Intervista | 19 ta’ Awissu 2007 • Nr 42
Kurt Sansone jintervista lil Francis Zammit Dimech
Hu wieħed mill-ministri li qala’ ħafna kritika, mhux minħabba xi skandlu iżda għax ma rnexxilux jilħaq il-miri stabbiliti mill-Gvern tiegħu stess fil-qasam turistiku.
Madankollu meta niltaqa’ ma’ Francis Zammit Dimech ninduna għalfejn hu wieħed mill-politiċi li minkejja li jkollhom il-mewġ kontrihom jibqa’ jikseb suċċess elettorali fuq livell distrettwali.
Hu bniedem li ma jdurx mal-lewża, li kapaċi jiffaċċa lil min jikkritikah u hu annimal politiku li jaf juża l-media. Forsi din ta’ l-aħħar l-iktar li taqlagħlu kritika għax hu bniedem kapaċi ħafna fejn tidħol il-komunikazzjoni iżda mhux tant b’idejh fuq il-polz tal-ħidma li taqa’ fid-dekasteru tiegħu.
Għal min jaħdem miegħu hu bniedem li jisma’ ħafna u jħalli lil min imexxi u hawnhekk forsi hu l-ikbar difett għax jagħti impressjoni li mhux fil-kontroll.
Kienet din l-impressjoni flimkien mar-riżultati ħżiena ħafna fit-turiżmu u t-taħwid fl-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) li wasslu biex is-sena li għaddiet xi lukandiera talbu għar-riżenja tiegħu.
Wara dik il-burraxka, li fiha sab ukoll il-media kontrih, Zammit Dimech illum hu sodisfatt li r-riżultati għal din is-sena juru l-aħjar kisbiet f’dawn l-aħħar sitt snin.
Jitbissem meta nqajjimlu l-argument dwar it-talbiet varji li sarulu għar-riżenja, inkluż minni bħala editur tal-gazzetta BusinessToday.
“Tgħallimt li fil-ħajja pubblika ma tistax tkun baħħar tal-bnazzi biss. Trid tagħraf fejn tkun għamilt xi żball u tkun kapaċi titkellem ma’ min ikkritikak l-iktar. Trid tibqa’ tikkumbatti biex ma tinġarrx mill-mewġ sa ma terġa’ tgħum f’wiċċ il-baħar. Ir-riżultati ta’ llum inisslu fija d-determinazzjoni li nibqgħu naħdmu flimkien. Irridu nżommu saqajna ma’ l-art imma l-isfida hi ikbar għax irridu nżommu ma’ l-aspettattivi li lħaqna.”
Nistaqsih jekk il-mira ta’ 50,000 turist iktar fis-sena għal tliet snin infila li tħabbar fil-baġit minn Lawrence Gonzi kienx il-kaġun prinċipali tal-kritika qawwija li qala’. Għaldarb’oħra jitbissem u jgħidli li l-mira li tħabbret fil-baġit kienet “kategorika żżejjed.”
“Tajjeb li jkollna l-miri tagħna imma’l mod esaġerat kif għamilniha pubblika serviet biex tagħtina spinta ħa naħdmu iktar u nsolvu l-problemi iżda ħolqitilna wkoll diffikultajiet kbar għax ma kellniex il-flessibbiltà li nvarjaw skond iċ-ċirkostanzi li ma kinux taħt il-kontroll tagħna bħal pereżempju t-temp tajjeb li kien hemm fl-Ewropa s-sena li għaddiet u li wassal biex inqas nies isiefru.”
Iċ-ċifri tat-turiżmu jitkejlu kull tliet xhur u l-andament ta’ kif hu analizzat is-suq iwasslek biex tifhem li qajla hemm pjan fit-tul u kollox jiddependi fuq l-azzjoni tal-mument.
Zammit Dimech isostni li s-settur fih ħafna elementi li jinbidlu l-ħin kollu u mhux bilfors ikollok kontroll fuqhom. Madankollu jisħaq fuq l-importanza tal-pjanar fit-tul li iżda jkun flessibbli biżżejjed biex jakkomoda l-bidliet li jinqalgħu tul is-snin.
“S’issa qed jirriżulta li din hi l-aħjar sena f’dawn l-aħħar sitt snin u t-titjib jidher kemm fl-għadd ta’ turisti li jżuruna kif ukoll fin-nefqa tagħhom. Issa ilna minn Novembru tas-sena l-oħra nesperjenzaw titjib kontinwu.
