MediaToday

Editorjal | 19 ta’ Awissu 2007 • Nr 42

Id-dnubiet tat-tfal

Persuni pubbliċi m’għandhomx għalfejn iġorru l-ħtija ta’ l-aġir tat-tfal tagħhom. Iżda teżisti linja fina ħafna li jekk tinqabeż twassal biex il-persuna pubblika terfa’ hi wkoll ir-responsabbiltà ta’ dak l-aġir.
Hemm ċirkustanzi fejn l-aġir tat-tfal joħloq imbarazzament lill-ġenitur li jkun persuna pubblika. Sakemm l-imbarazzament ma jħallix impatt fuq il-ħidma pubblika tal-persuna nħossu li m’hemm l-ebda responsabbiltà x’tintrefa’.
Iżda hemm ċirkostanzi iktar gravi fejn dak li jkunu għamlu t-tfal, anki jekk m’għandu l-ebda rabta mal-kariga tal-ġenitur, iwassal biex il-persuna pubblika tkun suġġetta għal disprezz pubbliku li ma jħallihiex tiffunzjona kif suppost. F’ċirkostanzi bħal dawn il-persuna pubblika għandha hi wkoll terfa’ r-responsabbiltà ta’ l-aġir tat-tfal.
Inħossu li l-każ tat-tifel ta’ l-ambaxxatur Malti għall-Irlanda jaqa’ fit-tieni kategorija.
It-tifel ta’ Richard Muscat hu mfittex fuq rapport ta’ assalt sesswali u attentat ta’ stupru u saħansitra kien arrestat mill-Pulizija Irlandiża. Iżda l-ġustizzja ma setgħetx tieħu l-kors naturali tagħha għax il-familja Muscat kienet tgawdi mill-immunità diplomatika minħabba r-rwol pubbliku tal-missier.
Kien iktar minn ovvju li bħala ambaxxatur Muscat ried igawdi r-rispett ta’ l-Irlandiżi biex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu bl-aħjar mod f’isem l-Istat Malti. Il-każ ta’ ibnu qajla għen biex Muscat ikollu r-rispett meħtieġ, iktar u iktar meta l-ġustizzja ma setgħetx issir u t-tfajla li sofriet l-abbuż kienet se tibqa’ b’li ħadet.
Ma kienx hemm triq oħra ħlief li l-ambaxxatur Richard Muscat jerfa’ r-responsabbiltà ta’ l-allegat aġir kriminali ta’ ibnu u jirriżenja fl-aħjar interess nazzjonali. Sfortunatament Muscat għażel li jirriżenja biss wara li l-istorja ħarġet fl-Istampa Irlandiża u mhux meta seħħ l-allegat każ.
Agħar minn hekk Muscat naqas li jinforma lis-superjuri tiegħu f’Malta meta seħħ il-każ f’Ottubru tas-sena l-oħra biex issa poġġa wkoll lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin f’pożizzjoni imbarazzanti wara li ftit tal-ġimgħat ilu dan reġa’ ikkonferma l-ħatra ta’ Muscat bħala ambaxxatur.
Għamel tajjeb il-Gvern il-bieraħ li neħħa l-immunità diplomatika lit-tifel ta’ Muscat biex b’hekk il-ġustizzja tkun tista’ tieħu l-kors naturali tagħha.
Malta qatt m’għandha tagħti l-impressjoni li l-ambaxxati tagħha huma santwarji li jipproteġu lil min hu investigat u mfittex fuq reati kriminali.
U għalli ġej il-Gvern għandu jitgħallem lezzjoni importanti. Qabel ma jappunta ambaxxaturi u nies oħra f’karigi daqshekk sensittivi l-persuni nominati għandhom ikunu suġġetti għal skrutinju minn kumitat Parlamentari.

Taħt Austin
Meta l-Prim Ministru kien qal li l-ebda chairman ta’ awtorità pubbliku m’għandu jorbot saqajh mas-siġġu tal-poter għax jekk ma jaqdix il-funzjoni tiegħu jew tagħha l-Gvern mhux se jaħsibha darbtejn qabel ma jtajjarhom, qatt ma ħsibna li l-ministeru ta’ Austin Gatt kien se jieħu dan il-kumment sa l-estrem tiegħu.
Hu tajjeb li l-Gvern jgħasses fuq il-persuni li jkun ħatar f’bordijiet u f’awtoritajiet u jesiġi li jagħmlu xogħolhom sew. Imma altru jkollok chairperson jew tnejn li telqu jew ittellqu u altru jkollok lista twila daqs ma nafx xiex.
L-aħħar riżenja fid-dekasteru ta’ Austin Gatt hi dik ta’ l-eks ministru Nazzjonalista Michael Falzon minn chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma.
Il-fatt li Gatt talab lil Falzon jerġa’ jikkunsidra r-riżenja tiegħu jindika li ma kien hemm xejn ħażin fl-aġir taċ-chairman li kien ħaqqu ċensura mill-Gvern.
Allura fejn kienet il-problema?
Ma jagħmilx ħażin Austin Gatt jekk irażżan ftit il-ħeġġa żejda li xi wħud madwaru juru fl-eżerċizzju tal-poter u li ħafna drabi twassal biex tnaffar in-nies, anki Nazzjonalisti kommessi, bħal Falzon.

FEATURES

Iddawnlowdja l-features f'PDF


Iż-żegt bl-għoli



Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier



Dokument ta' qabel... l-elezzjoni



Mimlijin daqs bajda



Il-Korruzzjoni u l-kultura ta' l-illegalità



Id-Dinja r-roża f'Malta ta' l-2007



Baħar sħun banju



Għal darb' oħra f'salib it-toroq



Logħba tal- biza'

 

 

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075