MediaToday

Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40

ILLEGALI: Il-permessi għas-suq fi tmiem il-ġimgħa f’Wied il-Għajn

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ikkonferma li l-permessi li ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala biex jarma s-suq fi tmiem il-ġimgħa filgħaxija f’din il-lokalità mhumiex skond il-liġi u għandhom jitwaqqfu.
Natalino Attard, id-Direttur tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, fisser kif id-Dipartiment stħarreġ l-ilmenti li waslulu dwar dawn il-permessi.
Attard qal: “Irriżulta li l-poter li għandu Kunsill Lokali skond l-Avviż Legali 119 ta’ l-2002 hu biex joħroġ permessi biex xi ħadd jagħmel attività kummerċjali fil-lokal waqt li tkun għaddejja xi okkażjoni. L-istess regolamenti jagħmluha ċara li l-Kunsill jista’ joħroġ tali permessi f’xi ġranet ‘partikolari jew speċifiċi’.
“Ta’ min iżid li l-istess regolamenti huma ntiżi li Kunsill joħroġ permessi ta’ darba u mhux fuq bażi regolari, u ċioè li tali permessi jingħataw waqt okkażjoni f’xi ġranet partikolari jew speċifiċi. Irriżulta għalhekk li dawn il-permessi maħruġa mill-Kunsill ma kinux skond dan l-Avviż Legali u l-Kunsill ġie nfurmat li ma setax joħroġ dawn il-permessi,” qal Attard.
Kienet din il-gazzetta li fil-15 ta’ Lulju żvelat kif id-deċiżjoni biex jinħarġu l-permessi biex jarma s-suq fi tmiem il-ġimgħa filgħaxija kienet ittieħdet mis-Sindku Laburista Mario Calleja bla ma ikkonsulta ma’ sħabu l-kunsilliera. Calleja dakinhar kien qalilna li l-Avviż Legali 119 ta’ l-2002 kien jagħti s-saħħa legal lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill li joħroġ il-permessi biex jarmaw il-bejjiegħa fi tmiem il-ġimgħa.
Iżda issa hu ċar li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ma jaqbilx ma’ din l-interpretazzjoni. Il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn kien mgħarraf bid-deċiżjoni tad-Dipartiment f’ittra bid-data tal-25 ta’ Lulju.
Meta ċempilna lil Calleja nitolbuh jikkummenta dwar id-deċiżjoni tad-Dipartment tal-Kunsilli Lokali u jekk kienx se jwaqqaf il-ħruġ ta’ dawn il-permessi jew le, qal li ma kellux x’jgħid u talabna biex nikkuntattjawh “il-ġimgħa d-dieħla”.
Il-kwistjoni tal-ħruġ tal-permessi lill-bejjiegħa kienet diskussa wkoll waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn li saret it-Tlieta li għadda. Matul il-laqgħa Calleja ma ressaqx l-ittra li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali kien bagħat lill-Kunsill iżda minflok ressaq ittra miktuba mill-Avukat Veronique Dalli li kienet qed tikkontesta d-deċiżjoni tad-Dipartiment.
Kellu jkun il-kunsillier Nazzjonalista John Baptist Camilleri li ippreżenta kopja ta’ l-ittra li ntbagħtet lill-Kunsill ta’ Wied il-Għajn mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Mozzjoni mressqa mis-Sindku biex jibqgħu jinħarġu l-permessi ħalli s-suq jarma fi tmiem il-ġimgħa ma għaddietx meta lanqas biss sab sekondant għaliha minn fost sħabu l-kunsilliera.
Il-ħruġ tal-permessi għas-suq mis-Sindku ġabet il-kundanna miż-żewġ kunsilliera Nazzjonalisti John Baptist Camilleri u Sandro Gatt kif ukoll imbarazzat lil sħabu l-Kunsilliera Laburisti.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075