MediaToday

Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40

L-ebda żblokk fit-tilwima industrijali fl-isptarijiet

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Jidher li ma kien hemm l-ebda żblokk fit-tilwima industrijali bejn il-General Workers’ Union (GWU) u d-Diviżjoni tas-Saħħa hekk kif l-azzjonijiet industrijali ordnati mill-Union illum daħlu fit-tielet jum tagħhom.
Il-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara qal lil din il-gazzetta li sal-bieraħ filgħaxija ma kien hemm l-ebda żvilupp bejn iż-żewġ naħat u li s-sitwazzjoni “għadha kif kienet”.
Hu fisser li l-azzjonijiet qed jolqtu l-aktar lill-pazjenti li jkunu fis-sodda għax, fost l-oħrajn, in-nursing aides mhumiex qed jaħsluhom.
“Ix-xogħol li kien isir min-nursing aides qed isir min-nurses li b’hekk qed ikollhom jagħmlu aktar xogħol,” qal Deguara.
Nhar il-Ġimgħa il-GWU ordnat lin-nursing aides, il-health assistants u l-care workers biex jagħmlu biss xogħol ta’ tqassim ta’ ikel lill-pazjenti. Ix-xogħol tagħhom is-soltu jinkludi il-ħasil tal-pazjenti, li jqajmuhom mis-sodda u l-bdil tal-ħrieqi tal-pazjenti inkontinenti.
Dawn l-azzjonijet l-aktar li qed jolqtu lill-pazjenti li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom b’mod indipendenti għax huma fiżikament jew mentalment inkapaċi li jagħmlu dan.
Fost dawn hemm aktar minn 1,000 pazjent fir-Residenza San Vinċenz de Paule, aktar minn 300 pazjent fl-Isptar Monte Karmeli u l-kważi 100 pazjent fl-Isptar Pawlu Boffa.
Il-GWU ordnat dawn l-azzjonijiet industrijali wara li kien hemm nuqqas ta’ qbil mad-Diviżjoni tas-Saħħa dwar tliet kwistjonijiet: it-talba tagħha sabiex in-nursing aides jitqiegħdu fi Skala 13, ir-roster u li n-nursing aides u l-health assistants jingħataw ħlas addizzjonali ta’ Lm195 fis-sena imsejjaħ premium allowance.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb ilmenta li d-diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet ilhom is-snin għaddejjin.
“Il-Gvern minflok sejjaħ konferenza ta’ l-aħbarjiet imissu uża dak il-ħin biex jipprova jsib soluzzjoni għall-kwistjoni. Il-General Workers’ Union hija lesta għad-diskussjonijiet. Nistennew li l-Gvern min-naħa tiegħu juri rieda tajba u jiġi fuq il-mejda tan-negozjati,” Zarb qal lil din il-gazzetta.
Mistoqsi għall-opinjoni tiegħu dwar din it-tilwima industrijali, l-eks Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Manwel Micallef qal li sitwazzjoni bħal din fejn hemm azzjoni industrijali ġo sptar hi delikata għax taffettwa l-pazjenti. Huwa fakkar li l-liġi tax-xogħol tesiġi li s-servizzi ta’ emerġenza ma jkunux affettwati. 
“Ħafna drabi iż-żewġ naħat ikunu bdew jinnegozjaw u kulħadd żamm il-pożizzjoni tiegħu u għalhekk ikunu marru għall-azzjonijiet industrijali. Ikun tajjeb li jidħol medjatur biex iħoll il-kwistjoni,” qal Micallef.
Intant il-Kelliem Laburista għas-Saħħa Michael Farrugia ma riedx jikkummenta għax ma kienx involut fit-taħdidiet. “Fid-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat hemm affarijiet li ma nkunux nafu bihom, allura ma nistax nikkummenta. Inkun prużuntuż li nikkummenta,” sostna Farrugia.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075