Tonu u Peppi | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
TONI
Irrid nibda bi storja ta’ vera, li kont involut fiha jien.
Eusebio Busuttil kien għadu kemm kien ikkundannat sentejn ħabs. F’daqqa waħda kulħadd intebaħ li Busuttil spiċċa l-habs bis-saħħa tal-kondotta tal-persuna li kienet akkużata miegħu, mentri l-ieħor ħareġ barra ħieles bis-saħħa tal-kondotta ta’ Eusebio Busuttil.
Anke l-istess maġistrat intebaħ bl-iżball proprju ftit tal-ħin wara li laħaq ippronunzja d-deċiżjoni, u inkwetat qalli: ‘Fittex agħmel talba lill-President. Issa lħaqt tajt is-sentenza!”
B’mod stramb għall-aħħar, wara li għamilt appell, l-Imħallef ikkonferma s-sentenza ta’ ħabs, anke wara li kien irrealizza bl-iżball! Inqalgħet waħda fl-awla, u niftakar li jien akkużajt lill-Imħallef li ma kienx jistħoqqlu jamministra l-Ġustizzja għax dakinhar kien ikkundanna lil kulħadd il-ħabs u kissirt is-siġġu li kont fuqu! Għamilt malajr talba lill-President tar-Repubblika u fi żmien ftit sigħat Eusebio Busuttil inħeles! Kien każ ċar ta’ dak li jissejjaħ miscarriage of justice. Li ma kienx għall-fatt li kellna r-rimedja tal-maħfra Presidenzjali kieku Eusebio Busuttil kien jispiċċa fil-ħabs għal sentejn għalxejn.
Il-maħfra Presidenzjali, jew aħjar kif inhi magħrufa f’artiklu 93 tal-Kostituzzjoni, il-prerogattiva tal-maħfra, għandha funzjoni importanti ħafna f’soċjetà demokratika, fejn anke l-qrati jiżbaljaw! Meta Charles De Secondat, Baron De Montesqieu fl-1745 kiteb ‘L-Ispirtu tal-Liġijiet’, din diġà kienet f’moħħu bħala parti minn sistema politiku ġenerali magħruf bħala t-teorija tas-separazzjoni tal-poteri, fejn it-tliet kolonni tal-Parlament, Gvern u Qrati setgħu jikkontrollaw lil xulxin, iżda mingħajr ma jindaħlu lil xulxin. Din it-teorija ġiet ukoll applikata minn Alexis De Tacqueville fit-tħaddim tad-demokrazija Amerikana u kienet suċċess.
Bħalma l-qrati minn żmien għal żmien ġieli jagħmlu l-liġijiet bis-saħħa ta’ sentenzi fejn il-Parlament ikun naqas li jipprovdi xi rimedju. Fejn il-Parlament ġieli wkoll isir Qorti, bħal meta sa ftit żmien ilu xi ħadd kien jiddisprezzah. Kulħadd jiftakar il-każ ta’ Charles Demicoli kontra Malta. Hekk ukoll hemm mumenti fejn l-eżekuttiv, bil-poteri li mogħni bihom il-President, jista’ eċċezzjonalment jinvadi fl-għalqa tal-qrati bil-maħfra Presidenzjali. Iżda l-mistoqsija hi, sa liema limitu għandha tintuża din il-maħfra mill-politiku?
Il-maħfra Presidenzjali ġieli ntużat b’mod kontroversjali għall-aħħar, anke f’pajjiżi barranin. Ħadd ma jinsa lil Gerald Ford jagħti maħfra lil Nixon wara l-każ klamoruż ta’ Watergate. Kellha influwenza fuq ir-riżultat elettorali li wassal biex jitla’ Bill Carter fil-White House. L-użu ta’ din il-maħfra mill-politiċi biex jaħfru lil xulxin jew lil xi ħadd qrib tagħhom għandha mix-xabla tad-Demokle – taqta’ miż-żewġ naħat. Pajjiżna ma kienx u ma jidhirx li hu xi eċċezzjoni għal dan it-tip ta’ imbarazzament politiku li jista’ jħalli effetti katastrofiċi fuq il-Gvern tal-ġurnata.