“Mhux bilfors li formola li ħadmet fil-passat se tibqa’ tajba għal-lum. Jekk nieħdu x-xejriet ta’ l-ivvjaġġar tinduna kif qed jinbidlu l-affarijiet. Qabel kellna suq ankrat ma’ l-operaturi ta’ l-ivvjaġġar. Kien suq li ta serħan il-moħħ lil-lukandi u f’ħafna ċirkostanzi dawn l-operaturi anki kienu jħallsu minn quddiem.
“Illum dan is-suq, għalkemm għadu importanti għal Malta, naqqas ħafna għax daħlu modi ġodda ta’ kif jivvjaġġaw in-nies. Daħal il-fenomenu tal-bookings bl-internet fejn persuni jiddeċiedu li jibbukkjaw lukandi għal rashom. Daħlu linji ta’ l-ajru low cost li għamluha iktar faċli biex in-nies jaħsbu għal rashom. Żviluppat ukoll il-moda ta’ vaganzi iqsar li jkunu pjanati minn ftit ġimgħat qabel. Żdiedet ukoll il-kompetizzjoni minn pajjiżi ġodda li qabel kienu wara l-Purtiera tal-Ħadid u postijiet oħra fil-Balkani.
“Skond analiżi li konna għamilna fl-Ingilterra, li hu l-ikbar suq tagħna, turi li l-Ingliżi qed isiefru iktar permezz tal-low cost milli permezz ta’ l-operaturi ta’ l-ivvjaġġar.”
Jidher ċar li ċ-ċifri pożittivi li kellna minn Novembru lil hawn huma fil-biċċa l-kbira dovuti għad-dħul fis-suq tal-linja ta’ l-ajru low cost Ryanair. Nistaqsih jekk konniex sentejn tard fl-introduzzjoni tal-low cost.
“Ma ngħidx li konna sentejn tard. Sa massimu konna sena tard. Imma d-deċiżjoni dwar il-low cost ma kenitx waħda faċli għax ma tistax iżżarma l-bażi li fuqha tkun bnejt kollox u tagħmel bidla radikali li tista’ tolqtok ħażin. Trid tara kif l-istrateġija l-ġdida se tolqot lil-linji ta’ l-ajru stabbiliti kollha u mhux l-Airmalta biss. L-Airmalta hi importanti għax hi t-triq lejn Malta. Kienet hemm, qegħdha hemm u rridu naraw li tibqa’ hemm.
“Iżda rrid nagħmilha ċara. Malta qatt ma qalet lil xi linja ta’ l-ajru low cost biex ma taħdimx minn hawn. L-argument li kien hemm hu dwar is-sussidju li ppretendew. Ridna naraw li s-sussidju jagħmel sens ekonomiku, li jkun fl-aħjar interess nazzjonali u jkun konformi mar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea. Qabel ma ġew ir-Ryanair kien hawn diġà linji oħra low cost bħall-Meridiana u l-Britishjet joperaw minn u lejn Malta.
“Il-politika tal-Gvern tħabbret f’April ta’ l-2006 iżda kellna nieħdu daqsxejn żmien sakemm ikollna l-clearance mill-UE, noħorġu s-sejħa, ikunu identifikati r-rotot u l-bidla ssir mingħajr skossi.”
Nistaqsih jekk hux sodisfatt bl-MTA wara l-burraxka ta’ riżenji u riformi li għaddiet minnhom.
“L-Awtorità dwar it-Turiżmu taħdem viċin ħafna ta’ l-industrija u qed tagħti r-riżultati mistennija. Il-problemi li kien hemm huma marbuta ma’ kif l-aħjar tuża r-riżorsi interni li għandha l-organizzazzjoni.
“Nista’ nkun iżjed kuntent għax bħal f’kollox dejjem hemm fiex titjieb. L-iktar bidla li rrid nara fl-MTA hi kultura ġdida fejn l-impjegati jieħdu s-sodisfazzjoni fuq xogħolhom minn kemm inkunu rnexxielna nġibu turisti lejn Malta u minn kemm inkunu rnexxielna naqduhom sew.”
Wara l-fanfarra li biha l-Gvern kien ħabbar il-proġett għal korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra fil-Manikata kollox miet fuq ommu meta sentejn wara l-proġett kien abbandunat u l-bini ta’ korsa tal-golf ma baqax priorità għall-Gvern.
