Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Il-pulizija se tibda proċeduri fil-Qorti kontra s-Soċjetà San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi fuq ħruq ta’ nar li sar fil-festa ta’ San Ġorġ li saret ix-xahar li għadda.
Storja li dehret f’din il-gazzetta fit-8 ta’ Lulju tefgħet dawl fuq każ li seħħ fil-festa ta’ San Ġorġ fejn waqt il-ħruq tan-nar minn fuq bini fi Pjazza San Franġisk beda jaqa’ biċċiet tal-kartun jaqbad fuq il-folla preżenti.
Mitlub jikkummenta minn Illum dwar dan il-każ kważi xahar ilu l-Kummissarju tal-Pulizija kien ikkonferma li bdiet investigazzjoni.
Issa l-Pulizija qed issostni li għalkemm ħadd mill-pubbliku ma weġġa’ dakinhar uffiċjali tal-pulizija marru fuq il-post fejn kien qed jinħaraq in-nar u “waqqfu lill-każin inkwistjoni milli jkompli jaħraq dakinkar biss, liema nar kien wisq viċin l-opramorta tal-bejt tal-każin.”
Il-pulizija ikkonfermat li “se jittieħdu proċeduri l-Qorti kontra s-Soċjetà responsabbli talli ippermettiet li jinħaraq nar mingħajr ma ħadet il-prekawzjonijiet meħtieġa skond il-Liġi.”
Mhux magħruf jekk dwar dan il-każ intilfitx garanzija bankarja li suppost kellha s-Soċjetà msemmija. Din il-mistoqsija baqgħet ma tweġbitx.
Sadanittant, dwar il-festa tal-Qrendi li saret fl-1 ta’ Lulju, il-pulizija sostniet li n-nar inħaraq mis-siti li kienu approvati skond il-Liġi u ma rċeviet l-ebda rapport dwar in-nar ta’ din il-festa. L-istqarrija tgħid li “il-Pulizija li kienu xogħol dakinhar ma rrappurtaw xejn irregolari u lanqas ma kien innutat li waqa’ debris f’żoni residenzjali.”
F’appell lill-pubbliku l-pulizija qed tgħid li “jekk xi ħadd innota xi rregolaritajiet waqt jew wara l-ħruq tan-nar fil-festa tal-Qrendi, il-Pulizija tapprezza jekk din il-persuna li osservat dan tagħmel rapport dwaru mal-Pulizija tal-lokal.” |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|