Il-maħfra Presidenzjali hi neċessarja biex issewwi żbalji umani biss u għandha tintuża f’każijiet eċċezzjonali. Meta l-Gvern jibda jagħmel użu minnha b’mod faċli, issir arma perikoluża. Irridu niddistingwu bejn każ u każ. Persuna li jkollha sentenza x’tiskonta u jkollha kanċer terminali: tal-familja jitolbu li fl-aħħar ftit ġimgħat ta’ ħajtu jmur id-dar magħhom biex imut mewta dinjituża. Iżda differenti l-każ, bħal meta kien il-każ Queiroz, li jitħalla jmur lura pajjiżu għax għandu l-Hepatitis B, u nisimgħu li llum qiegħed il-Brazil iservi l-hamburgers. F’dan il-każ l-Istat kellu l-obbligu li jipprovdi servizzi mediċi u mhux jammetti falliment.
Dan l-aħħar osservajt li l-maħfra Presidenzjali bdiet tintuża frekwentement u għal skopijiet kważi politiċi. Ma rridx insemmi ta’ dan l-aħħar. Insemmi bħal per eżempju l-ġuri ta’ Lawrence Pullicino, il-każ ta’ Żeppi l-Ħafi, li kollha kienu politikament ikkargati fi gvernijiet li kienu pulveristi politiċi. Kien hemm xamma qawwija li l-partit fil-Gvern ried bilfors iċaqlaq il-lasti biex jitfa’ l-ballun fix-xibka.
Każ ieħor ta’ dawk li ngħataw x’jifhmu li jekk inneħħu l-multi esagerati tal-VAT setgħu jitolbu lill-President tar-Repubblika jaħfrilhom parti sostanzjali mill-multa. Kien mezz kif il-politiku jaħrab milli ma jsibx spazju fil-ħabs, jekk mhux ukoll jirbaħ il-voti. Dawn kollha huma eżempji li jgħarrqu din is-sitwazzjoni.
Li bqajt skantat kien dan l-aħħar, li bl-akbar mod ta’ injoranza teknika tkellmu dwar il-każ ta’ l-uffiċjali ta’ l-ADT. Il-manipulazzjoni ta’ din is-sistema tista’ wkoll tkun abbużata mill-Oppożizzjoni biex tieħu vantaġġ politiku, bħal meta taħt amministrazzjoni Laburista ngħatat il-maħfra Presidenzjali lil wieħed li kien fadallu xi ftit jiem x’jiskonta l-ħabs. Dakinhar il-membru involut irriżenja u ma nafx li dakinhar ħarġu xi Peppi Azzopardi jew Ranier Fsadni, bl-istess argumenti li ħarġu bihom dan l-aħħar fil-każ ta’ Mugliett.
Il-maħfra Presidenzjali nsibuha fl-Artiklu 93 tal-Kostituzzjoni. Hu artiklu xott li ftit li xejn insibu risposti fih, ħlief li l-President dejjem jaġixxi fuq il-parir tal-Kabinett.
Wara din l-esperjenza kollha, jien jidhirli li għandna nagħmlu l-affarijiet aktar ċari. Għalhekk nagħmel dawn il-proposti: Kull maħfra Presidenzjali għandha tkun mgħarbla mill-Ombudsman li għandu jagħti l-parir tiegħu. Id-deċiżjoni finali għandha tibqa’ tal-Kabinett. Il-valur ta’ din il-proposta hu li nintroduċu xi xorta ta’ trasparenza. F’każ li l-Kabinett jieħu deċiżjoni ħażina kontra l-parir ta’ l-Ombudsman allura l-imbarazzament politiku jkun akbar. Minbarra dan, ir-rakkomandazzjoni ta’ l-Ombudsman tkun magħrufa peress li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dejjem jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati.
