MediaToday

Intervista | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

Il-Muskettieri tad-demm u l-laħam

Franica Pulis tintervista lil Xtruppaw

Iltqajt mal-Muskettieri. Emm, le, l-Ixtruppaw li jħossuhom magħqudin daqs il-Muskettieri. Il-kunċett ta’ Xtruppaw hu ħbiberija li tmur lil hinn mill-band għax magħhom hemm ukoll ħbieb oħra, minbarra t-tfajliet u n-nisa ta’ wħud minnhom, li jagħtuhom daqqa t’id f’li jkun hemm bżonn.
X’ħin wasalt kien hemm Noel il-kantant, Marvin il-kitarrist u r-Rex il-bassist jistennewni quddiem blokk garaxxijiet f’Sta Venera. Ftit wara ġie Jeffrey, li bdew jaqbdu miegħu li hu ffissat fuq il-futbol, li mhuwiex. Inżilna fil-garaxx mingħajr Dino d-drummer għax baqa’ rieqed.
Qabel inżilna Marvin u Noel bdew isaqsuni jekk għandix problema bil-ġrieden, wirdien, żwiemel, ngħaġ, klieb u annimali oħra li ssemmew. Għall-ewwel ħsibthom qed jiċċajtaw imma wara ftit passi bdejt inxomm riħa ta’ annimali li tippretendi xxomm f’razzett mhux f’garaxxijiet! Naħseb li Dear Poni minn hemm ispirat ruħha għax żiemel ġar tagħhom spiss beda jiżher fis-sagħtejn li qattajt hemm.
Il-garaxx żgħir tagħhom jilqgħek b’collage ta’ posters u stampi ta’ kantanti; riklami, anki tal-ġelat; tpinġijiet u cartoons. Iddeċidejna kif se noqogħdu minħabba li nofs il-garaxx kien meħud mill-istrumenti tagħhom u tfajtilhom l-ewwel mistoqsija.
Għaliex tiddejqu turu wiċċkom fil-gazzetti u tippreferu turu pupi tagħkom?
Pront pront iwieġeb Noel, “Għax koroh!”
Kollha jidħqu mbagħad jaqbeż ir-Rex u jgħid: “Apparti li koroh. Il-pupi huma speċi ta’ trademark tagħna u aħna fuq is-sit xorta għandna ritratti proprji tagħna ndoqqu waqt xi gig.”
Wara t-tnedija ta’ l-album tagħhom il-grupp baqa’ jdoqq sa Frar. Imbagħad waqaf biex jikteb materjal ġdid, fosthom l-innu tal-futbol għall-ammiraturi tal-futbol Malti biex jitkanta fil-logħba li saret ilbieraħ bejn Malta u t-Turkija.
Jibda Marvin jgħidli kif ġrat l-istorja.
“Avviċinawna s-South End Core u staqsewna niktbuhulhom. Ħadd minna mhu dilettant tal-futbol.” Jaqbeż Noel u jgħid, “Ifhem, għamilnieha bejn bi pjaċir u bejn għax kienet xi ħaġa li ma nifhmux fiha. Allura kienet sfida akbar. Anki l-fatt li kellna nagħmlu diska mhux stil tagħna.”
“Aċċettajna għal raġuni oħra: għax kienet għat-tim ta’ Malta. Kieku kienet għax tim ta’ raħal X jew Y ma konniex naċċettaw,” qal Dino b’ċerta mistħija jew ngħas. Ma nafx kemm kien laħaq ġie f’tiegħu sa dak il-ħin.
Ir-Rex iżid miegħu, “Aħna kburin li aħna Maltin u l-lingwa Maltija hi ta’ l-ostra. Veru nwaqqgħu għan-nejk ċerti affarijiet…”
Hawnhekk tqum diskussjoni sħiħa bejniethom fuq il-patrijottiżmu, fosthom li jekk billi tidħak b’dak li jiġri f’pajjiżek tibqax xorta waħda partijott u li huma proprjament jgħidu dak li jisimgħu mingħand in-nies. Itemm id-diskussjoni Noel. “Insomma, l-Ixtruppaw trid teħodhom bid-dgħajsa.” “Kultant aħna nagħmlu xi ħaġa vera sempliċi. Imbagħad in-nies jibdew joħorġu b’ħafna teoriji,” iżid miegħu Jeffrey.
Imma għaliex l-Ixtruppaw ħassew il-bżonn li jingħaqdu?
