MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

Il-Kottonera

1.Waħda mill-isfumaturi sbieħ tal-problemi endemiċi ta’ dan l-Istat Malti hi dik li f’kull pass li jsir minn partit, l-avversarju jrid isiblu d-difetti. Hemm livelli differenti ta’ kritika: dik li tipprova ttejjeb l-affarijiet u dik li tkerraħ akkost ta’ kollox. Mhux biss dan. Sfortunatament, għandek dawk li jaħsbu li l-pajjiż għadu mwaħħal f’battibekki politiċi ta’ 50 sena ilu. Għalhekk għad hemm l-idea li biex tinġieb u titla’ fl-istima tal-partit tiegħek trid tkun persuna li tiġġudika u tikkundanna bl-aħrax dawk li tiddeċiedi li huma l-avversarji tiegħek. Dawn prattiċi li llum il-ġurnata l-elettorat qiegħed inaqqas mill-attenzjoni li kien jagħtihom.

2.Fil-verità kiber iktar dak l-elettur li jrid jeżamina u jħares lejn l-argumenti mhux minn punt tat-tluq marbut, iżda minn wieħed kompletament miftuħ. Irid iħares lejn l-argumenti miġjuba u jqishom skond ir-regoli tal-loġika. Iktar ma jkunux oġġettivi u iktar ma jippruvawx iqisu l-affarijiet fid-dettall, iktar ma jingħatawx kunsens. Ir-rilevanza u l-kredibbiltà ta’ kitbet il-kritiku jew il-politiku tiddependi proprju minn din l-abbiltà – li jkun oġġettiv, bilanċjat u moderat fi kliemu. Kif jgħidha aħjar Plutark: “L’uomo politico non deve poi ingelosirsi quando gli avversari ricevono attestati di stima per ciò che hanno detto o fatto di buono, e se acquistano qualche merito per una lodevole azione glielo riconosca apertamente, non sia con loro avaro di parole di plauso e di soddisfazione, così quando poi si vedrà costretto a biasimarli sarà più credibile.” (Il-politiku m’għandux jgħir meta l-avversarji tiegħu jirċievu stima għal dak li jkunu għamlu ta’ ġid, u jekk jieħdu xi meritu għall-azzjoni għandek tfaħħarha, taċċettaha fil-miftuħ, u ma tkunx rgħib fid-diskors ta’ sodisfazzjon sabiex meta wara jiġi biex imaqdarhom ikun aktar kredibbli.”)

3.Issa xi ġimagħtejn ilu l-artikolista, u nittama li għadu jikkonsidra ruħu l-ħabib tiegħi, Wenzu Mintoff kiteb dwar il-Kottonera. Miegħu żammejt lili nnifsi nsegwi kitbietu għax verament f’ħafna mumenti jaf ikun vuċi friska f’partit li għandu bżonn persuni li kapaċi jidħlu għall-awto-kritika. M’hemmx dubju li fi żminijiet oħra kien hu li niżżel saqajh u warrab temporanjament minn partit li kien qed jarah mifni bi bnedmin li ma kienx jaqbel ma’ l-aġir tagħhom. Anzi, fuq nota personali, ittamajt ferm iktar li narah f’karigi ogħla għax kelli ċ-ċertezza li kien jirnexxilu jġib iktar sustanza ideoloġika f’partit li, fl-opinjoni umli tiegħi, tilef kull direzzjoni wara t-tmiem tas-Soċjaliżmu.

4.Għalhekk, meta qrajt x’kiteb fuq il-post li hu għall-qalbi, ħassejt li għandi nipprotesta miegħek, Sur Editur, li qtajtlu ħafna mill-biċċiet ta’ l-artiklu tiegħu għax rajtek li żammejt biss mat-tmaqdir, meta ċert li hu kien bilanċjat. Iżda, sfortunatament minħabba din id-deċiżjoni, ma ngħidx żbaljata imma dettata mill-esiġenzi ta’ l-ispazju, ridt umilment inressaq punti għall-konsiderazzjoni tal-qarrejja tiegħek forsi jkollhom stampa sħiħa. Stampa li tkun kumplimentari u mhux kontroversjali għax il-Kottonera trid ħidma kostruttiva minn kulmin iridilha l-ġid u mhux minn min irid jisserva biha.

