Il Punt | 19 ta’ Awissu 2007 • Nr 42
Bħalma jaf kulħadd Għawdex hi gżira żgħira ta’ 67 kilometru kwadru b’popolazzjoni ta’ madwar 30,000. Bħala gżira li tagħmel parti minn Stat li fih innifsu hu gżira wkoll, dan joħloq diversi diffikultajiet għal Għawdex.
Il-fatt li Għawdex bħala gżira għandu ċerti karatteristiċi tipiċi li huma differenti minn dawk ta’ Malta mhuwiex biżżejjed biex l-ekonomija Għawdxija titjieb bil-mod mixtieq li bih jinħoloq xogħol biżżejjed għal kulħadd ġewwa Għawdex.
Li llum hawn servizz tajjeb u kontinwu ta’ trasport bejn iż-żewġ gżejjer iffaċilita iżjed il-kummerċ f’Għawdex.
Il-festa popolari ta’ Santa Marija minn dejjem kienet ta’ attrazzjoni għall-Maltin li japprofittaw irwieħhom mix-shut downs f’dawn iż-żminijiet biex ikunu jistgħu jqattgħu ftit jiem ta’ vaganzi f’Għawdex.
Jekk wieħed jistaqsi ftit lis-sidien ta’ lukandi, farmhouses u flats tal-kiri, malajr jinduna li fi żmien ta’ festa bħal dik ta’ Santa Marija, f’Għawdex ma jkunx hemm fejn toqgħod labra.
Din is-sena apparti mill-festi l-kbar ta’ Għawdex, li normalment jiġbdu in-nies, kien hawn inizjattivi oħra li komplew jgħinu biex ikun hemm turiżmu intern ikbar. Fost l-oħrajn kien hawn in-Notte Gozitana u anki attività oħra organizzata mill-kunsill lokali tan-Nadur li fiha nġiebu anki kantanti barranin li ġibdu bosta Maltin lejn Għawdex. Attivitajiet bħal dawn bla dubju ta’ xejn iħallu effett pożittiv ħafna fuq l-ekonomija Għawdxija.
Meta titkellem ma’ sidien ta’ ristoranti u stabbilimenti oħra ta’ l-ikel ilkoll jirrappurtaw bejgħ tajjeb f’okkażjonijiet bħal dawn. L-istess japplika għal bosta stabbilimenti oħra ta’ kummerċ varju bħal ħwienet tal-ħwejjeġ, supermarkets u oħrajn.
Din is-sena fuq inizjattiva tal-Gozo Channel rajna wkoll l-iskema ta’ prezzijiet speċjali għall-Maltin li jaqsmu lejn Għawdex minn ċertu ħin wara nofsinhar, tkun estiża għal perjodu itwal tas-sena li ma jinkludix biss ’l hekk imsejħa shoulder months. Din bla dubju kellha effett pożittiv fuq l-ekonomija Għawdxija.
Wieħed irid jirrealizza li l-imprenditur Għawdxi jiffaċċa l-problema ta’ staġjonalità ħafna iżjed mill-kollega tiegħu Malti. Jekk wieħed iħares lejn is-settur tal-lukandi, lukanda tipika f’Għawdex ikollha kważi n-nofs tan-numru ta’ sodod mimlija minn lukanda simili f’Malta.
F’dan il-kuntest il-Kamra tal-Kummerċ għal Għawdex tixtieq tara iżjed investiment minn dawk kollha involuti, il-Gvern u l-privat, fejn jidħol iżjed reklamar tal-prodott ‘Għawdex.’ Importanti wkoll li l-Gvern jinvesti iżjed bis-saħħa u kemm jista’ jkun malajr fl-infrastruttura tal-gżira Għawdxija.
Il-fatt li l-Gvern ikkommetta ruħu li jonfoq 10 fil-mija tal-flus li ġejjin mill-Unjoni Ewropea għal Għawdex hu pożittiv ħafna. Iżda wieħed irid jirrealizza li għalkemm ras għal ras dan hu tajjeb, meta tqabbel il-popolazzjoni ta’ Għawdex ma’ dik ta’ Malta jibqa’ l-fatt li bħala art il-gżira Għawdxija hi ftit iżjed minn kwart tat-total ta’ l-art Maltija.
Għalkemm diġà saru xogħlijiet importanti fuq ċertu toroq prinċipali, il-bżonn ta’ iżjed investiment anki fuq toroq sekondarji qiegħed hemm.
Nixtiequ wkoll naraw iżjed faċilitajiet ta’ parkeġġ speċjalment fir-Rabat għax in-nuqqas ta’ dan qiegħed joħloq ċerti diffikultajiet u nkonvenjenti sewwa għal min iżur Għawdex kif ukoll għal ċerti negozjanti, speċjalment dawk li jinsabu fil-qalba tar-Rabat.
Apparti minn hekk wieħed ma jiħux pjaċir jara l-gwardjani jwaħħlu ċitazzjonijiet fuq karozzi meta hawn problema kbira ta’ parkeġġ fir-Rabat.
Il-ħolqien ta’ żoni ta’ rikreazzjoni u ta’ postijiet li joffru faċilitajiet sportivi għandhom ikunu nkuraġġiti iżjed. Il-Kamra tal-Kummerċ għal Għawdex tħoss ukoll il-bżonn li l-Gvern jara x’jista’ jsir biex il-port ta’ l-Imġarr jitkabbar iżjed għax illum il-ġurnata dan hu żgħir għal bżonnijiet tal-gżira Għawdxija. Il-Kamra tisħaq ukoll fuq il-fatt li għandu jerġa’ jibda servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer għax dan ikompli jagħmel il-prodott Għawdxi iżjed attraenti.
It-turiżmu ntern hu bla dubju importanti ħafna għall-ekonomija Għawdxija u għalhekk il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tisħaq li kulħadd għandu jagħmel ħiltu biex jara li dawk li jżuru lil Għawdex jingħataw servizz tajjeb u ġust minn kulmin hu involut. Mill-banda l-oħra wieħed ukoll jesiġi mġiba tajba minn dawk li jżuru Għawdex speċjalment fejn tidħol l-indafa, is-sewqan u l-istorbju bla bżonn.
Michael Grech hu Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija
|
|
FEATURES
Iddawnlowdja l-features f'PDF

Iż-żegt bl-għoli

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

Dokument ta' qabel... l-elezzjoni

Mimlijin daqs bajda

Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità

Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007

Baħar sħun banju

Għal darb' oħra f'salib it-toroq

Logħba tal- biza'
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|