Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Is-skiet fil-kamra jixxellef bid-daqq qawwi ta’ qanpiena li għall-ewwel bħal donnu jfakkrek fil-qanpiena ta’ l-iskola. Imma l-ħoss tant hu qawwi li wara ftit sekondi jġenġillek widnejk.
F’daqqa waħda l-kamra xi darba kwieta tinbidel ta’ taħt fuq. Ħames ħaddiema jlebbtu ’l barra wara xulxin bl-apparat imdendel wara daharhom. Ftit sekondi wara nsib ruħi fuq is-seat ta’ wara ta’ karozza tat-tifi tan-nar. Illum se ngħixu ġurnata ma’ dawn il-ħaddiema li bla daqq ta’ trombi huma fost l-inqas ħaddiema li jissemmew anke jekk ta’ kuljum isalvaw nies innoċenti minn saram li jkunu daħlu fih.
Hekk kif il-karozza tat-tifi tan-nar titlaq mix-Xemxija u sserrep fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar inżomm kif nista’ mat-tieqa. Imma fil-liwjiet bil-veloċità li għaddejjin biha niżżerżaq minn naħa għall-oħra tas-seat.
Quddiemna karozza tat-tifi tan-nar oħra. Fuq din is-sejħa ħriġna b’żewġ teamijiet. Żewġ karozzi mexjin ċlikki ċlikka wara xulxin jimblukkaw it-triq. Is-sirena blu tal-vettura tat-tifi tan-nar tixgħel biex il-karozzi jagħmlu l-wisa’.
Tmien ċilindri sofor, ilbiesi tal-bugħaddasa u għodda oħra tal-baħar, huma fost l-apparat miġbur maġenbi f’ċestuni tal-plastik.
Il-ħajja ta’ pumpier hi hekk: imprevedibbli. Filli qiegħed bilqiegħda tnaddaf l-apparat tax-xogħol u filli trid toħroġ barra ssalva l-ħajja ta’ bniedem. Iżda mhux biss.
It-telefonata li daħlet fl-istazzjon tat-tifi tan-nar ftit tas-sekondi qabel ġiet minn tfajla fil-Għargħur. F’appell imqanqal talbet biex il-ħaddiema jmorru jsalvaw ferħ ta’ qattus li waqa’ ġo bir. Il-qattus ma kienx tagħha imma wieħed minn ħafna abbandunati fl-isqaq li tgħix fiha. Tispikka l-imħabba tal-ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili. Dan il-każ jiġi trattat bl-akbar attenzjoni daqslikieku kien bniedem li għandu bżonn l-għajnuna.
X’ħin naslu fuq il-post Natalino Bezzina, il-bniedem li jieħu ħsieb l-istazzjon tax-Xemxija, jagħmel il-kalkoli dwar x’tip ta’ ħidma hi meħtieġa.
L-għażla taqa’ fuq Tony. Hu l-ħaddiem li se jinżel fil-bir. Hu l-bniedem ideali għal din il-missjoni. Mibni minn fuq imma tant irqajjaq minn isfel li jista’ jgħaddi mill-bokka tal-bir mingħajr ma jeħel.
Bejn ċajta u oħra dlonk tintebaħ li l-ispirtu ferrieħi ta’ dawn il-ħaddiema hu wieħed partikolari u b’ton nebbiexi jgħidulu li jekk ifettlilhom iħalluh fil-bir biex ipattuhielu ta’ kemm-il darba qagħad imqareb.
Lil Tony, li hu wkoll il-Leading Assistance Rescue Officer tal-grupp, jorbtuh bi ħbula għal ta’ l-apposta u b’elmu bid-dawl miegħu jitniżżel fil-bir. Il-qattus ma jinstabx. Minuti ta’ stennija. Frederick, pumpier ieħor, jitla’ fuq il-bejt jispezzjona l-katusa minn fejn waqa’ l-qattus. Tkompli t-tfittxija. Ftit tal-ħin wara nisimgħu bikja żgħira. Fl-aħħar tana sinjal! Il-qattus għadu ħaj. Wiċċ il-ħaddiema jixgħel. Mill-bokka tal-bir titla’ għajta. Din id-darba ta’ Tony.
“Sibtu, hawn qiegħed. Ejja ’l hawn sabiħ,” jinstema’ l-ħaddiem minn isfel.
Ftit wara mill-ħorża tfeġġ bixkilla b’qattus ċkejken li ma’ l-ewwel daqqa t’għajn tistħajlu fellus għasra.
Sid id-dar titbaxxa ’l isfel tfissed lill-qattus. Wara ftit tistaqsi lill-ħaddiema x’tista’ toffrilhom biex jitrejqu.
“Xejn,” qabeż Tony.
“ Ħaġa waħda fil-każ. Lill-qattus semmieh Mosè la sibnieh fl-ilma,” jkompli bi tbissima l-pumpier.
“U bil-ħaqq, jekk il-qattus issib li hi mara, semmiha Pamela Anderson. Tajjeb hekk?”
U f’kemm ili ngħidlek erġajna lura fil-vettura tat-tifi tan-nar.
