettorali tal-MLP.
Illum għandha konferma li l-flus ħarġu mill-Cottonera Waterfront Group li Żaren Vassallo għandu 20 fil-mija ta’ l-ishma fiha, permezz tal-kumpanija Vassallo Builders Group Ltd.
Kien il-Professur Edward Scicluna, Chairman tal-Cottonera Waterfront Group, li tard il-bieraħ wara nofsinhar ikkonferma li nħarġet din id-donazzjoni ta’ Lm5,000 lill-Partit Laburista.
“Tajna l-istess ammont ta’ flus ukoll lill-Partit Nazzjonalista,” saħaq Scicluna.
Din l-aħbar għal darb’oħra tikxef ir-rabta intima li teżisti bejn negozjanti ewlenin u l-partiti politiċi l-kbar li sa llum, minkejja l-kliem sabiħ, jibqgħu jirrifjutaw li jippubblikaw l-ismijiet ta’ min tahom donazzjoni u l-valur tad-donazzjoni.
Żaren Vassallo hu wieħed mid-diretturi tal-Cottonera Waterfront Group. Diretturi miegħu hemm ukoll Edward Scicluna, Joseph Fenech, Edward Bencini, Joe Cassar, George Barbaro Sant, Pio Vassallo, Nazzareno Vella, Italo Raniolo u Paul Vella.
L-Lm5,000 jirriżulta li ngħataw fil-bidu ta’ dan is-sajf u l-Partit Laburista ħareġ irċevuta għal din id-donazzjoni fil-5 ta’ Ġunju li għadda.
Kien biss xahrejn wara li fil-media Laburista kienet żvelata r-rabta bejn Żaren Vassallo u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Joe Saliba. Dan ta’ l-aħħar deher ġej lura minn btala privata li għamel ma’ Vassallo fuq il-yacht personali tal-kuntrattur.
Nhar il-Ġimgħa din il-gazzetta talbet il-kumment ta’ Żaren Vassallo dwar kemm iħossu ddispjaċut li wara li ta donazzjoni issa spiċċa fil-mira ta’ numru ta’ attakki.
“Emm, emm, emm. Minn fejn ġibt l-informazzjoni? Staqsi lis-sors tiegħek,” kienet l-ewwel reazzjoni ta’ Żaren Vassallo.
Ftit wara sostna: “La niċħad u lanqas nikkonferma li għaddiet din id-donazzjoni.”
“Naturalment, iva, tweġġa’ ħafna li tispiċċa attakkat fuq affarijiet li mhux minnhom, kemm jekk tagħti donazzjoni u anke jekk le,” qal Vassallo.
Il-kuntrattur kompla jgħid li ma jistax jikkonferma jekk tax donazzjoni ta’ eluf ta’ liri lill-Partit Laburista. Madankollu meta mistoqsi speċifikament jekk allura hux qed jgħid li l-Lm5,000 ħarġu mill-Cottonera Waterfront Group minn wara dahru, hu wieġeb hekk: “Le, le. Minn wara dahri żgur li ma jsir xejn f’dik il-kumpanija. Qed ngħidlek biss li dik hi informazzjoni kummerċjali u għalhekk ma nistax la nikkonferma u lanqas niċħad informazzjoni dwarha,” temm Vassallo.
Apparti l-20 fil-mija ishma ta’ Żaren Vassallo fil-kumpanija Cottonera Waterfront Group hemm l-ishma ta’ Blokrete Limited, Ballut Blocks Services Ltd, Hal Mann Holdings Ltd, Alberta Projects Ltd, Applied Economics Consulting Ltd, Raniolo Ltd u B & C Ltd.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|