MediaToday

Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40

Il-Perit jagħlaq 91

Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt

“Lili staqsewni: sakemm trid tibqa' ħaj? Sakemm jitilqu l-Ingliżi? Weġibthom: irrid nibqa' ħaj sakemm jitilqu l-Ingliżi imma rrid nibqa' ħaj sakemm tasal dik
il-ġurnata li Malta wkoll tgħin lill-ħaddieħor u rrid li intom taħilfu li tagħmlu dan 'il quddiem.” – Dom Mintoff fil-Floriana, 28 ta' April 1978.

Fil-website DeathList.net, li kull sena tippubblika lista ta’ nies famużi li skond it-treġija tas-sit għandhom ċans li jmutu f’dik is-sena partikolari, Dom Mintoff hu mniżżel fl-24 post.
Tinstema’ kerha imma d-dinja virtwali m’għandhiex limitu għad-diċenza. Il-lista tinkludi biss nies ta’ ċerta fama li l-mewt tagħhom wisq probabbli tkun rappurtata wkoll mill-media Ingliża. Bla dubju, Dom Mintoff hu wieħed minn dawk il-mexxejja mill-eks kolonji Ingliżi li ta kedda mhux ħażin lill-Kuruna sa ma kiseb il-ħolma tiegħu tal-ħelsien fl-1979 u għalhekk aħbar mewtu żgur li tkun rappurtata wkoll fl-Ingilterra.
Iżda Mintoff kien diġà fuq din il-lista fl-2004 u fl-2006. Irnexxielu jaħrab milli jiltaqa’ mad-destin tiegħu minkejja li saħtu mhux dejjem kienet tajba. Forsi ż-żmien li “Malta wkoll tgħin lill-ħaddieħor” għadu ma wasalx u għalhekk għada Dom Mintoff se jagħlaq 91 sena fil-jum li fih tkun iċċelebrata l-festa tas-Salvatur.
Skond il-Professur John C. Lane li jżomm ċifri aġġornati dwar l-elezzjonijiet f’Malta fuq is-sit ta’ l-internet maltadata.com, Dom Mintoff għadu jgawdi r-rekord tal-politiku li l-iktar li ġab voti bħala persentaġġ tal-kwota tad-distrett.
Kien fl-1981 fuq it-Tieni Distrett li Mintoff ġab 10,469 vot li ammontaw għal 368 fil-mija tal-kwota għal dak id-distrett. L-aktar li qorob lejh kien Eddie Fenech Adami fl-1987 meta b’10,264 vot leħaq 336 fil-mija tal-kwota fuq it-Tmien Distrett.
Imwieled fl-1916 Mintoff kien elett għall-ewwel darba fl-1945 u baqa’ jkun elett f’kull elezzjoni li saret sa l-1996. B’kollox Mintoff ikkontesta u kien elett f’14-il elezzjoni.
L-aħħar darba li isem Dom Mintoff deher fuq il-karta tal-vot kien fl-1996 meta fuq it-Tieni Distrett ġab 6,208 voti. Dakinhar fis-sala tal-għadd tal-voti f’Ta’ Qali dwiet l-għajta li “ix-xiħ reġa’ għamilha.”
Kienet għajta li ma tantx damet tinstema’ wisq fix-xhur ta’ wara meta mill-bankijiet tal-Gvern Mintoff beda jastjeni fuq kull vot imressaq mill-Gvern tiegħu stess immexxi minn Alfred Sant. B’siġġu wieħed vantaġġ fuq l-Oppożizzjoni u b’Mintoff jagħmel il-bsaten fir-roti l-Gvern Laburista ma tantx kien fadallu wisq ħajja.
Fl-elezzjoni ta’ l-1998, għall-ewwel darba, isem Mintoff ma kien jidher imkien fuq il-karta tal-vot. Ħafna Laburisti li qabel kienu jadurawh qatt ma ħafrulu ta’ dak li għamel.
Il-bniedem li b’kuraġġ qasam il-partit fl-1949 biex ikun jista’ jaddotta politika iktar iebsa ma’ l-Ingliżi, il-bniedem li mexxa l-MLP għall-ikbar rebħa elettorali tiegħu fl-1955 bi kważi 60 fil-mija tal-voti, il-bniedem li tqabad mal-Knisja u li fl-1971 mexxa lil Malta lejn il-ħelsien assolut mill-militar barrani, kien kiteb l-aħħar kapitlu politiku tiegħu fid-demm.
Illum Mintoff iqatta’ ħinu bejn l-Għarix f’Delimara u d-dar li għandu f’Ħal Tarxien. Suppost li qed jikteb il-memorji tiegħu u kultant isejjaħ lill-persuni influwenti mid-dinja politika biex jiltaqgħu miegħu.
Għadu l-bniedem suspettuż, dejjem beżgħan li xi ħadd irid jagħmillu xi deni. Lanqas biss toħlom li tipprova tagħmillu xi intervista għax impossibbli tant li tispiċċa f’xi proċess twil ta’ negozjati li ma jwassal għal imkien.
Ma kienx kuntent bil-kumpens li tagħtu l-Qorti għad-danni li sarulu fl-Għarix minħabba l-power station ta’ Delimara. B’kumbinazzjoni, din il-ġimgħa l-Qorti Ewropea ċaħdet l-appell li għamel Mintoff quddiemha b’rabta ma’ dan il-każ.
Kellu jkun l-eks Prim Ministru Laburista l-ieħor Karmenu Mifsud Bonnici biex iħallasslu kont pendenti ta’ l-ilma biex il-Korporazzjoni ta’ l-Ilma ma taqtagħlux is-servizz f’Ħal Tarxien.
Dan hu Mintoff. Bniedem ta’ kontradizzjonijiet u estremi. Bniedem li daks kemm hemm min ħabbu hemm min bagħdu.
Intant, f’Bormla, isem il-Perit jibqa’ mnaqqax f’moħħ ġenerazzjoni li kulma jmur qed tintemm. Għal dawk li għexu żmien il-gwerra u li missew mal-faqar, Mintoff kien tassew is-salvatur tagħhom. Kien l-ispirazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema għax setgħu jagħrfu fih il-bniedem li ġġieled għad-drittijiet tagħhom u li wassal biex fl-1971 iwettaq rivoluzzjoni soċjali li għenet biex is-soċjetà Maltija tieħu sura oħra.