Ġurnata qatt mhi bħal oħrajn. Tista’ tiġik ġurnata kwieta u tista’ tinzerta xi tlett ijiem infila b’gelgul xogħol li ma jieqaf qatt.
Il-każijiet ivarjaw. Minn nirien qawwija, splużjonijiet fi kmamar tan-nar, inċidenti fatali tat-traffiku u tixbit ma’ irdumijiet biex tkun salvata xi persuna li waqgħet.
Nidħlu lura fil-bażi tax-Xemxija. Il-kelma bażi mhix eżatta. Il-post qisu dar. Fuq naħa għandek salott imniffed ma’ kċina żgħira. Fuq naħa oħra hemm il-kmamar tas-sodda. Il-ħaddiema jgħixu f’ambjent ta’ familja. Jieklu, jsajru, jorqdu u jgħixu taħt l-istess saqaf. Ix-xift tagħhom twil 24 siegħa.
“Hawn l-imħabba ta’ bejnietna akbar minn ta’ familja,” jispjega Natalino.
“Ħajti tiddependi minn sieħbi. Għandna fiduċja għamja f’xulxin għax nafu li waqt li qed nitfu xi nar, ħajti qed isserraħ fuq il-kollega tiegħi.”
Nintasbu bil-qiegħda nieħdu kafè. Jeffrey u Joe li dejjem jaħdmu flimkien joħorġu torta tat-tiġieġ u jitmgħuni magħhom.
Bejn gidma u oħra jispikkaw ir-rakkonti tal-ħaddiema. Tony joħroġ munzell ritratti u artikli maqtugħin puliti mill-gazzetti. Huma artikli dwar stejjer li ħadmu fuqhom u li jibqgħu ttimbrati f’moħħhom.
Storja minnhom bħal tal-films, operazzjoni sigrieta li ssugraw ħajjithom fuqha. Rabtuni biex ma ngħid xejn. Kelma ta’ mara.
Esperjenzi oħra jħalluk tirrifletti.
“Ġieli kellna nidħlu f’nirien qawwija. Tħoss qalbek tgħaġġel. Tgħid jien se noħroġ ħaj minn hawn?” jgħid Natalino.
Imma l-ħaddiem tal-protezzjoni ċivili kemm hu viċin dak li naraw fil-films bħal Ladder 49?
“Film bħal dan ħareġ aspetti li n-nies diffiċli tarahom fil-ħajja normali tagħna. Ħareġ li l-pumpier hu bniedem tad-demm u l-laħam u għandu emozzjonijiet bħal kull bniedem ieħor,” jistqarr Natalino.
Ħaddiem ieħor jgħidli li l-mara tiegħu baqgħet ma tridx tarah dan il-film għax ma tridx tara l-perikli li jgħaddi minnhom żewġha.
“Min-naħa l-oħra tibda tgħid din ix-xena hi reali, imma din hi żinnata kbira,” jkompli l-ħaddiem.
Hemm imbagħad sitwazzjonijiet diffiċli ħafna.
“Darba mort fuq inċident fatali u sibt li l-vittma kien xi ħadd li naf jien u li ftit qabel kont għadni kemm kellimtu,” jispjega Lawrence, ħaddiem ieħor f’dan ix-xift.
F’kemm ili ngħidlek tidħol telefonata oħra. Ħabta kerha u fil-karozza għad fadal persuna maqbuda. Il-ħaddiema jinżlu riħ fit-triq indikata.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu tagħmir għal ta’ l-apposta għal każijiet gravi bħal dawn.
“Dan l-apparat hu jaws of life,” jispjegali ħaddiem minnhom.
“Bih minbarra li fi ftit ħin tista’ taqta’ saqaf ta’ karozza, tista’ wkoll tqandel sa toqol ta’ 40 tunnellata.”
Waqt li qed jisserraw is-saqaf. Jinfaqa’ l-ħġieġ. Tinħareġ il-persuna. Ambulanza li qed tistenna biswitna tieħu l-vittma dritt l-isptar. Issalva.
Wara, lura għax-Xemxija. Fil-ħin liberu mmorru l-gym li l-ħaddiema ramaw minn buthom. Id-dixxiplina hi xi ħaġa kbira. Ma nafx jekk hux għax kont hemm nagħmel din l-istorja imma aktar minn siegħa taħriġ bil-weights baqgħu għaddejjin anke waqt l-intervisti.
It-telefon jerġa’ jċempel. Naħsbuh li nqala’ xi ħaġa. Mill-control room jgħidulna li f’Għawdex intilfu numru ta’ bugħaddasa. Jekk tinqala’ l-ħtieġa tissejjaħ l-għajnuna tagħna. Sakemm indum mal-ħaddiema ma jinqala’ xejn aktar.
Lura fil-karozza biex nerħilha lejn id-dar inħares fil-bogħod lura lejn ix-Xemxija. Nieżla bil-mod minn wara d-djar żgħar hemm bħal ballun kbir oranġjo. Il-kuluri tax-xemx jitfgħu l-istess tip ta’ żelu li joffru dawn il-ħaddiema. Kos. Anke jekk ma nafuhomx, lesti li jagħtu ħajjithom għalina. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|