Għandu jkun hemm ‘Cabinet Memo’ li ssir pubblika, li fiha jkun hemm il-linji gwida ta’ kif għandha tintuża l-maħfra Presidenzjali. B’hekk ikun hemm anke skrutinju mill-pubbliku.
Il-maħfra hi virtù Kristjana. Iżda dik Presidenzjali hi f’sens wiesa’ politiku. Jekk jogħġobkom tħalltux waħda ma’ l-oħra għax bejniethom hemm baħar jaqsam!
PEPPI
Sakemm kellu 22 sena kien jieħu d-droga bl-adoċċ. Beda ta’ 13-il sena u lejn l-aħħar kien jonfoq Lm80 kuljum. Dar il-vini ta’jdejh, ta’ għonqu u ta’ saqajh. Ma kienx fadallu vina waħda fejn ifaqqa’ d-droga.
Biex iżomm dan il-vizzju misħut spiċċa jisraq u jbigħ id-droga. Inqabad. Tressaq il-Qorti u sadanittant, meta kien fil-qiegħ tal-qiegħ, iddeċieda li jipprova jieqaf jieħu d-droga.
Segwa programm ta’ rijabilitazzjoni u ħareġ clean. Kien ilu 10 snin ma jmiss id-droga. Bil-mod beda jrodd lura l-parti l-kbira ta’ dak li seraq. Kull ġimgħa jagħti l-urina tiegħu biex bil-provi juri li ma kien għadu jmiss xejn. Iżżewweġ u kellu żewġ ulied. Sab xogħol u tant irnexxa li ħa promozzjoni waħda wara l-oħra. Ħarġet is-sentenza u weħel ħames snin ħabs.
Possibbli hawn xi ħadd f’sensieh jaħseb li dan ir-raġel għandu jispiċċa l-ħabs? L-avukat tiegħu jista’ jitlob għall-maħfra Presidenzjali. Jekk tingħata hemm xi ħadd li jaħseb li jkun twettaq xi skandlu? Din mhix storja unika.
Il-maħfra Presidenzjali hi hemm għal dawn in-nies. Il-Qorti ħafna drabi tkun idejha marbuta li timxi skond il-liġi. Imma hemm ċerti każijiet li fihom ma tistax timxi biss bil-liġi. Hawn tidħol il-maħfra presidenzjali.
Il-maħfra Presidenzjali ilha f’pajjiżna mill-1964 meta qabel kienet tingħata mill-Gvernatur. Mhix xi ħaġa li daħħal dan il-Gvern f’dawn l-aħħar snin. Ma jkunx il-President waħdu li jiddeċiedi. It-talba tmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija, id-Direttur tal-Ħabs, l-Avukat Ġenerali li kollha jagħtu l-parir tagħhom lill-Ministru tal-Ġustizzja. Imbagħad tittieħed deċiżjoni.
F’liema każijiet jingħataw?
Każ ieħor: mara f’ħanut li ma tatx riċevuta ta’ 10ċ. Ħażin u l-liġi iebsa. Teħel Lm1,000. M’għandhiex imnejn tħallashom. X’tagħmlu intom? Tibagħtuha l-ħabs? Kieku mhemmx il-maħfra Presidenzjali din il-mara tispiċċa l-ħabs. Il-maħfra mhux bilfors tfisser li tinħafrilha s-somma iżda li, pereżempju, titħallas bil-mod.
Hi ħasra li wara l-każ taż-żewġ persuni li nstabu ħatja li xxaħħmu fil-liċenzji tal-karozzi ħafna qed jitolbu li ma jkunx hemm maħfriet Presidenzjali iktar. Għaliex? Anke f’dan il-każ ma naqbel xejn li l-maħfra Presidenzjali ma tingħatax.
Ħa npoġġi l-fatti ċari u mbagħad għażiż qarrejj/a niddiskutu kemm trid.