‘Jien Soċjalist Mintoffjan’

Duminku Mintoff ma kienx biss mexxej ta’ partit politiku. Minkejja t-twemmin imtenni tiegħu li l-Partit Laburista hu akbar minn kull mexxej li jista’ qatt ikollu l-partit, Duminku Mintoff għaġen politika għalih li baqgħet magħrufa sa llum bħala l-politika Mintoffjana.
Huma ftit dawk il-politiċi li jkollhom politika jew ideoloġija marbuta unikament ma’ isimhom. Mintoff hu wieħed minn dawk il-ftit u fost il-Laburisti veterani, speċjalment fit-Tieni Distrett li kien il-benniena tat-twemmin Mintoffjan, għadek sa llum tisma’ lil min jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ‘Soċjalist Mintoffjan’.
Il-politika Mintoffjana, mibnija fuq qafas Soċjalista, tingħaraf mill-prinċipju li l-Gvern qiegħed hemm biex imexxi u għalhekk għandu rwol ċentrali fl-ekonomija u fit-tfassil tas-soċjetà.
Li tkun Mintoffjan kien ifisser li temmen f’soċjetà sekulari u f’servizzi soċjali estensivi li jwensu lill-batut. Iżda ma kienx ifisser biss li l-ħaddiem jintrefa’ ’l fuq imma wkoll li jibqa’ grat għal għomru lejn ‘is-salvatur politiku’ b’tali mod li tinħonoq l-emanċipazzjoni ta’ l-individwu.
Kien ifisser ukoll nazzjonaliżmu, kultant sproporzjonat, li jingħaraf mill-għajta ċelebri ‘Malta l-ewwel u qabel kollox.’
In-nazzjonaliżmu Mintoffjan xpruna l-ġlieda anti-kolonjali fiż-żmien ta’ wara l-gwerrra u wara l-kisba ta’ l-Indipendenza, bejn l-1971 u l-1979, inbidel f’taqbida favur il-ħelsien mid-dipendenza ekonomika fuq il-qawwiet militari Ingliżi u tan-NATO.
Dan kien iż-żmien fejn il-politika Mintoffjana ħadet ukoll bixra ekonomika. Kien twemmin fi Stat b’saħħtu li jindaħal b’mod dirett fl-ekonomija billi jwaqqaf il-kumpaniji tiegħu u b’livell qawwi ta’ protezzjoniżmu għall-industrija Maltija b’kontrolli kbar fuq l-importazzjoni.
Il-politika Mintoffjana kienet tingħaraf ukoll minn stil goff ta’ tmexxija li f’ċerti mumenti saħansitra wasslet ukoll għat-tkasbir tad-drittijiet umani. Hi politika mibnija fuq id-diplomazija makakka li ġġielgħek temmen li trid tasal f’post meta fil-verità d-destinazzjoni aħħarija tkun x’imkien ieħor.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075