Ittri | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45
Minn Owen Bonnici,
Kunsillier MLP,
Marsaskala
Nixtieq nirrispondi l-ittra bit-titlu ‘Sa fl-aħħar kixef idejh’ li dehret nhar it-2 ta’ Settembru.
Naqbel mal-ħabib tiegħi Anthony J. Baldwin, li permezz tal-korrispondenza li dehret fil-gazzetta Illum xi ħadd kixef idejh.
Dan la hu jien u lanqas Baldwin li, miskin, kollox jindika li hu biss ‘presta nome.’ L-istil tal-kitba li uża Baldwin fl-ittra tiegħu, bir-riferenzi storiċi, idjomi kuluriti u kliem tekniku politiku, hu inkonfondibbli. Kollox juri li min fassal l-ittra tat-2 ta’ Settembru li għadda fl-Illum hu l-istess persuna li kiteb ittra anonima fl-orizzont bi kritika qawwija u gideb kontra tiegħi.
Dan it-terz, li tiegħu Anthony J. Baldwin hu aktarx ‘presta nome’ biss, qed jipprova, għar-raġunijiet li jaf hu biss ikisser ix-xogħol li bnejt fl-10 snin li ili nimmilita fil-Partit Laburista bl-iktar ħaġa li hi importanti għal kwalunkwe kandidat, dik tal-lealtà lejn il-Partit.
Jien ili nxomm li dan it-terz qed jipprova jiżra’ l-idea li jien m’għandix il-lealtà lejn il-Partit tiegħi għal qalbi. L-elezzjoni hi tellieqa u dan it-terz, li tiegħu Anthony J. Baldwin hu aktarx ‘presta nome’ biss, għoġbu li f’din it-tellieqa jirrikorri għall-gambetti minn taħt biex jipprova jkisser lil min qed jagħmel ħiltu kollha biex bl-iktar mod ġenwin jikkontribwixxi għal rebħa tal-Partit Laburista.
Is-sabiħa hi li dan it-terz qed jipprova jirrikorri għal kwistjoni teknika-legali li nqalgħet fil-Kunsill biex permezz tagħha jagħtini gambetta biex mingħalih jitfani għal tuli fl-art. Din il-kwistjoni hi pjuttost sempliċi.
Id-dipartiment tal-Kunsilli Lokali qalilna li oġġett partikolari ma nistgħux nagħmluh għax hu kontra l-Liġi. L-avukat tal-Kunsill qalet li nistgħu. Jien issuġġerejt li qabel insolvu din il-kwistjoni legali ma nibqgħux għaddejjin fit-triq li nagħmlu dan l-oġġett partikolari. Kif ikollna r-risposta finali mbagħad nieħdu d-deċiżjoni. Ksirt xi lealtà b’daqshekk? Urejt li m’għandix il-Partit Laburista għal qalbi?
U fuq kollox, dan it-terz b’liema mod se jiġi jgħallem lili x’inhi l-lealtà lejn il-Partit Laburista?
Għal min ma jafx ikkontestajt l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u mbagħad dik ġenerali fl-2003, ta’ 23 sena, meta kont għadni fil-ħames sena tal-Kors tal-Liġi fl-Università ta’ Malta.
Kien hemm min kien jgħidli, ara jwaħħlukx! Għall-grazzja t’Alla mhux talli ma weħiltx imma lħaqt avukat bi grades tajbin.
Sena wara, meta tlajt is-sitt sena tal-kors tal-Liġi, fuq inkoraġġiment minn għadd ta’ persuni li jimmilitaw fil-Partit Laburista ikkontestajt l-elezzjoni għal kandidat għall-Parlament Ewropew. Il-Konferenza Ġenerali, b’iktar minn 70 fil-mija tal-voti, minkejja li kont għadni lanqas ma lħaqt avukat u fl-età ta’ 23 sena, ħatritni bħala wieħed minn tmien kandidati għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Infakkar li konna għadna kif ħriġna minn telfa elettorali u l-kwistjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kienet għadha qed toħloq dibattitu intern. Konna tmien persuni, tmien irġiel fil-veru sens tal-kelma, li ħdimna flimkien bħala mutur wieħed, b’għan wieħed favur rebħa għall-Partit Laburista u għal Alfred Sant.
Kont għadni student, diġà miżżewweġ u l-uniku mpjieg part-time li kelli, dak ta’ reporter tal-Parlament għall-gazzetta l-orizzont, kelli nċedih minħabba l-impenji elettorali.
Impjieg ieħor ta’ ftit siegħat fil-ġimgħa mal-gazzetta elettronika di-ve.com kien twaqqafli ftit iktar qabel minħabba l-involviment tiegħi fil-Partit Laburista.
