Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Sylvia Cini hi omm ta’ żewġt itfal u ilha sa minn ċkunitha tagħmel ix-xogħol ta’ bidwija.
Fl-età ta’ 43 sena l-omm minn Naxxar tmexxi waħda mill-aktar irkejjen bieżla fis-supermarket Pavi f’Ħal Qormi. Imma aktar minn hekk din il-mara rnexxielha tagħti eżempju ta’ kif tista’ ġġib ’il quddiem b’suċċess il-lingwa Maltija.
Il-mara timxi ħawtiela wara l-bank mimli frott stivat pulit. Fuq ġenb minnhom ċestuni bil-ħaxix frisk. U f’rokna fuq il-lemin numru ta’ buqari żgħar bil-ħabaq, tursin, nagħniegħ u salvja.
Mill-ġenb toħroġ tfajla oħra li tilqgħek bi tbissima u tistaqsik kif tista’ tgħinek. Nippreżentawlha lista ta’ frott u ħxejjex li xtaqna nixtru.
X’ħin tlesti t-tfajla tagħfas buttuna u mill-kompjuter toħroġ karta bil-lista ta’ prodotti li għadna kemm xtrajna. B’ħeffa liema bħalha l-mara twaħħal din l-isticker mal-baskett bix-xirja u tgħidilna grazzi.
Ħarsa lejn il-kont tinduna li l-kont hu kollu bil-Malti.
“Lumi ta’ Malta, busbies frisk, spinaċi, ħass twil, larinġ tad-demm, merqtux, patata….”
Wara numru ta’ jiem nosservaw kif taħdem is-sistema nitolbu lil waħda mill-bejjiegħa biex nitkellmu mas-sid. Hawn titfaċċa Sylvia.
X’ħin nispjegawlha li l-gazzetta illum għażlet is-servizz tagħha bħala wieħed eżemplari u ta’ min ifaħħru l-mara titbissem u tbaxxi ħarsitha ’l isfel. Wara ftit titlobni nidħol ħdejha wara l-bank.
“Għamilna s-sistema aħna. Jien Maltija u kburija. Ħassejna li m’għandniex nistħu nagħmlu dan il-pass. Aħna Maltin u xtaqna li għandna noffru s-servizz bl-aktar lingwa mitkellma fil-pajjiż,” tistqarr il-mara.
Il-mara tispjega li bdiet tikri u tmexxi s-sezzjoni tal-ħaxix u l-frott f’dan is-suq sa minn Novembru li għadda.
“Hu xogħol li joħodlok ħajtek. Inkabbru ħafna mill-ħxejjex aħna stess. Ilna fir-raba’ l-Mellieħa minn tfulitna. Dawk il-prodotti li ma nkabbrux aħna nixtruhom friski mill-pitkalija u wara dritt bil-prodott fil-ħanut,” tispjega l-mara.
“Ili fuq saqajja mis-6 ta’ filgħodu u nerġa’ lura d-dar għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħaxija,” tirrakkonta Sylvia.
L-omm tfisser kif żewġha li hu pustier u jaħdem bidwi part-time imidd idu sew fil-familja tant li t-tisjir fid-dar dejjem f’idejh. B’dan il-mod l-omm tkun tista’ tkompli bit-tradizzjoni tal-familja u l-bejgħ tal-prodott agrikolu Malti.
L-omm teħodna ħdejn is-sistema kompjuterizzata u turina kif taħdem is-sistema tal-kontijiet bil-Malti.
Fil-kompjuter jitniżżlu l-ismijiet tal-prodotti kollha li jkunu għall-bejgħ. Kull prodott għandu numru abbinat miegħu. X’ħin tagħmel il-kont kollu
l-ismijiet ikunu mitbugħa bil-Malti.
“Grazzi li għaraftu l-inizjattiva li ħadna dwar il-Malti. Ġest sabiħ u spiċċajtulna l-ġurnata b’nota sabiħa ħafna,” tgħidilna Sylvia bi tbissima.
Forsi l-uniku punt ta’ kritika jmur għat-tabella fil-ħanut li tindika li dik hi s-sezzjoni tal-frott u tal-ħaxix. Din it-tabella hi bl-Ingliż u jidher li saret hekk biex tkun konformi mal-kumplament tas-supermarket fejn it-taqsimiet kollha huma b’din il-lingwa. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|