“Kienet naturali. Lanqas biss ippruvajna,” qal Noel. Jitkellem Jeffrey, li għal xi raġuni meta jitkellem hu l-bqija tal-grupp jikkalma ftit mid-diskussjonijiet ta’ bejniethom. “Aħna ma ftehmniex data u ngħaqadna. Konna noħorġu f’BBQ’s u noħorġu b’xi diska. Dan qed ngħidu 10 snin ilu. Imbagħad nerġgħu niltaqgħu u nerġgħu niftakruhom. Fl-aħħar iddeċidejna niġbru d-diski flimkien.”
Kompla jirrakkonta Marvin, “Imbagħad tħajjarna ndoqqu f’Festaħwid li kien sar sentejn ilu. Tliet xhur qabel iltqajna fil-garaxx. Imma aħna ilna ħbieb. Ħafna qabel il-band.”
Mill-varjetà ta’ diski li għandhom, bejn Country, Punk u Rock u ma nafx kemm aktar, bdejt niġi fid-dubju taħt liema ġeneru taqa’ l-band tagħhom.
Beda jispjega r-Rex, “Oriġinarjament, ħafna żmien qabel Xtruppaw kellna band oħra u l-istil kien aktar Doom Metal. Imma d-diski ta’ l-Ixtruppaw kellhom bżonn stili differenti. Issa d-diski li qed nippreparaw għat-tieni album tant għandhom stili li għaġġibna lilna nfusna.”
“Ħeqq, aħna nippruvaw nagħmluh mhux poppy soppy u fl-istess ħin lanqas gravi għan-nies biex jisimgħuh. Għalhekk għandhom dik ix-xejra Punk. Aħna għalhekk kburin għax in-nies xorta jaċċettawna għalkemm hemm dik il-konnotazzjoni mar-Rock,” kompla jgħid Noel.
Nistaqsihom jekk bil-mużika tagħhom jixtiqux jgħaddu xi messaġġ politiku jew soċjali jew inkella jiktbux id-diski għax ikollhom aptit jgħaddu siegħa żmien. Hawnhekk tqum diskussjoni oħra dwar dak li jgħidu jew jagħmlu.
Min jaħseb li b’uħud minnhom jgħaddu messaġġi soċjali. Min qal li huma aktar glorifikazzjoni ta’ ċerti attributi. Ħaddieħor żied li iktar milli jgħaddu messaġġi iktar jiftħu għajnejn in-nies. Fl-aħħar qablu li kulma jgħidu huma l-istess affarijiet li jgħid Ċikku u l-poplu u jista’ jingħad bi kwalunkwe lingwa għax huma affarijiet li jħoss u jgħaddi minnhom kulħadd.
“Aħna l-kritika tagħna hi umoristika. Nikkritikaw ċerti affarijiet imma dak mhux l-għan ewlieni. Insemmu l-affarijiet ta’ kuljum li jgergru fuqhom in-nies. Jista’ jkun li noħorġu xi diska hekk. Wara kollox aħna wkoll għandna l-opinjonijiet tagħna. Per eżempju, aħna wkoll kontra l-iżvilupp żejjed imma mhux l-iskop li nagħmlu diski biex nipprotestaw kontrih,” qal Marvin. Miegħu Noel ikompli jgħid, “Il-priorità tagħna hi d-divertiment. U naħseb l-ewwel grupp li kienu jitkellmu fuq messaġġi soċjali hekk kienu n-Norm Rejection.”
Dino mbagħad ħass li l-messaġġ li qegħdin jgħaddu kien fuq ilsien pajjiżna u li b’mod indirett qegħdin jagħtu messaġġ li l-lingwa Maltija xorta waħda hi espressiva.
“Meta ktibna d-diski bil-Malti llimitajna s-suq tagħhom ukoll,” żied Marvin.
Hawnhekk jidħol Noel li ried jgħaddi botta sew. Fil-fatt qalhieli veru bil-mod apposta.
“Ċerti stazzjonijiet tar-radju ma jkunux iridu jdoqqu diski bil-Malti.” Il-bqija tal-grupp jaqbel miegħu u minn wiċċhom indunajt li hi xi ħaġa li tweġġagħhom mhux għax il-mużika tagħhom qed issofri għax ma tissemmax fuq ir-radju imma għax hemm inġustizzja fejn jidħol l-ilsien Malti.
“L-agħar ħaġa hi li dawn għandhom politka li ma jdoqquhomx! Doqq kemm trid bl-Ingliż. Jien għandi band oħra bl-Ingliż u anki l-ieħor,” qal Rex u jipponta lejn Noel. Noel kompla miegħu, “Din xi ipokrezija hi meta d-dj’s jitkellmu bil-Malt?.”
Ikompli Jeffrey, “Imma mbagħad aħna qatt ma konna kummerċjali jew ktibna għar-radju.”
