MediaToday

Emmanuel Micallef | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

MCESD ministerjali

Malli smajtha l-ewwel darba qarrast ftit xufftejja.
X’jiġifieri li proposta bħal din tkun meqjusa bħala suġġeriment personali? Jew hi proposta konkreta tal-partit jew mhix, għedt bejni u bejn ruħi. Qed nirreferi għas-suġġeriment li għamel il-mexxej Laburista li ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali jingħata pożizzjoni ekwivalenti ta’ Ministru tal-Gvern. Mal-ħin din il-proposta ma baqgħetx suġġeriment mitfuħ għal riħu imma bdiet tissawwar f’rakkomandazzjoni li effettivament issaħħaħ l-istituzzjoni tal-Kunsill. Mhux ta’ b’xejn li l-maġġoranza ta’ l-imsieħba soċjali rreaġixxew billi qalu li kienet proposta interessanti iżda tirrikjedi iktar spjegazzjoni dwar eżattament xi tkun tfisser. Ma naħsibx li nagħmlu ħażin jekk nagħtuha iktar ħsieb sakemm infasslu l-aħjar libsa għaliha biex fuq kollox tkun tista’ titħaddem b’mod effettiv fil-prattika.
Il-Gvern ukoll ta l-fehma tiegħu u qal li din ma kienet xejn ġdid għax iċ-chairman diġà jpoġġi ma’ ministri oħrajn fil-kumitat tal-kompetittività. Din kritika fjakka. Għax donnu l-Gvern issa ħadha drawwa li kulma tgħid l-Oppożizzjoni jirrispondi billi jistqarr li xejn mhu ġdid, jew li dak li tgħid l-Oppożizzjoni diġà qed isir jew se jsir fil-budget li ġej inkella li kollox hu riċiklat.
Meta l-Gvern jirreaġixxi b’dan il-mod ikun ifisser li m’għandux argumentazzjoni biżżejjed li xxejjen il-proposti ta’ l-Oppożizzjoni. Għax anki jekk kulma tgħid l-Oppożizzjoni hu fotokopja ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern, il-fatt li tinbidel il-persuna li twettaq il-proposta anki jekk riċiklata xorta waħda jinħass l-effett tal-bidla.
Jiżbalja l-Gvern jekk bħala kontro-offensiva jibqa’ għaddej b’din il-kantaliena! Iżda apparti dan, ma nistax nifhem kif il-proposta ta’ Alfred Sant ġiet interpretata li minbarra l-kabinet tal-ministri eletti hu se jaħtar ministri teknokratiċi. Li jagħti rank ta’ ministru ma jfissirx li tkun ministru, għalkemm jista’ jkun li tkun xi ħaġa aħjar minn Ministru bla portafoll!
Essenzjalment dak li jrid jagħmel Alfred Sant hu li jkabbar l-istatus ta’ dan il-Kunsill. Irid iħallih jaqdi l-funzjonijiet li għalihom twaqqaf oriġinarjament iżda b’mod li jkun iktar effettiv mhux biss billi jressaq il-pożizzjoni tiegħu lill-gvern b’mod mill-iktar oġġettiv u li jagħmel sens imma biex anki l-poplu ma jibqax iħares lejn dan il-kunsill qisu xi ħanut tat-tpaċpiċ li ma joħroġ xejn minnu.
Alfred Sant għamilha ċara li l-Kunsill iridu li jibqa’ wieħed konsultattiv. Jistenna allura li l-Gvern jisma’ u jifli l-pariri ta’ dan il-Kunsill iżda d-deċiżjoni jekk jiħux il-parir jew le tibqa’ dejjem il-prerogattiva tal-Gvern. Alfred Sant irid ukoll li dan il-Kunsill ma jiffunzjonax b’kalendarju okkażjonali. Ma jridx li l-laqghat tal-Kunsill jissemmew biss meta l-Gvern ikun se jħabbar il-baġit jew f’xi okkażjoni ta’ importanza ekonomika jew soċjali. Id-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill għandha tkun waħda kontinwa u regolari u għalhekk il-pariri tiegħu għandhom ikunu spissi.