Dawn iż-żewġ persuni nstabu ħatja li b’kollox tħallsu madwar Lm200. Il-Gvern appella mis-sentenza u talab sentenza aktar iebsa. Iż-żewġ persuni kienu ikkundannati b’interdett perpetwu.
Xi jkun dan? Li għal għomrok, jigifieri sakemm dawn imutu, ma jistgħu qatt jaħdmu mkien mal-Gvern. Ma jistgħu qatt jiffirmaw kuntratti quddiem l-ebda nutar. Issa forsi int, għażiż/a, blajtha li l-avukat ta’ dawn iż-żewġ persuni kien qed jitlob maħfra Presidenzjali biex dawn iż-żewġ persuni jerġgħu jidħlu jaħdmu l-ADT. Mhux veru. Dawn iż-żewġ persuni talbu biex l-interdett ma jibqax għal għomorhom. Talbu li s-sentenza ma tkunx tiswa sakemm imutu imma li tkun għal perjodu ta’, pereżempju, 15-il sena. Mhux biżżejjed 15-il sena?
Għalfejn għandna ninsistu fuq l-għomor? Qed ngħidu li min jiżbalja bilfors irid jibqa’ jiżbalja? Li r-riforma ma tistax isseħħ almenu f’dawn iż-żewġ persuni li xxaħħmu fl-ADT?
L-istorja tkompli li l-President ma laqax it-talba tagħhom b’mod immedjat u allura dawn minn sospiżi spiċċaw tkeċċew għal dejjem. Il-preċedent ta’ dan il-każ kien dwar persuna fl-ADT li weħel interdett għal għomru għax ħa kummissjoni ta’ Lm4. Allura jekk ħa l-maħfra Presidenzjali biex l-interdett ma baqax għal għomru, kien ikun xi skandlu dan?
Ovvja, sakemm aħna jew uliedna jew xi ħadd qrib ma jinsabx f’xi ċirkostanzi simili donnhom ftit jixtiequ juru kumpassjoni ma’ min jiżbalja. Niftakar meta snin ilu fuq programm televiżiv kont għedt li l-ħabs m’għandux jibqa’ jeżisti kif inhu imma li l-ħabs għandu jkun post ta’ mħabba, kien ċempilli wieħed u għamel nofs siegħa jgħajjarni u jixtieqli ħafna affarijiet koroh.
Qalli: ‘Kieku kien għalija jekk naqbad lil min seraqni nitfgħu f’ċella u ma joħroġx minn hemm.’ Ftit żmien wara din il-persuna reġgħet ċemplet u talbitni niltaqa’ magħha. Aċċettajt u meta ltqajna qalli li ibnu kien il-ħabs fuq serq. Qalli li ibnu kellu problema serja ta’ droga u li hu qatt ma kien jaf biha. Qalli li kienu ibnu u żewġt iħbieb tiegħu li kienu serquh mid-dar. Iżda issa din il-persuna bdiet titkellem mod ieħor. Qaltli kemm kien jaqbel miegħi li l-ħabs għandu jkun post ta’ mħabba, li jirriforma u mhux jirrabja lis-soċjetà.
Tlett ijiem ilu ltqajt ma’ mara li 13-il sena ilu waħlet il-ħabs għal ftit xhur fuq serqa żgħira. Qatt ma kienet tieħu d-droga. Fil-ħabs bdiet tieħu d-droga għall-ewwel darba. Ħarġet u minħabba l-kondotta ma sabitx xogħol. Baqgħet tieħu d-droga u llum hi mara mkissra. L-aqwa li ma ħaditx il-maħfra Presidenzjali. L-aqwa li ħlisna minnha fil-ħabs qisha qatt ma kienet.
Għalija iktar għandna ninkwetaw għal dawk li għax ma jkollhomx biex iħallsu avukat biex jieħu ħsieb il-każ tagħhom jispiċċaw lanqas ikunu jafu bid-dritt tagħhom li jistgħu jippruvaw jitolbu maħfra Presidenzjali. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|