Jikkonfermali li “f’dan l-istadju” korsa tal-golf mhix priorità iżda jinsisti li l-argumenti li kien għamel meta tħabbar il-proġett tax-Xagħra l-Ħamra dwar il-ħtieġa ta’ korsa minħabba t-turiżmu għadhom validi.
“Hi verità li hemm kategorija ta’ turisti li jiddependu fuq il-golf. Każ riċenti kien ta’ konferenza li ssoltu ssir Malta iżda għax ma laħqux ftehim mal-Marsa Sports Club dwar l-użu tal-korsa kif kien isir fil-passat, spiċċaw biex ma ġewx Malta.
“Hu fatt ukoll li trid tara l-istampa sħiħa, li tinkludi wkoll l-ambjent, qabel ma tara fejn se tagħmel korsa tal-golf. Il-korsa fix-Xagħra l-Ħamra ma ridniex li ssir jiġri x’jiġri. Il-problemi marbutin mal-fdalijiet storiċi, żoni ekoloġiċi u l-ilma tal-pjan kienu se jissolvew bid-disinn tal-korsa imma fl-istess waqt bdiet tiżdied ukoll l-ispiża. Id-disinjaturi ħasbu biex ikopru l-ispejjeż billi jipproponu l-bini ta’ proprjetà. Meta l-ammont ta’ proprjetà żdied tant li ma kienx għadu jagħmel sens ħadna deċiżjoni kategorika li ma ssirx hemm u minflok isir park naturali.”
Proġett ieħor li m’għadux jissemma hu dak tal-White Rocks. Illum din iż-żona tinsab f’abbandun sħiħ li jġiblek ħasra.
Iwieġeb hekk: “Hawnhekk ukoll kien hemm il-problema li l-iżviluppatur magħżul beda jdaħħal element ta’ proprjetà fil-proġett li ħassejt ma kienx ġust mal-kompetituri l-oħra għax ma kienx skond il-pjan li fassalna għaż-żona. L-iżvilupp taż-żona mhux priorità lanqas. Madankollu l-Gvern għadu jirċievi proposti ta’ żvilupp għaż-żona li jvarjaw minn dawk bi skop turistiku bi ftit proprjetà għal raħal tat-tielet età biex jattira turisti anzjani speċjalment fix-xitwa. Kien ukoll fil-mira ta’ l-iżviluppaturi ta’ SmartCity fil-bidu tan-negozjati iżda l-Gvern ħa deċiżjoni politika li SmartCity issir fin-nofsinhar tal-pajjiż.”
Xi ħaġa li ilna nisimgħu dwarha u ma sar xejn hu l-kontroll fuq l-industrija tal-bini, speċjalment f’żoni turistiċi, biex ma toħloqx inkonvenjent għal min jgħix ħdejn siti ta’ kostruzzjoni.
Jgħid li hu favur iktar kontroll fuq l-industrija tal-bini u li bħala ministeru taw is-sehem tagħhom fit-tfassil tar-regolamenti l-ġodda biex jonqos l-inkonvenjent mill-industrija tal-kostruzzjoni. Isostni li jrid ikun hemm bidla kulturali fl-industrija mingħajr ma nittraskuraw il-fatt li hi wkoll waħda mill-iktar importanti għall-pajjiż.
B’dan l-argument nieħu spunt biex nitkellem ma’ Zammit Dimech dwar il-kostitwenza tiegħu. Residenti Slimiżi żgur li jkellmuh dwar il-problemi li jkollhom għax il-lokal sar qisu sit ta’ kostruzzjoni permanenti.
“Il-kostitwenti jsemmuli din bħala problema u nifhimhom għax għaddejt mill-istess problemi bl-uffiċċju żgħir li għandi San Ġiljan fejn faċċata tiegħi tela’ bini ġdid. Ma nistax ma nesprimix solidarjetà ma’ min ibati mill-inkonvenjent imma lanqas ma rridu naħarbu bl-idea li dan qatt jieqaf għal kollox. Irridu naħdmu biex il-kostruzzjoni ssir bħalma ssir barra minn Malta, b’siti mgħottija kif suppost, b’invjar u qtugħ tal-ġebel li joħloq trab mill-inqas, bi ħsejjer kontrollati u bl-inqas inkonvenjent għal min jgħix viċin.”
F’distrett li fih kandidat tal-PN għandu kompetizzjoni ħarxa minn kandidati oħra ta’ l-istess partit u bil-bidliet li saru fil-kompożizzjoni tiegħu, nistaqsi lill-ministru jekk għandux ċans jerġa’ jkun elett mill-10 distrett.
