MediaToday

Ittri | 19 ta’ Awissu 2007 • Nr 42

Min iħobbha l-lingwa Maltija?

Minn Janet Mallia,
Mosta

Innutajt b’interess il-kummenti Ferstl u Muscat f’żewġ ħarġiet separati tal-gazzetta dwar in-nuqqas ta’ rispett li jingħata mill-Maltin lejn il-lingwa ta’ art twelidhom. Ħassejt li għandi nagħti sehmi f’din id-diskussjoni mqajma fil-gazzetta tiegħek.
Bħala traduttriċi ninnota li l-lingwa Maltija hi stmata ħafna barra minn Malta u ftit li xejn mill-Maltin. Personalment nemmen li hemm żewġ kurrenti li jinfluwenzaw ħafna l-mod kif il-Maltin iħarsu lejn il-lingwa ta’ pajjiżhom.
Waħda hi pressjoni fuq livell lokali li tirrigwarda l-ambjent soċjali ta’ madwar individwu u l-oħra hi pressjoni fuq livell nazzjonali minn entitajiet magħrufa.
Fir-rigward ta’ pressjoni lokali, hi tassew ħasra li hawn skejjel u ambjenti li jippromwovu l-Ingliż bil-ferm wisq aktar mill-Malti. Dan qed iwassal biex ikollna individwi li jitkellmu bl-Ingliż biss u għandhom xorti jifhmu l-Malti u wisq aktar jafu jiktbuh! Għalija din hi injoranza grassa u hi t-tieni l-ikbar falliment fil-qasam edukattiv f’pajjiżna wara l-illiteriżmu.
It-tieni problema hi fuq livell nazzjonali. Għadni ma nistax nifhem kif entitajiet ewlenin f’pajjiżna jagħżlu li jippromwovu lilhom infushom bl-Ingliż biss bl-iskuża li jiftiehem aħjar, anki mit-turisti. F’din l-iskuża nara ħafna element ta’ serviliżmu lejn il-barranin, anki jekk għaddew is-snin li ntemmet il-ħakma tagħhom f’pajjiżna.
Ma nistax nifhem b’liema loġika trid tippromwovi oġġett fis-suq lokali u ma tużax il-lingwa lokali. Ma nistax nimmaġina xi ħaġa bħal din isseħħ ftit ’il bogħod minn xtutna, bħall-Franza u l-Ġermanja. Id-differenza bejn il-Franċiżi u l-Ġermaniżi u l-Maltin hi waħda: dawn huma kburin bil-lingwa ta’ pajjiżhom waqt li aħna l-Maltin lesti li narmu wirt missirijietna fiż-żibel!
Inweġġa’ bil-wisq meta nara entitajiet nazzjonali jagħmlu websajts u wirjiet sħaħ fit-Trade Fair bl-Ingliż biss. Issa bdejna moda ġdida f’ġieħ il-flus: il-messaġġi permezz ta’ l-sms li jintbagħtu bħala kontribut fil-programmi ta’ diskussjoni fuq it-televiżjoni qed jiġu riprodotti kif jirċievuhom.Veru għandna għalfejn nistħu! Kemm bil-manjiera fqira ta’ kif jinkiteb il-Malti u wisq aktar li nippromwovu l-lingwaġġ ta’ l-sms. Nistaqsi: meta l-Awtorità tax-Xandir lesta li tagħmel verament xi ħaġa? Malta lingwa waħda għandha u dik biss għandha tingħata promozzjoni!
L-aħħar froġa għamilha l-Gvern meta fl-Isptar Mater Dei ddeċieda li jagħmel it-tabelli bl-Ingliż biss għaliex kien diffiċli biex jittraduċu ċertu kliem. Naħseb li kien ikun aħjar kieku nstabu tradutturi professjonisti u mustaċuni biex joħolqu dan il-kliem ħalli jibqa’ jintuża fil-lingwa Maltija. B’hekk kienu jsiru t-tabelli bil-Malti u bl-Ingliż u kulħadd ikun moqdi!
F’dan il-kuntest nixtieq inrodd ħajr għall-kontribut kbir li qed jagħtu ċerti tradutturi biex joħolqu kliem ġdid fil-lingwa Maltija. Bħal kull ħaġa oħra f’pajjiżna anki f’dan il-qasam għandu problema, għaliex id-dizzjunarji eżistenti ma jaqdux it-talba għal ċertu kliem biex jiġi tradott, għalhekk bilfors irid jinħoloq kliem ġdid.
It-tieni problema hi li dan ix-xogħol kollu jinsab f’riskju li jsir suf minħabba li m’għandniex assoċjazzjoni tat-tradutturi biex il-kliem ġdid tradott inkun inkluż f’database u jagħmlu użu minnu t-tradutturi kollha. L-għan aħħari jkun li dan il-kliem jiġi nkluż fil-forma ta’ dizzjunarju komprensiv, jagħmlu użu minnu kulħadd u jidħol b’mod normali fil-lingwa Maltija. Dan il-proċess iseħħ barra minn Malta u għandu japplika għal Malta wkoll.
Il-Malti mhux se jieħu r-ruħ qabel ma jingħata l-ġieħ mistħoqq mill-Maltin stess. Wisq nibża’ li żgarrajna t-triq f’din id-direzzjoni għaliex il-fatti qed jindikaw li l-ħuta minn rasha qed tintenn!

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075