MediaToday

Il Punt | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

Chairman ta’ l-MCESD b’rank ta’ ministru?

Il-UHM dejjem għarfet il-bżonn ta’ struttura fil-pajjiż fejn it-tliet imsieħba soċjali, il-Gvern, il-unions u l-għaqdiet ta’ min iħaddem, ikollhom makkinarju effettiv fejn flimkien, minn perspettiva differenti, iħarsu lejn sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bl-għan li jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali.
Il-UHM matul is-snin ħadmet u ħadet diversi inizjattivi biex dan il-forum jissaħħaħ u jkun aktar effettiv tant li fl-aħħar konferenza ġenerali l-UHM addottat dokument dwar ix-xogħol u l-għanijiet tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
L-operat ta’ l-MCESD għall-UHM jokkupa post għoli ħafna fuq l-aġenda tagħna.
Kienu bosta l-okkażjonijiet fejn il-UHM ħadet inizjattivi biex fl-MCESD ikunu diskussi problemi ekonomiċi u soċjali bl-għan waħdieni li dawn jissolvew fl-iqsar żmien possibbli biex tikber l-ekonomija u toħloq impjiegi produttivi ġodda filwaqt li tagħti kenn lil dawk li għal raġuni jew oħra jkollhom bżonn tas-solidarjetà.
Madankollu l-UHM tagħraf li xogħol l-MCESD hu wieħed konsultattiv u għaldaqstant il-Gvern jibqa’ responsabbli għal kull deċiżjoni li jista’ jieħu jew jonqos milli jieħu. Aħna bħala union nibqgħu ħielsa li nieħdu dawk id-deċiżjonijiet li jkunu l-aktar ta’ vantaġġ għall-ħaddiema, il-pensjonanti u l-familji tagħhom, kemm fl-MCESD kif ukoll barra. Dan jgħodd ukoll għall-għaqdiet ta’ min iħaddem kif ukoll għall-Gvern.
Minn naħa tagħna dan nagħmluh wara li nkunu ħadna kont ta’ dak li jkun ingħad mill-Gvern fil-kapaċità tiegħu bħala l-eżekuttiv tal-pajjiż u nkunu wkoll tajna widen xieraq għal dak li jkunu qed imexxu ’l quddiem l-għaqdiet ta’ min iħaddem.
Prinċipju ewlieni li jrid imexxi d-djalogu soċjali kostruttiv ’il quddiem hu li t-tliet partijiet iridu jifhmu u jagħżlu li waqt il-laqgħat l-ebda parti mhi ikbar mill-oħra. La l-Gvern, għax ikun elett demokratikament, la l-unions għax numerikament b’saħħithom u lanqas l-għaqdiet ta’ min iħaddem għax finanzjarjament b’saħħithom u għandhom il-kapital m’għandhom jassumu rwol ikbar minn ta’ ħaddieħor.
Fl-MCESD, il-partijiet jagħżlu konxjament li jkollhom l-istess piż biex hekk kull proposta jew inizjattiva tieħu l-kors tagħha, tiġi minn fejn tiġi. B’hekk id-djalogu soċjali jsir wieħed kostruttiv fl-aqwa interess tal-pajjiż.
F’dan id-dawl il-proposta li ressaq ’il quddiem Alfred Sant ftit tal-jiem ilu dwar ic-Chairman ta’ l-MCESD fejn ingħad li dan għandu jingħata rank ta’ ministru fil-Kabinett tal-Ministri tal-Gvern, tqanqal sentimenti antiki fil-UHM.
Minkejja dak kollu li jingħad dwar il-UHM minn xi wħud, il-UHM dejjem sostniet l-indipendenza tagħha mill-partiti politiċi. Dan tagħmlu għax temmen bis-sħiħ li hekk biss tista’ tkun ta’ servizz utli għall-membri tagħha.
L-indipendenza tagħna tagħmilna differenti u għaldaqstant il-proposta li ċ-Chairman ta’ l-MCESD jkollu rank ta’ ministru fil-kabinett tistona.
Fost il-konsiderazzjonijiet l-aktar importanti għall-UHM jibqa’ s-sehem u l-funzjoni taċ-Chairman fl-MCESD.
Xogħol iċ-Chairman ta’ l-MCESD primarjament hu li jmexxi d-diskussjonijiet bħala faċilitatur u kultant bħala moderatur bejn l-imsieħba soċjali u għalhekk ma jistax jagħmel rappreżentazzjonijiet jew iwassal ix-xogħol ta’ l-MCESD lill-Kabinett tal-Gvern u viċi versa. Dak xogħol il-politiku fil-kapaċità eżekuttiva ta’ Ministru jew Segretarju Parlamentari.
Għalhekk il-proposta li ċ-Chairman jingħata rank ta’ Ministru fil-Kabinett tal-Gvern twassal biex id-djalogu soċjali jaqa’ fuq żewġ saqajn – il-unions u l-għaqdiet ta’ min iħaddem. Ma jibqax skop effettiv għar-rappreżentant politiku fil-kapaċità ta’ Ministru/Segretarju Parlamentari tal-Gvern fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Jekk dan jiġri jkun ta’ ħsara għad-djalogu soċjali kostruttiv.
Il-Gvern li jkun irid iwettaq ix-xogħol li jkun wiegħed fil-programm elettorali bħala partit politiku jinħtieg li jkun qed jisma’ u jara dak li jkun qed iseħħ fil-Kunsill bħala persuna fdata bl-eżekuttiv tal-pajjiż. Iċ-chairman ta’ l-MCESD ma jagħmilx parti mill-eżekuttiv tal-Gvern.
Is-sehem dirett tal-Gvern bil-preżenza u l-parteċipazzjoni ta’ Ministru/Segretarju Parlamentari fl-MCESD tibqa’ essenzjali.