“Tul iż-żmien kollu li ilni fil-politika dejjem żammejt lili nnifsi viċin in-nies. Fiduċjuż li l-kostitwenti tad-9 u l-10 Distrett se jerġgħu jagħtuni mandat biex inkompli bil-ħidma politika tiegħi. Hu minnu li hemm kompetizzjoni kbira iżda nippreferi li nieħu sehem f’tiġrija bejn iż-żwiemel milli f’tiġrija bejn il-ħmir.
“L-10 distrett kif ġie emendat iqiegħed lill-PN f’iktar żvantaġġ u allura iktar u iktar kull vot jgħodd. L-elettorat għandu d-dover li jagħżel tajjeb u jifhem li kull vot hu importanti.”
Meta nistaqsih dwar l-istalletti minn wara li jintefgħu minn kandidati ta’ l-istess partit, jitbissem u b’ton sod jgħid li hu ma jagħti stalletti lil ħadd. “Dak mhux l-istil tiegħi. Fl-aħħar mill-aħħar l-importanti li jirbaħ il-partit,” jgħidli. Meta nistaqsih jekk qattx qala’ stalletti, jgħid li ġieli waslulu rapporti li qala’ stalletti iżda ma jgħidlix minn min.
Fiċ-ċirkostanzi rebħa tal-PN hi possibbli?
“Il-poplu jrid jaqbad miżien u fil-keffa tal-PN ipoġġi dak kollu li għamilna tajjeb u li nistgħu nkomplu inwettqu fil-futur. Mill-keffa jneħħu wkoll il-piżijiet fejn jaħsbu li aħna nqasna. Jekk jagħmlu l-istess għall-MLP, ġudizzju oġġettiv għandu juri li l-miżien jxaqleb favur il-PN.
“L-MLP mhux partit mibdul tant li għandhom mexxej li ilu hemm 15-il sena bil-kontra ta’ Lawrence Gonzi. Il-PN wera li hu kapaċi jinbidel internament saħansitra meta kellu s-suċċess iktar milli rnexxielu jagħmel l-MLP fl-oppożizzjoni.”
Hawnhekk joħroġ il-politiku partiġġjan. Jiddeskrivi d-dokumenti politiċi tal-Partit Laburista bħala superfiċjali, jakkuża lill-MLP li pprova jfixkel it-triq tal-pajjiż lejn l-ewro u jsostni li Alfred Sant hu interessat biss li jkun fil-poter.
“Jekk l-MLP jagħmel riformi kbar u jkun kapaċi joffri alternanza nifhem lil min irid jivvotalu għall-bidla. Imma llum ma nifhimx x’jista’ jwassal lil xi ħadd jivvota Labour.”
Infakru li kull elezzjoni mill-2003 sal-lum dejjem tat rebħa konvinċenti lill-Partit Laburista.
“Hu fatt li fl-elezzjonijiet lokali l-votant Nazzjonalist joħroġ ferm inqas minn dak Laburist. Però l-poplu jaf kif għandu juża l-vot tiegħu skond l-elezzjoni li jkollu quddiemu u fl-elezzjoni ġenerali l-poplu jaf li jrid jagħżel il-Gvern li se jmexxih għal ħames snin,” isostni b’ċerta konvinzjoni li tfakkarni fil-perjodu ta’ qabel l-1996 meta n-Nazzjonalisti kienu iktar minn ċerti li se jirbħu dik l-elezzjoni.
Nistaqsih x’jaħseb dwar l-impatt li jista’ jkollu Josie Muscat bil-partit tiegħu fuq l-elezzjoni.
“Ma ninjorax lil Josie, bħalma ma ninjorax lill-Alternattiva Demokratika. Dawn huma elementi li jistgħu jagħmlu iktar viċina t-tiġrija bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Stennejt li Josie se jkollu formazzjoni ferm ikbar u iktar kredibbli u l-impatt ma kienx kbir daqs kemm seta’ ħaseb Josie Muscat. Il-voti ta’ partiti żgħar ifixklu lill-partiti l-kbar f’sitwazzjoni fejn il-poplu jrid jagħżel lill-partit li se jkun fil-Gvern. Għalhekk nemmen li kull vot jgħodd. L-elezzjoni li jmiss tista’ tkun viċin ħafna.”
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|