F’dawn iċ-ċirkostanzi ħdimt kemm flaħt favur il-Partit Laburista. Kont naf li ta’ 23 sena u prattikament ġdid fix-xena, ma kelli l-ebda ċans nikkompeti mal-ġganti li kelli fit-tim tiegħi.
Li għamilt għamiltu sforz l-imħabba kbira li għandi għall-Partit Laburista u anki għax kien ċans ta’ darba li l-memorji tiegħu nibqa’ ngħożżhom sa ma mmut. L-ewwel mass meeting fiż-Żejtun, l-ewwel corner meeting fir-Rabat, il-pariri siewja ta’ Joe Debono Grech, l-stil ta’ Louis Grech, il-ħeġġa u l-astuzzja politika ta’ Joseph Muscat, is-sens ta’ avventura ta’ John Attard Montalto, l-umiltà ta’ Robert Micallef, l-irġulija kbira ta’ Wenzu Mintoff, il-frankezza ta’ Glenn Beddingfield, iċ-ċelebrazzjoni fl-uffiċċju ta’ Jason Micallef hekk kif ħareġ ir-riżultat u tant memorji sbieħ oħra.
Kif għaddiet l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew rajt kif għamilt biex poġġejt my house in order, bl-appoġġ ta’ marti Nadia li kienet tikkompensa għan-nuqqas ta’ dħul tiegħi billi taħdem l-iktar ammont ta’ sigħat li tiflaħ u ġieli iktar milli setgħet tiflaħ.
Eventwalment, bl-għajnuna bla limitu u bla tarf ta’ l-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici, ġentlom fil-veru sens tal-kelma u Soċjalist mhux ta’ l-isem imma fil-mod kif jgħix, li nibqa’ nadurah sa tmiem ħajti, sibt triqti bħala avukat.
Eventwalment iddeċidejt li dak l-isforz politiku ma nwarrbux fil-ġenb u nibqa’ għaddej fil-karriera politika. Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fit-tliet snin ta’ wara dejjem tellgħatni bħala membru bil-vot fl-Eżekuttiv Nazzjonali, kariga li għadni nokkupa sal-lum. Il-Konferenza Ġenerali tant kemm emmnet li jien leali lejn il-Partit Laburista li tellgħetni bit-tieni l-iktar numru ta’ voti mill-kandidati kollha.
Dan kien ukoll fiż-żmien meta ġejt konfermat għat-tieni darba infila bħala Kunsillier f’isem il-Partit Laburista fuq ir-raħal ta’ Marsaskala. Ħdimt tajjeb ma’ Charlot Mifsud u qed naħdem ukoll ma’ Mario Calleja. Fiż-żewġ kunsilli kellna l-problemi u d-dibattiti u d-diskussjonijiet iżda kemm Mifsud kif ukoll Calleja għandhom rieda tajba u fejn hemm ir-rieda tajba, tasal. In-Nazzjonalisti ġieli qablu magħna u ġieli ma qablux.
L-importanti hi l-ħidma bla waqfien favur il-lokal ta’ Marsaskala.
M’għedtx dan kollu biex noqgħod niddandan jew nuri li jien xi ħaġa li miniex. Lanqas għedt dan kollu biex nipprova nikkonvinċi lil dan it-terz li jien bniedem ta’ min jafda, għax wisq nibża’ li rieda tajba, dan it-terz, m’għandux.
Għidt dan kollu għall-ġid ta’ dak iċ-ċittadin li qiegħed hemm barra u li seta’ impressjona ruħu bil-kliem matur u magħżul ta’ Anthony J. Baldwin fil-kwalità tiegħu, aktarx ta’ presta nome, għal dan it-terz qarrieqi. Bil-kliem faċli tgħid li int leali imma bil-fatti hu iktar diffiċli li tippruvah.
Naħseb taqblu miegħi li bil-fatti, il-lealtà tiegħi lejn il-Partit Laburista hi xi ħaġa li tiġi l-ewwel u qabel kollox. Nassigura lil kulħadd li jekk il-poplu jagħtini l-privileġġ li nirrappreżentah fil-Kamra tar-Rappreżentanti, din il-lealtà lejn il-Partit Laburista, lejn il-Konferenza Ġenerali tal-MLP li tant għamlitli kuraġġ, se tkun dejjem quddiem għajnejja f’kull deċiżjoni li nieħdu.
Ħassejt li kelli niċċara l-affarijiet bil-miktub iżda dan ma jfissirx li ma nikkunsidrax li nieħu kull azzjoni oħra li tagħtini l-Liġi biex nissalvagwardja l-fama tiegħi kontra l-persuna li ffirma l-ittra tat-2 ta’ Settembru.
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|