l-għaqdiet ta’ min iħaddem.
Tajjeb jingħad li l-Gvern fl-MCESD ikun rappreżentat minn diversi Segretarji Permanenti, id-driegħ amministrattiv tal-Gvern, biex jagħtu pariri fejn meħtieġ u jamministraw il-politika tal-Gvern tal-ġurnata. Madankollu l-eżekuttiv jibqa’ l-Gvern għax hu elett u jassumi responsabbiltà li jmexxi l-pajjiż.
Il-UHM temmen, għax l-esperjenza hekk uriet, li meta fl-MCESD jattendi wkoll fuq bażi regolari l-Ministru jew Segretarju Parlamentari, xogħol l-MCESD ikun iktar produttiv.
B’hekk ikun il-politiku, is-Segretarju Parlamentari jew il-Ministru li jirrapporta dwar id-diskussjoni fl-MCESD lill-Kabinett tal-Ministri.
Iċ-Chairman ta’ l-MCESD m’għandux ikollu l-jedd u l-awtorità li jirrappreżenta l-interessi wiesa’ tagħna bħala union fil-Kabinett fil-kariga ta’ rank ta’ ministru.
Ikun aktar effettiv u produttiv li jattendi għal-laqgħat ta’ l-MCESD Ministru jew Segretarju Parlamentari milli ċ-Chairman jingħata rank ta’ Ministru.
Iċ-Chairman ta’ l-MCESD mhux biss ikun irid jidher u jinħass li hu jaspira li jkollu l-fiduċja ta’ l-imsieħba soċjali kollha iżda jrid jidher li hu indipendenti bejn it-tlett imsieħba soċjali.
Fuq dawn il-premessi prinċipali l-UHM ma taqbilx li ċ-Chairman ta’ l-MCESD jingħata rank ta’ ministru.
F’diversi okkażjonijiet, il-UHM għamlet stqarrijiet pubbliċi dwar kif l-aħjar jaħdem l-MCESD biex l-aspirazzjonijiet ta’ l-imsieħba soċjali jilħqu l-milja tagħhom. Aħna se nibqgħu naħdmu biex dan iseħħ.

Gejtu Vella hu Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075