5.Ngħid dan għax tul iż-żmien li l-partit li jien membru tiegħu kien fil-Gvern ħa ħsieb, biċċa biċċa, jibdel dak kollu li sab imħolli mill-Partit Laburista li kien verament ħa, u għadu sa llum, jieħu for granted lill-eletturi numerużi tiegħu. Mhux se mmur lura għas-sena 1987 imma l-memorja sservini tajjeb u naf kif kien il-post. Għext u ħdimt b’għażla tiegħi f’distrett fejn naf li qiegħed fil-minoranza, però dan ma jfissirx li l-partit tiegħi mexa bil-ħsieb li m’għandu jagħmel xejn għax m’għandux patrunaġġ x’jikkuntenta. Ngħid dan għax għalkemm, kif għidt, mhux b’għażla ta’ l-artikolista iżda tiegħek Sur Editur, deher li fil-Kottonera ma ġara xejn jew dak li ġara kien kollu negattiv. Fil-fatt, il-kritika tidher bażikament fuq dawn il-livelli: l-ewwel, li l-Gvern tal-ġurnata jipprospetta ħwejjeġ li ma jwettaqx; it-tieni, li l-Baċir Numru 1 għadu mhux restawrat u riabilitat; t-tielet, li l-Casinò di Venezia fuq ix-xatt tal-moll tal-Birgu jservi biss biex iżid il-problemi soċjali u r-raba’, li ma sar xejn sabiex jindirizza l-problema tas-sub-standard housing.

6.Għalkemm bħala persuna li nikkonsidra ruħi mill-Kottonera u għalhekk inħobb il-post u ma nistax nieqaf milli naħdem, inħeġġeġ u nitlob għal iktar bidliet għax ħaġa ġġib oħra, iżda ħassejt li dawn il-punti ma jagħmlux ġustizzja mal-pożizzjoni preżenti. L-ewwelnett, jekk tidħol fid-dettall, issib li l-Gvern mhux biss ġieb fis-seħħ ħafna minn dak li wiegħed, imma wettaq ferm iktar milli kien qal li se jagħmel. Pereżempju hemm restawri li saru bħal dawk f’Bormla tal-Knisja ta’ San Pawl, il-Mina ta’ Santa Liena, dik tal-Polverista, jew fl-Isla tal-Mina ta’ Sant’Anna jew fil-Birgu tal-Mużew Marittimu, li ma jiqafx iżid, jew tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur jew ta’ Couvre Porte u Ġnien il-Kottonera, li kollha swew flus tajbin. U dan biex ma nsemmix ukoll id-Dar ta’ l-Anzjani, il-Kumpless Sportiv u t-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid ta’ l-Iskola Sekondarja Ġużeppi Despott. Dawn ħadu ż-żmien tagħhom imma ma baqgħux fuq il-karta. Ġew fis-seħħ u qed jitgawdew mill-poplu tal-Kottonera.

7.Niġu għall-Baċir Numru 1. Għakemm dan għadu m’hux konkluż, u nixtiequ li diġà lest, però min-naħa l-oħra naf li hemm Ministeru partikolari li qiegħed jagħti s-sehem tiegħu biex jiġi utilizzat bl-aħjar mod. Iżda hemm żewġ punti li jridu jiġu ikkunsidrati. L-ewwel, li l-potenzjal tiegħu ħareġ iktar għad-dawl u dan għax dan il-partit fil-Gvern ħa, l-ewwel, id-deċiżjoni li ma tibqax issir tiswija ta’ l-ebda vapur fil-Baċir u għalhekk tneħħa t-tniġġis u l-istorbju li kien iġib u li bħala persuna li għext hemm niftakar tajjeb ħafna. It-tieni, ħa ħsieb li minflok daħak bil-poplu applika mhux biex iwaqqa’ żewġ filati tal-ħajt tal-Baċir iżda waqqgħu kollu kemm hu u biddlu kompletament għad-dawl tax-xemx. It-tielet, neħħa ż-żewġ cranes li kien hemm u issa rnexxielu wkoll iġibu lura f’idejh u ma jħallihx iktar f’idejn il-Malta Drydocks li kellha l-aġendi politiċi tagħha. Il-Baċir jinsab fil-qalba tal-Kottonera u nippreferi li l-proġett isir verament tajjeb u dak li jsir ma jkerrahx jew ma jibdilx negattivament. Għalkemm hu frotta matura, aħjar nieħdu l-ħin tagħna u dak li jsir isir b’attenzjoni għax hu ċ-ċavetta tal-futur tal-post.