Fiha nfisha l-idea ta’ Alfred Sant xejnet għal kollox il-proposta li kienet għamlet il-GWU li l-Gvern għandu jinqata’ ’l barra mill-operat tal-Kunsill. Alfred Sant irid li l-Kunsill ikun parteċipi fl-ippjanar u l-ħidma politika tal-Gvern. Bqajt mistagħġeb kif issa l-GWU tat x’wieħed jifhem li taqbel mal-proposta ta’ Alfred Sant li meta tifliha sew tfisser li qed titlaq lil hinn mill-pożizzjoni li kienet ħadet ftit tax-xhur ilu. Kutrumbajsa ta’ konvenjenza? Jista’ jkun! Nistgħu ngħidu wkoll li l-proposta tal-UHM li l-Kunsill ineħħi l-idea ta’ kunsens, li dejjem kellu, u minflok idaħħal is-sistema tal-vot ukoll ixxejnet b’dak li jrid jagħmel Alfred Sant.
Il-fatt li jrid li tibqa’ r-rwol ta’ konsultazzjoni u li jżid ir-responsabbiltà u l-awtorità taċ-Chairman tal-Kunsill ifisser li dan ta’ l-aħħar se jkollu d-dmir, bil-backing tal-Gvern ukoll, li jassigura li jintlaħaq kunsens. Ma jagħmilx sens li l-Kunsill imur quddiem il-Kabinet b’parir b’nofs sajran jew b’biċċa maħruqa u biċċa nejja!
Hekk jista’ jiġri kemm il-darba d-deċiżjonijiet fil-kunsill jittieħdu permezz ta’ vot. Il-UHM stqarret ukoll li ma kinitx qed taqbel mal-proposta ta’ Alfred Sant għaliex iċ-Chairman u allura l-Kunsill jitlef l-indipendenza tiegħu. Donnha riedet tfakkarna kif il-GWU kienet tilfet l-indipendenza tagħha meta kienet tifforma parti mill-Kabinett tal-Ministri ta’ żmien Mintoff. Din il-pożizzjoni tal-UHM hi kemmxejn imġebbda.
L-integrità u l-imparzjalità taċ-Chairman tal-Kunsill huma żewġ rekwiżiti li jingħataw kunsiderazzjoni qawwija kemm minn naħa tal-Gvern kif ukoll mill-imsieħba soċjali li jkunu konsultati dwar l-għażla taċ-Chairman qabel ma jingħata l-ħatra.
Fil-konsultazzjoni li jagħmlu miegħu l-Ministri jew li hu jagħmel magħhom, iċ-Chairman ma jista’ qatt jieħu pożizzjoni “personali” iżda jrid jirrappreżenta lill-Kunsill b’mod kollettiv u meta l-Kunsill ma jiħux pożizzjoni komuni hu fid-dmir li jirrapporta dan lill-Gvern.
Il-proposta ta’ Alfred Sant teħtieġ titlaħħam aktar. Is-sinifikat tagħha joħroġ mill-fatt li l-ħsieb warajha hu li tissaħħaħ l-istituzzjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali u li jittejjeb sostanzjalment l-operat tiegħu. L-iskop hu li fit-tħaddim tal-politika tiegħu l-Gvern jifforma koalizzjoni taħt forma ta’ djalogu effettiv ma’ l-imsieħba soċjali kollha taħt il-kappa tal-Kunsill.
Fuq dan jaqbel prattikament kulħadd. Kemm dan l-għan jista’ jintlaħaq billi nagħtu liċ-Chairman tal-Kunsill status ministerjali u nħallu kollox kif inhu llum hu diskuttibli. Jekk b’rank ministerjali nifhmu li ċ-Chairman jattendi laqgħat speċifiċi tal-Kabinett meta jkun imsejjaħ allura ma nkunu qed inbidlu xejn minn dak li jista’ jsir illum.
Jekk, iżda, b’rank ministerjali nifhmu li ċ-Chairman tal-Kunsill se jkollu ‘poteri’amministrattivi u legali ekwivalenti għal dak ta’ ministru tal-Gvern biex f’isem il-Kunsill isemma leħnu u jressaq il-pożizzjoni ta’ l-istess Kunsill fil-kabinett u fil-pubbliku mingħajr tiġbid ta’ l-ispag, allura l-proposta ta’ Alfred Sant tagħmel sens.
Għad irridu naraw jekk jaqblilniex nagħmlu MCESD ‘ministerjali’ inkella hux se nirriduċuh għal ‘minestra rjali’!

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075