Wenzu Mintoff | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Ninsabu fil-qofol ta’ dak li l-Ingliżi jgħidulu s-‘silly season’, fejn l-aħbarijiet suppost jibdew jixxuttaw u allura l-gazzetti jaqbdu ma’ l-aħbarijiet trivjali.
Skond il-Brewer’s Dictionary of Phrase and Fable s-silly season hu dak iż-żmien partikolari tas-sena fejn il-Qrati u l-Parlament ikunu magħluqin allura suppost jonqsu l-aħbarijiet. Issa ħallik li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet meta jkunu miftuħin tgħidx kemm isiru fihom affarijiet ‘silly’. Imma s-‘silly season’ ta’ din is-sena mhux daqstant xott bħal snin oħra. Mhux tant għax qorbot ġmielha l-elezzjoni imma dan is-sajf mhux se jkun eżattament wieħed ta’ mistrieħ għall-parlamentari attwali u dawk aspiranti.
Is-silly season ta’ din is-sena hu wieħed mhux tas-soltu wkoll għax beda proprju b’ħafna kulur u kummiedji peress li għal ftit ġranet żbarka vapur Brażiljan kollu pulċinelli u buffi li nvadew Strada Rjali. Bħal dak li qallu ma kienx hawn biżżejjed purċinelli u buffi jiġru mas-saqajn. Il-preżenza ta’ dawn il-buffi professjonali fostna minflok ġabet magħha l-allegrija u ferħ li wieħed kien jistenna, ħarġet beraħ il-fatt kemm aħna l-Maltin moħħna biex nirredikolaw lil ħaddieħor imma ma nafux niċċajtaw u niddieħku bina nfusna.
Tnejn minn dawn il-buffi Brażiljani spiċċaw arrestati fiċ-ċipp tal-Belt għax iċċajtaw bil-goff ma’ wħud minn dawk li kienu qed jippassiġġaw fi Strada Rjali u għamlu xi ġesti mhux xierqa lill-membru tal-Korp tal-Pulizija. Mhux ta’ b’xejn fil-media Maltija ftit li xejn teżisti satira politika li taf tkun punġenti u effettiva ferm iktar minn kull kritika serja. Ix-xena ta’ dawn il-buffi deħlin l-għassa tal-Pulizija tal-Belt kienet waħda tabilħaqq traġi-komika.
Minflok il-Korp tal-Pulizija jintensifika l-isforzi tiegħu biex ngħidu aħna jsodd kemm jista’ it-toqob minn fejn dieħla d-droga f’pajjiżna qed jispiċċa jehda bi ħmerijiet bħal dawn. Din bħal meta biex mingħalihom jagħmluha tal-moral re-armament u tal-Kattoliċi iktar mill-Papa, xi ħadd mill-ħakkiema ta’ dan il-pajjiż permezz tal-Kummissarju Rizzo iddeċieda li jagħmel speċi ta’ blitzkrieg fuq il-clubs ta’ fejn isir lap dancing. Biex imbagħad spiċċaw waqgħu waħda għaċ-ċajt nobis meta l-qorti illiberat it-28 żeffiena mil-Lvant ta’ l-Ewropa għar-raġuni li f’xatt il-baħar tista’ tara laħam mikxuf ferm iktar minn dak li stajt tara f’dawn il-postijiet. Minn dak li jien infurmat dawn il-klabbs issa reġgħu lura għan-normal għar-rutina tas-soltu qisu qatt ma kien xejn.
Cacopardo vs Calleja
Li konna f’pajjiż ieħor żgur li ma kienx ikollna silly season din is-sena għax bħal donnu l-aħbarijiet li jimbarazzaw lill-Gvern ma jridux jieqfu. Avolja ċerti gazzetti li jgħidu li huma indipendenti bħal donnu jippreferu li dawn l-aħbarijiet jaħbuhom kemm jista’ jkun u jimlew l-ewwel faċċati bir-ritratti ta’ Lawrence u Kate Gonzi mdawrin bil-kangaroos u l-koala bears minn downunder.
Waħda mill-kontroversji li mlitilna s-silly season ta’ din is-sena kienet il-kwistjoni taħraq li żviluppat bejn il-perit Karmenu Cacopardo u l-MEPA. Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Ministru Gorg Pullicino kien rappurtat fil-media li issa qed jaqbel ma’ Andrew Calleja, iċ-chairperson tal-MEPA, li Karmenu Cacopardo m’għandux ikun rikonfermat bħala uffiċjal investigatur fl-uffiċċju ta’ l-Awditur Intern għax dan għandu kunflitt ta’ interess.