8.F’dak li għandu x’jaqsam max-Xatt tal-Birgu, il-post inbidel kompletament u qiegħed jitgawda mill-poplu kollu, ibda minn dawk tal-Kottonera. Bidla li bdiet mit-tneħħija ta’ tinda antika u tad-dwana li sabet ruħha hemm mingħajr ma taf u bit-twaqqif tal-Mużew Marittimu. Kulmin jinżel hemm matul il-jum jew filgħaxija jara attività marittima, soċjali u kummerċjali, għaddejja li l-ħin kollu tiżdied. Kelli l-opportunità diversi drabi li ninżel nimxi jew nieħu xi ħaġa hemm u l-post sar verament pjaċevoli. Hemm atmosfera sabiħa b’nies mill-pajjiż jew barra jieklu u jimxu. Kemm dan serva għall-ġid soċjali u ekonomiku tal-post jarah il-poplu. Li hu żgur hu li x-Xatt wassal biex anki l-Birgu llum beda jimtela’ b’postijiet fejn tixrob u tiekol tajjeb b’livelli għoljin. Issa, dan il-Casinò ta’ Venezja, li jimpjega numru ta’ nies, hu dak li hu, post sabi˙ fejn tilgħab li però għandu wkoll post ta’ l-ikel. Dan ma jfissirx li l-Kottonera saret l-art tal-lagħba, u ma nafx kif dawk li l-ħabib tiegħi jiddeskrivi u jurihom bħala dipendenti fuq l-għajnuna soċjali min-naħa u minn naħa l-oħra tant għandhom flus li jsiru klijenti regolari. L-esperjenza turik li min irid jittanta xortih jagħmilha indipendentement mill-post, kemm jekk huwiex fil-Birgu jew huwiex barra minnu.

9.Anki r-raba’ punt dwar il-housing soċjali, m’hemmx dubju li dan kien hemm u għadu hemm, imma l-ħabib tiegħi għandu jikkonċedi li issa qegħdin fir-raba’ proġett ta’ twaqqigħ u bini mill-ġdid ta’ postijiet ġewwa Bormla nnifisha. Dan apparti minn postijiet oħra li nbnew u qed jinbnew fil-Kalkara, fil-Birgu u fl-Isla. Hu proċess li jieħu l-ħin għax qed taħdem fil-magħluq, b’toroq dojoq. Imma l-verità hi li dan qiegħed isir u ma ġiex abbandunat, anzi ġie sostnut. Żgur mhux forsi li nixtieq li kollox hu diġà mibdul u lest, imma kif għandu jkun jaf il-ħabib tiegħi, qabel tibda twaqqa’ postijiet fejn jgħixu l-bnedmin trid l-ewwel toħroġhom u tqegħidhom f’post aħjar u wara tgħaddi mill-proċess sħiħ li proġett tal-Gvern jitlob. Niftakar dejjem kif kienet il-Kottonera u kif inbidlet. Anzi għandi moħħi ċar u pjani konkreti kif se tkompli tinbidel.

10.Issa dan kollu m’huwiex biżżejjed u l-Gvern konxju minn dan. Għax jemmen fil-potenzjal tal-post, nhar is-Sibt l-1 ta’ Settembru ħabbar 20 proġett ieħor li se jkomplu jissudaw. Ma nafx, imma l-prospett ta’ bidliet importanti fil-Kalkara u fl-Isla, biex insemmi ftit, m’għandhomx jiġu ttraskurati. U dawn jistgħu jsiru proprju minħabba l-pedament li diġà tfassal fis-snin preċedenti. Nistgħu nitkellmu fuq ċerti proġetti bħal dak li tagħmel moll għall-vapuri tat-turisti għax l-atmosfera nbidlet u dak li qabel kien jidher ’il bogħod illum jinsab iktar viċin. Xtaqt nikteb dan l-artiklu qabel, iżda ħassejt li għandi nistenna u nsemmi dan il-proġett wara li jkun ġie ppreżentat lill-poplu u mhux qabel biex ma nkunx akkużat li qed inwiegħed dak li m’hemmx.

11.Quddiem dan, personalment bħala ċittadin tal-post, żgur mhux forsi li hemm punti oħra li setgħu twettqu. Inkun ferm inġust, ħaġa li l-artikolista Wenzu Mintoff m’għamilx, jekk ma nirrikonoxxix kemm ħidma fil-fatt saret. Issa kemm il-preżenza tiegħi fil-Parlament f’isem dan il-poplu għenet għall-bidla, dak ma nqisux jien imma min ivvutali. Kulma nista’ ngħid hu li jien sodisfatt li tajt il-kontribut tiegħi bil-mod li naf biex il-post inbidel. Nittama li dan l-artiklu ma jkollux l-istess daqqa ta’ giljottina li għadda minnu l-artiklu ta’ Wenzu u għal dan il-għan nintrabat minn issa li għall-Ħadd li ġej ma niktibx biex tiddistribwixxi aħjar dak li ħadt illum fl-Illum.

Nota editorjali: Waħda mill-privileġġi, jew aħjar, piżijiet li għandu Editur hu li jġorr giljottina f’idejh biex jaqta’ l-artikli skond l-esiġenzi ta’ spazju. Inqas ma tintuża l-giljottina, aħjar. Dwar l-artiklu ta’ Wenzu Mintoff ma tħallew l-ebda partijiet barra u anki jekk illum il-korrispondent qabeż il-limitu ta’ kliem il-giljottina baqgħet fil-kexxun u l-istedina biex jikteb għall-Ħadd li ġej għadha miftuħa.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075