MediaToday

Ittri | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

X’serjetà tas-Sindku taż-Żurrieq!

Minn J. Darmanin,
Żurrieq

Jien ċittadin Żurrieqi u nixtieq nuri d-diżapprovazzjoni tiegħi għall-aġir irresponsabbli tas-Sindku taż-Żurrieq Ignatius Farrugia.
Fil-ġimgħa tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu ċċelebrata fiż-Żurrieq, kont qiegħed fi Pjazza Repubblika u x’ħin il-marċ wasal fl-imsemmija pjazza f’ħin bla waqt is-Sindku, li suppost jirrappreżenta liż-Żrieraq kollha, tela’ jaqbeż mal-marċ fuq l-ispallejn quddiem il-każin avversarju tal-Banda Santa Katarina.
Is-Sindku beda jgħajjar lill-partitarji ta’ dan il-każin u jkanta kemm jiflaħ mal-marċi. Beda jagħti fuq sidru u jgħajjat biex aħna noqogħdu fuq il-bankina u li m’għandniex festa bħal tiegħu u li l-festa ta’ Santa Katarina sejra mill-ħażin għall-agħar. Dan kollu ġara nhar il-Ħamis 19 ta’ Lulju fi Pjazza Repubblika.
Kulħadd ra l-aġir tad-daħk u tal-biki fl-istess ħin. Xhieda ta’ dan hemm il-pulizija li kienu xogħol u l-ispettur tal-Pulizija taż-Żurrieq li kienu faċċata tiegħu.
Il-farsa tkompli tpoġġi lis-Sindku f’dell ikrah u nistaqsi jekk iż-Żurrieq jixraqlux sindku aħjar, meta tikkonsidra li suppost dan is-Sindku jrid iwassal sens ta’ għaqda u mhux jinstiga l-provokazzjoni fil-festi tagħna.
Fis-snin riċenti s-Sindku nstema’ jgħid fuq radju tal-lokal li jxandar fi żmien il-festa, ‘Leħen il-Karmelitani’ li fil-ġimgħa tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu hu jinża’ l-libsa ta’ Sindku u ma jibqax is-Sindku taż-Żurrieq! Din x’diċenza hi?
Nappella lill-awtoritajiet konċernati, fosthom lid-diriġenti tal-Partit Laburista li f’isimhom ħareġ, il-kandidatura tiegħu u lill-Kumitat Nazzjonali tal-Kunsilli Lokali biex jieħdu passi dixxiplinarji kontra s-Sindku taż-Żurrieq. Nisperaw li dan l-appell ma jaqax fuq widnejn torox bħas-soltu!
Jekk is-Sindku m’għadux interessat fil-kariga responsabbli tiegħu nappellawlu biex jagħmel il-wisgħa għal ħaddieħor għax fadal tmien xhur oħra għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u ż-Żurrieq jixraqlu li jkollu ħafna u ħafna aktar serjetà fit-tmexxija.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075