“Fil-fatt dan il-proġett mar lil hinn minn li stennejna. Ħsibna se nkunu xi grupp underground. Anki qatt ma fittixna gigs aħna u ġieli anki spiċċajna nirrifjutaw il-gigs. Imbagħad aħna l-gigs nippruvaw nagħmluhom speċjali u li jkollhom tema,” kompla miegħu Noel.
Jaqbeż ir-Rex, “U ma rridux li n-nies jarawna ta’spiss iżżejjed li ndejquhom. Il-biċċa hi li il-postijiet fejn iddoqq huma llimitati ħafna. Mhux imbilli jkollok il-baġit.” Rex jispjegali kemm il-postijiet li hawn bħalissa mhumiex armati biex joffru kwalità ta’ mużika professjonali. Trid tkun Beethoven biex jirnexxilek idoqq sew mingħajr ma tisma’ lilek innifsek!
“Aħna nfaqna xebgħa flus f’apparat biex xorta ma nisimgħux lilna nfusna fuq il-palk. Darba minnhom tant kienet gravi li spiċċajt inħares lejn Dino jdoqq fuq id-drums biex inżomm ir-ritmu mad-daqqiet li kien qed jagħti.”
Li tiktbu bil-Malti kienet għażla tagħkom, hux hekk?
“Kienet għażla naturali,” qal Noel. Miegħu kompla Dino, “Nesprimu l-umoriżmu tagħna aħjar bil-Malti għalkemm hemm ċerti sfidi biex tikteb ċerti affarijiet. Minħabba li titkellem fuq affarijiet Maltin ma tagħmilx sens tiktibhom bl-Ingliż.”
U taħsbu li bħala lingwa qed tmut?
“Hemm ħafna preġudizzji kontrieh żgur,” qal Marvin.
“Ċertu kliem ovvja li m’għadux jintuża. Imma l-lingwa Maltija hi pjuttost flessibli, tipò xi kelma bħal nessemessjaw (nibagħtu sms). Hemm l-influwenzi romantiċi wkoll imma mbagħad anki l-Ġappuniż jissellef minn lingwi oħrajn. Kull lingwa tevolvi minn oħra,” qal Rex.
“Lingwa mejta hi waħda li ma taqdix il-komunikazzjoni tal-bniedem,” żied Noel.
Tħadditna dwar l-użu ta’ kliem baxx li jinstema’ f’uħud mid-diski tagħhom u r-raġuni għaliex juzawh.
“Tiġi naturali. Hemm diski fejn ma ħassejniex il-bżonn indaħħluhom. L-umoriżmu tagħna dak li hu: karikatura. Imma ma noqogħdux nagħmlu sforz biex indaħħlu kliem baxx. Fil-fatt hemm diski li ma fihomx.”
L-ideat għad-diski joħorġu l-aktar meta jkunu qegħdin jitkellmu bejniethom mhux bilfors fil-garaxx. Jikkummentaw kemm ġieli jsibuha aktar diffiċli biex jiktbu xi ħaġa umoristika milli serja. Bħala preferiti m’għandhomx xi waħda partikulari għalkemm Marvin jaħseb li Ġenerazzjoni ta’ Meqrudin u Malta kienu l-iktar li għamlu suċċess.
F’daqqa waħda jaqbeż Dino b’dik il-kalma tiegħu u jgħid li l-preferiti tiegħu huma tal-BBQ.
“Ħafna minnhom lanqas biss ħriġniehom għax kienu wisq ħamalli.”
“Jew għax kienu jiskomunikawna,” kompla miegħu Rex b’daħqa kbira fuq wiċċu.
Għalkemm bħala band jagħtu l-impressjoni li huma nies relaxed, mid-dehra meta tkun ġejja xi gig, iqum panik sħiħ.
“Kulħadd hu impenjat fuq xogħlu u meta nkunu flimkien ikollna naqra ġenn għax aħna ma niltaqgħux kuljum,” spjega Jeffrey li kompla miegħu Rex, “Infatti l-innu tal-futbol kellna dati tal-għeluq daqsxejn ibsin.”
“Relaxed imma hemm ċertu mpenn. Li hemm hu li ma naħdmux wisq għall-popolarità tal-band. L-iskop tagħna hu li nieħdu gost u n-nies jieħdu gost bina,” żied magħhom Marvin.
