MediaToday

Pjazzetta | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

Iġsma

‘Bodies’ hi wirja ta’ disinji minn Gilbert Calleja, Jesmond Vassallo u Robert Zahra li ngħaqdu biex jistudjaw il-ġisem tal-bniedem. F’din il-wirja qed tintwera għażla żgħira ta’ xogħlijiet minn numru ferm akbar li t-tlieta għamlu flimkien din is-sena.
Ix-xogħlijiet għall-wiri huma xhieda tal-kunfidenza u l-kapaċità li l-artisti għandhom fil-bosta materjal differenti li jużaw. Dawn ivarjaw minn faħam, għal linka u għal akrilika.
Calleja, Vassallo u Zahra jitkellmu fuq il-‘ġisem-suġġett’ meta jiddiskrivu l-użu u l-għażla tal-mudell. Huma jagħmlu enfasi fuq ir-rwol tal-mudell bħala suġġett attiv ma’ min jaqsmu l-ispazju ta’ fejn jaħdmu. L-importanza li l-artisti jagħtu lil din ir-relazzjoni tinħass fl-idjoma tassew partikulari u personali li kull wieħed minnhom addotta f’xogħlu.
Mistoqsi fuq kemm hu faċli jew diffiċli li artist isib mudelli disponibbli, Calleja jwieġeb,
“Seba’ snin ilu kienet diffiċli ssib mudelli jippużawlek għarwenin. U anki kienu jkunu suspettużi. Issa saret aktar faċli. Id-diffikultà issa saret li ssib mudelli jagħtuk xi ħaġa li hi friska u ħajja l-ħin kollu mhux il-pożi klassiċi. Fil-fatt aħna nippruvaw nużaw mudelli li qatt ma ppużaw għal ħaddieħor biex ma jkollhomx repertorju ta’ pożi.
“Anzi konna fortunati li sibna mudell li miegħu bnejna relazzjoni ta’ ħbiberija u skambju ta’ ideat. Allura b’hekk toħloq sens ta’ intimità.”
Fl-introduzzjoni tal-katalgu tagħhom, l-awtur Karl Schembri qal, “Qed iħarsu lejn poża waħda u jaqbdu mument bħal tliet kameras tar-ritratti qodma mqiegħda fl-istess kamra li jagħtuna stampi ipproċessati f’darkrooms differenti.”
Schembri, li jaf sew lil dawn it-‘Three bodies at work’, jenfasizza l-importanza tar-rwol ta’ l-istudjo, il-kamra li fiha kiber dan il-proġett. Hu spazju fejn jitlaqgħu l-ideat, jinġabru, jiġu ipproċessati u riprodotti mit-tliet artisti.
Ir-relazzjoni bejn it-tliet żgħażagħ bdiet madwar seba’ snin ilu meta kollha kienu għadhom fil-bidu ta’ l-istudji tagħhom. B’interess u passjoni komuni għall-arti u għall-esperimentazzjoni kreattiva huma żviluppaw sens ta’ rispett lejn ix-xogħol u l-ideat ta’ xulxin.
Iċ-ċirkustanzi riedu li t-tlieta jmorru jistudjaw l-arti barra minn Malta; Calleja mar Franza filwaqt li Vassallo u Zahra marru l-Italja. Tul dan iż-żmien żammew korrispondenza ħajja fejn spiss qasmu ideat u esperjenzi u nfurmaw lil xulxin b’dak li kien qed jiġri fiċ-ċrieki artistiċi fejn kienu qegħdin jgħixu dak iż-żmien.
Wara li temmew l-istudji tagħhom b’suċċess ġew lura Malta u komplew bil-kollaborazzjoni artistika tagħhom. Bdew jiltaqgħu darba fil-ġimgħa biex ipinġu l-mudell u eventwalment ħarġu bl-idea li jikkonkretizzaw dawn is-sezzjonijiet kollettivi f’wirja bl-intenzjoni li ‘jġeddu’ l-għarfien tagħhom tal-ġisem uman.
‘Bodies’ hi megħjuna minn Würth Malta, Bank of Valletta u MGS Limited (Nee Cosmetics). Il-wirja qed issir fis-Sala Kontemporanea, fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti fi Triq Nofsinhar, il-Belt. Il-wirja fetħet ilbieraħ u tibqa’ għaddejja sa l-1 ta’ Ottubru waqt ħinijiet ta’ l-uffiċċju.
Għal aktar informazzjoni ċempel 21233034, jew żur www.heritagemalta.org

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075