Cacopardo minn naħa tiegħu sostna li d-deċiżjoni li hu jitneħħa minn uffiċjal investigatur kienet ittieħdet ġimgħat qabel ma hu kien ressaq ilment quddiem l-Ombudsman peress li ma kienx intgħażel għall-kariga ta’ Direttur għall-Ambjent tal-MEPA u ntgħażel xi ħadd inqas kwalifikat minnu.
Cacopardo jsostni wkoll li l-vera raġuni għalfejn Calleja ried itajru minn postu tinsab fir-rapport annwali tal-MEPA fejn l-awditur intern jiċċensura lil Calleja talli dan kien qed jiltaqa’ direttament ma’ l-iżviluppaturi li jkollhom applikazzjonijiet pendenti mal-MEPA meta skond il-liġi tal-MEPA iċ-Chairman m’għandux poteri eżekuttivi. Dawn il-laqgħat ta’ Calleja ma’ l-iżviluppaturi, li biex tkompli tgħaxxaqha ma jinżammux minuti tagħhom, qed joħolqu konfużjoni ta’ rwoli u sinjali konfliġġenti li minħabba fihom qed ikun diffiċli tinżamm il-kontabbiltà. Issa jekk hemm xi ħadd li f’din il-kwistjoni kollha żgur għandu kunflitt ta’ interess bla dubju ta’ xejn hu l-istess Calleja li jrid itajjar lil Cacopardo għax mhux iħossu komdu b’xi ħadd li hu rett u fitt biżżejjed f’xogħlu li żgur se jkompli jikxef dan it-tip ta’ agħwar.
Ix-Xwieki
La qed nithħaddtu fuq kunflitti ta’ interess ta’ veru u mhux fittizji, f’dan is-silly season feġġ fil-beraħ ukoll il-każ ta’ l-impjant taż-żrar li qed jopera illegalment f’barriera fix-Xwieki limiti ta’ l-Iklin. Dan l-impjant li qed jopera f’inħawi rurali viċin ħafna żona residenzjali qed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti minħabba l-ħafna trabijiet, storbju u ħsejjes li joħloq.
Wara ħafna tqanżiħ u tkaxkir tas-saqajn għax is-sid ta’ dan l-impjant hu kanvasser kbir ta’ ministru Nazzjonalista, il-MEPA fl-aħħar iddeċidiet li toħroġ enforcement notice.
Imma dan l-impjant xorta waħda baqa’ jopera b’mod illegali u fil-frattemp saret applikazzjoni minn sid l-impjant biex dan l-iżvilupp illegali jkun sanzjonat.
Il-perit li ressqet l-applikazzjoni biex dan l-impjant illegali jkun regolarizzat mhi ħadd ħlief Catherine Galea, il-viċi-Chairperson ta’ l-istess MEPA. Fir-rwol tagħha fil-MEPA Galea suppost li tiżgura li ma jkunx hawn illegalitajiet u abbużi fl-iżvilupp tal-bini u fl-istess ħin bħala perit qed tassisti lil minn xeba’ jabbuża u jikser il-liġi. Dawn il-fares jiġru biss f’Malta.
Il-Mosta
Prova oħra ta’ kemm din is-sena m’għandniex silly season avolja ċerti gazzetti jippruvaw joħolqu l-illużjoni ottika daqs li kieku ċerti aħbarijiet qatt ma eżistew, hu l-każ ta’ abbużi finanzjarji kbar fil-Kunsill Lokali tal-Mosta fiż-żmien meta fit-tmexxija kien hemm l-eks Sindku Nazzjonalista Joe Demartino. Ċekkijiet skaduti u mhux imsarrfin, eluf kbar ta’ liri neqsin u oħrajn li kienu moħbija f’diversi kaxxi taħt l-iskrivanija u f’postijiet oħra fl-uffiċċju tas-Segretarju Eżekuttiv li issa b’vot unanimu tal-Kunsill ġie sospiż minn xogħlu.
Naturalment issa jrid jiġi stabbilit kif kien qed isir dan it-tbażwir kollu taħt imnieħer l-eks Sindku Demartino u l-kontijiet finanzjarji ta’ dan il-kunsill xorta waħda kienu approvati mill-accountant u mill-awditur tal-kunsill.
Is-silly season it-tajjeb, lilek u lill-familja. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|