Veru li f’Malta kulħadd dejjaq, verġni u qaddis? Jaqbeż xi ħadd minnhom u jgħid ‘aħna iva!’ u kollha jinfaqgħu jidħqu. Qamet geġwiġija oħra dwar dan is-suġġett. Min ħass li kienet ġeneralizzazzjoni eżaġerata. Xi ħadd jaqbel ma’ kliem id-diska Malta u xi ħaddieħor qal li n-nies li l-aktar jidhru moħħhom miftuħ huma l-ewwel nies li lesti jikkummentaw fuq kollox u fuq kulħadd.
U l-ministri kemm huma l-qħab tas-soċjetà?
“Fil-verità jqaħħbu lilna.”
Jaqbeż Noel b’ton veru sejru b’sarkażmu sottili, “Fil-verità dawn għandhom xogħol bħal ħaddieħor. Jagħmluhx tajjeb affarihom.”
U jekk jistidnukom idoqqu waqt xi attività ta’ partit? L-ewwel reazzjoni kienet ‘Le, żgur li le’ imma mbagħad bdew ħafna supposizzjonaijiet. Jekk jagħtuna ‘Lm5,000’ jew jekk jistidinna partit irid jistidinna l-ieħor u jagħtuna l-istess flus, eċċ eċċ.
U Tista’ Tkun Int x’jidhrilkom minnu?
Jibda Jeffrey, “Ma narahx.” “M’għandiex televixin,” ikompli Rex.
“Sfruttament ta’ min hu bil-problemi,” qal Dino. F’daqqa waħda nisma’, “Din hi opinjoni ta’ Dino u ma tirriflettix lilna,” u jerġgħu jinfaqgħu jidħqu.
Jerġa’ jitkellem Jeffrey, “Insomma, jien kieku nitlef ziju biex ittellgħuni l-Awstralja!”
Ikompli Noel b’serjetà, “Jekk hemm rati għoljin sinjal li jarawh. Ma tistax titfagħha biss fuq il-programm.”
Indawru d-diskors fuq xi ħaġa għal qalbhom ħafna: il-mużika Maltija bi kwalunkwe lingwa. Fl-opinjoni ta’ kollha kien hawn ħafna titjib. Qabel ma kienx hawn studjos u mid-dehra issa m’għadhiex daqshekk għolja biex tirrekordja cd. Skond huma sar ukoll titjib bl-internet minħabba li l-mużiċisti jkunu aktar esposti għal mużika tajba u jkunu jistgħu jsemmgħu l-mużika tagħhom barra.
“Qabel anki biex titgħallem iddoqq kienet tkun aktar diffiċli. Kien hawn ftit postijiet għat-tagħlim. Imbagħad ikun hemm xi ħadd minn barra jġib cd ta’ taħriġ u jispiċċa jagħmel xi elf kopja li ddur ma’ Malta kollha. Illum min irid jitgħallem kemm jidħol fl-internet u jsib kull forma ta’ korsijiet għal kull stil ta’ mużika – cd’s, vidjos, kotba, lezzjonijiet, eċċ. Illum anki bands kummerċjali sar ikun hawn aktar. Qabel kważi kollox underground,” spjega Dino.
Ikompli miegħu Rex, “Ma narax differenza bejn mużika Maltija u barranija. Hawn bands barranin li ffirmaw kuntratt ma’ kumpanija kbira li xorta m’għandhomx xi livell. U dik li nara tajjeb f’Malta. Minn pop, rock, eċċ, il-livell qed jitjieb.”
“Hawn traġedji…” “imma fejn qabel kien forsi jkun hawn traġedji biss, illum il-kwalità tjiebet ħafna u n-nies saret tagħżel ukoll,” żied Marvin.
“Qabe,l meta kelli 16-il sena, l-aqwa li ddoqq kitarra jew issabbat fuq id-drums,” reġa’ kompla jgħid Dino.
Kompla magħhom Noel, “Anki ċerti bands magħmulin minn tfal saru jkunu veru tajbin. Issa jew l-għalliema qed jitjiebu jew ma nafx. U meta tikkunsidra li f’Malta m’hawnx akkademja jew istituzzjoni mużikali u l-Università ta’ Malta hi gravi, xorta waħda tista’ tirnexxi waħdek bl-affarijiet kollha li tista’ tixtri jew tara fuq l-internet.”
L-aħħar mistoqsija: hemm xi intenzjoni tiġbdu film dwarkom infuskom?
“Taf li idea tajba din,” jibda Noel u jkompli miegħu Rex, “Kieku għandna xi sponsor ta’ Lm50,000. Nixtiequ nagħmlu xi ħaġa kieku għandna l-flus u l-ħin.”
Ikompli miegħu Jeffrey, “Kieku ideat kellna ħafna imma trid tkun full-time. F’dawn is-sagħtejn li jkollna ma tistax.”

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075