MediaToday

Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40

Riżenja bil-fomm biss

Mugliett qatt ma ta ittra ta’ riżenja

Jesmond Mugliett, il-Ministru għat-Trasport qatt ma offra ittra ta’ riżenja lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Dan il-fatt joħroġ minn sempliċi talba li għamlet din il-gazzetta lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jara l-kopja ta’ l-ittra tar-riżenja tal-Ministru u l-motivazzjoni li ngħatat minn Mugliett lil Gonzi biex iħalli postu mill-Kabinett. Imma altru milli motivazzjoni, il-Ministru lanqas biss ta r-riżenja tiegħu bil-miktub.
“M’hemm l-ebda ittra,” qal kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru meta staqsejnieh biex naraw kopja ta’ l-ittra. “Irriżenja verbalment. Kulma kien hemm kienet diskussjoni bejniethom.”

Fih innifsu dan id-dettall jidher insinifikanti iżda meta r-riżenja hi ta’ ministru tal-Gvern il-kwistjoni tieħu dimensjoni oħra u ġġiegħlek tistaqsi jekk, wara kollox, Mugliett kienx verament qed jirriżenja jew sempliċiment “iddiskuta” l-kwistjoni ma’ Gonzi.
L-atteġġament ta’ Mugliett qanqal ir-reazzjoni ta’ l-artikolista Nazzjonalista rrabjata Daphne Caruana Galizia li qalet li riżenja hi bħal suwiċidju – jew tagħmlu jew ma tagħmlux, mhux toqgħod thedded li se tagħmlu.
’L hekk imsejħa “riżenja” intefgħet nhar it-Tnejn, 2 ta’ Lulju, iżda kien biss ħamest ijiem wara li Mugliett għamel l-aħbar pubblika billi ikkonferma li kien offra li jirriżenja. Huwa qal li għalkemm ħass li m’għamel xejn ħażin xtaq li ma jimbarazzax iżjed lill-Gvern f’nofs id-dilluvju ta’ kritika li kien qed jaqla’ dwar l-intervent dirett tiegħu biex jinżammu żewġ uffiċjali korrotti ma’ l-Awtorità Dwar it-Trasport minkejja li kienu nstabu ħatja mill-Qorti.
Gonzi dam 24 siegħa jaħsibha sakemm qal lil Mugliett li ma kellux għalfejn jirriżenja – jew aħjar, li ma kellu għalfejn jikteb l-ebda ittra ġaladarba kien se jżommu fil-Kabinett.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075