MediaToday

Editorjal | 09 ta’ Settembru 2007 • Nr 45

L-ewwel pass, min?

Wara d-dikjarazzjoni tiegħu fir-Rabat nhar il-Ħadd li għadda li lest li jippubblika iktar informazzjoni dwar min jagħti flus lill-partit kemm-il darba jsir l-istess mill-partiti l-oħra, Lawrence Gonzi fetaħ triq li nittamaw li titwassal sa tmiemha fiż-żmien li ġej.
Warajh anki ż-żewġ deputati mexxejja tal-Partit Laburista qablu li għandu jkun hemm liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti b’mod trasparenti.
Il-mistoqsija li qed tpoġġi din il-gazzetta hi l-iktar waħda ovvja: min se jagħmel l-ewwel pass?
Jekk iż-żewġ partiti ewlenin għandhom ir-rieda li jieħdu dan il-pass biex tissaħħaħ id-demokrazija x’qed iżommhom milli jmexxu dibattitu Parlamentari dwar il-finanzjament tal-partiti li jwassal biex sa l-elezzjoni li ġejja jkollna fis-seħħ liġi li tirregola dan?
Sal-lum ma nifhmux kif minkejja l-ħafna kliem sabiħ dwar il-ħtieġa ta’ kontabbiltà u trasparenza fit-tħaddim tal-finanzi pubbliċi l-partiti politiċi jibqgħu jostru l-kontijiet tagħhom.
Hu fl-interess pubbliku li nsiru nafu min qed jiffinanzja lill-partiti politiċi u b’kemm. Hu fl-interess pubbliku li ċerti donazzjonijiet ta’ valur ikunu illegali għax magħhom iġibu obbligi li jdgħajfu d-demokrazija.
Nemmnu li l-konklużjonijiet tal-Kumissjoni Galdes lura fis-Snin Disgħin joffru qafas tajjeb li fuqu tista’ ssir id-diskussjoni. Dakinhar kien suġġerit li donazzjonijiet ta’ ’l fuq minn Lm10,000 ikunu illegali u l-partiti jkollhom l-obbligu li jikxfu l-identità ta’ min jagħmel donazzjonijiet ta’ Lm5,000 jew aktar.
Nemmnu li donazzjoni għandha jkollha definizzjoni iktar wiesa’ għax jista’ jkun li ‘l-għajnuna’ li jirċievi partit tkun taħt għamla ta’ servizzi jew prodotti li wkoll jistgħu jġorru ċerti obbligi.
Liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti trid tieħu kont tal-fatt li llum il-partiti politiċi huma wkoll organizzazzjonijiet kummerċjali. Biex is-swieq tar-radju u t-televiżjoni ma jbatux minn kompetizzjoni nġusta ma jistax ikun hemm sussidji mill-partiti għall-entitajiet kummerċjali tagħhom, bl-istess mod li kumpaniji privati kbar fil-qasam tat-telekommunikazzjoni ma jistax ikollhom cross-subsidisation bejn is-sussidjarji minħabba n-natura tas-suq tagħhom.
Il-partiti politiċi huma kruċjali għat-tħaddim tad-demokrazija u għalhekk dak li jseħħ fl-intern tagħhom hu fl-interess pubbliku għax deċiżjonijiet jew azzjonijiet li jittieħdu bejn erba’ ħitan fil-Ħamrun, f’Tal-Pietà jew Tas-Sliema jistgħu jolqtu lill-bqija tal-poplu.
Għalhekk il-finanzjament tal-makni politiċi hu kwistjoni importanti mhux biss biex tikber id-demokrazija interna tal-partiti imma biex tissaħħaħ id-demokrazija f’dan il-pajjiż.
Ħafna jħossu li hemm id moħbija wara ċerti deċiżjonijiet li jittieħdu. Ħafna jaraw li f’xi kwistjonijiet il-politiku donnu għandu jdejh marbuta minn xi forza inviżibbli. Biex dawn is-suspetti jinqatgħu jrid ikun hemm iktar trasparenza fit-tħaddim tal-politika u għalhekk liġi ċara mingħajr toqob li tirregola l-finanzjament tal-partiti hi essenzjali.
Nisperaw li sa l-elezzjoni li ġejja dan iseħħ. Sadanittant din il-gazzetta se tibqa’ tistaqsi minn fejn ġew il-flus għall-kampanji elettorali: hu fl-interess pubbliku li nkunu nafu.

Saħħa Luciano
Ma nistgħux ma nsellmux il-memorja ta’ Luciano Pavarotti li telaqna ftit tal-ġranet ilu. Mhix biss id-dinja tal-mużika li se tħoss it-telfa tiegħu. Pavarotti għandu l-mertu kbir li bil-kariżma tiegħu rnexxielu jippopolarizza l-mużika klassika. Irnexxielu jwassal lill-udjenzi tiegħu emozzjonijiet li ma jintesewx.
Il-passjoni tiegħu għall-ħajja, bl-isfumaturi kollha tagħha, kienet tkun fl-aqwa tagħha fuq xi palk quddiem udjenza attenta għall-vuċi tremenda tiegħu.
Għal-memorji sbieħ li nissel f’kull min semgħu jkanta, Pavarotti ħaqqu tislima xierqa, anki minn din il-gazzetta umli.
Ciao carissimo Luciano!

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075