MediaToday

Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40

Il-mużika ta’ issa u ftit inqas folklor

Andrew Alamango jitkellem ma’ Franica Pulis dwar il-bidla fil-mużika ta’ Etnika

Irnexxieli niltaqa’ ma’ Andrew Alamango f’nofs il-ħafna impenji li għandu bħalissa. Bejn Puerto Flamenco fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-kunċerti Jazz fil-Bridge Bar u tal-Jazz Fringe! u Karavan Petlor ma’ l-Etnika għaddej bla nifs jorganizza u jdoqq. Alamango, minbarra li hu mużiċist, hu wieħed mill-imħuħ wara l-attivitajiet kollha li semmejt. Miegħu hemm ukoll Andrej Vujicic u Ċikka li flimkien huma l-mutur ta’ dawn il-ħafna attivitajiet sajfin.
Din is-sena l-kunċett ta’ Etnika nbidel kemmxejn, l-aktar fl-għan u fit-tip ta’ mużika li qed idoqqu. Hemm ukoll qabża fit-temi li minn għanjiet jew logħob tat-tfal issa se jmissu wkoll ma’ temi ambjentali u politiċi.
“Qabel konna nużaw melodija u ndoqquha kif inhi jew inbiddluha ftit. Jekk it-Tommy jew il-Ħammarun kienu jdoqqu b’ċertu ritmu, konna noħolqu diska bl-istess ritmu jew noħolqu waħda fejn nistgħu ndaħħlu wkoll id-daqq tagħhom. Illum, sitt snin wara li bdejna ndoqqu, inħossu li hemm għarfien biżżejjed fuq l-istrumenti Maltin. Fl-2001 tista’ tgħid ħadd ma kien sema’ l-ħoss taż-żaqq.
“Issa qed nieħdu t-teknika tar-ritmu Malti, niżviluppaw fuqha u anki ndoqquha Samba li tagħmel aktar sens u anki ma teħilx f’repertorju wieħed. Qabel il-mużika kellha sens ta’ nostalġija jew kienet logħob tat-tfal. Dawn għadda żmienhom issa. Tħares madwarek tinduna li iktar tagħmel sens li titkellem dwar x’inhu jiġri bħalissa għax qegħdin ngħixuh.”
Nistaqsih x’effett se tħalli l-lirika tagħhom fuq l-udjenza.
“Dejjem se jkun hemm kritika għax in-nies għandhom opinjonijiet differenti ta’ x’inhu xiex u wħud mill-kliem joqorsu daqsxejn ukoll. Imma dawn jirriflettu s-soċjetà Maltija u affarijiet bħall-immigrazzjoni u l-konsegwenzi soċjali tagħha, it-telf ta’ ċertu stil ta’ ħajja u l-iżvilupp żejjed ta’ art ma tistax tevitahom.”
Indawwarlu d-diskors u nsemmilu l-kanzunetta, jew aħjar ir-rakkont kantat tal-Maddalena, li Etnika daqqet għall-ewwel darba f’Earth Garden f’Ta’ Qali f’Mejju li għadda. Mill-ewwel jaqbad jitkellem fuq ir-riċerka. Minn kliemu ninduna kemm hi parti essenzjali mix-xogħol li jtella’ ma’ Etnika u kemm hu ddispjaċut dwar in-nuqqas ta’ arkivji proprji f’Malta fejn tidħol mużika.
“Ir-riċerka diffiċli ssibha fl-arkivji jew bil-miktub. Trid tkellem lin-nies… Mill-1931 sa l-1936 għannejja, orkestri żgħar u tenuri kienu jmorru t-Tuneżija jew l-Italja biex jirrekordjaw id-diski. Dawn meta kienu jiġu lura kienu jbigħu bl-eluf. Imbagħad kien rama Carabott bl-apparat neċessarju. Sfortunatament dawn huma l-‘arkivji’ ta’ Malta u ħadd ma jaf bihom,” qal il-mużiċist.
Niddiskutu wkoll is-sitwazzjoni tal-Jazz f’Malta u s-suċċess li qegħdin ikomplu jagħmlu l-iljieli ta’ Jazz li Andrew jorganizza mal-Bridge Bar.
“Ma kontx qed nistenniha. Li naħseb li ġara hu li wara l-bidla li saret fil-Jazz Festival il-grupp ta’ nies li veru kienu jħobbu l-jazz spiċċaw b’xejn. Il-Bridge Bar għalija qed iservi wkoll bħala pubbliċità għal Jazz Fringe!”
Tfajtlu l-aħħar mistoqsija li hi l-kurżità ta’ dejjem ta’ kif artist jirnexxielu jaħdem fuq l-arti tiegħu bħala professjoni. Isemmi li l-agħar żmien hu x-xitwa għax ix-xogħol jonqos ħafna. Jitkellem ukoll dwar l-akbar problema li jħoss taffettwalu xogħlu.
“F’daqqa waħda sar hawn ħafna nies li jorgannizzaw avvenimenti tal-massa. Għalhekk il-kultura saret aktar ixxaqleb lejn divertiment milli arti. Imma għandna bżonn kemm il-valur artistiku kif ukoll tad-divertiment. Il-Jazz Festival qabel kien ixaqleb aktar lejn l-arti u falla għax ma kienx hemm bilanċ. Issa l-folja nqalbet kompletament u llum kulħadd moħħu biss fil-flus,” temm jgħid il-mużiċist.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075