MediaToday

Aħbarijiet | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40

Anzjana msawta

Julia Farrugia

Impjegat ta’ l-Isptar San Vinċenz qed ikun investigat mill-Pulizija wara li allegatament ħebb għal anzjana u kkaġunalha tbenġil f’wiċċha.
Dwar dan il-każ li seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis
26 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 27 ta’ Lulju fis-Sala St Joseph qed ikun investigat nursing aide.
Dr Ronald Fiorentino, Supretendent ta’ l-Isptar, ikkonferma ma’ illum li nfetħet investigazzjoni dwar dan il-każ.

“Il-każ qed ikun investigat internament u mill-Pulizija li kienet ssejħet mill-Awtoritajiet ta’ l-isptar,” qal Dr Fiorentino.
“Kif iddikjarat mill-Amministrazzjoni ta’ San Vinċenz waqt konferenza li saret fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-abbuż fuq l-anzjani fil-15 ta’ Ġunju, l-isptar qiegħed u dejjem ħa l-attitudni ta’ zero tolerance fuq vjolenza,” kompla Fiorentino.
L-istess kelliem sostna li “kull każ jiġi investigat serjament internament u fejn ikun meħtieġ nitolbu l-għajnuna tal-Pulizija.”Is-Supretendent ta’ San Vinċenz de Paul qal li matul is-snin kien hemm ftit każi biss ta’ abbuż.
Anzjani li tkellmu magħna bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi ikkonfermaw li meta seħħ il-każ huma semgħu l-anzjana tgħajjat. L-istess persuni qalu li l-għada raw lill-anzjana bi tbenġil ma’għajnejha.
Sorsi qrib l-Isptar San Vinċenz ikkonfermaw li kienet infermiera li għamlet rapport dwar dan il-każ li kienet xogħol waqt il-ħin ta’ l-inċident. L-amministrazzjoni ta’ l-isptar ordnat minnufih li tobba jinżlu fis-sala jeżaminaw lill-anzjana għall-ġrieħi li ġarrbet. Aktar tard kien stabbilit li l-anzjana kienet qed issofri minn daqqa bil-feriti deskritti bħala ħfief.
Wara l-inċident tal-ġimgħa li għaddiet in-nursing aide allegatament involut f’dan ir-reat kien trasferit għal sala oħra.
“Ħaddiem ma jkunx sospiż sakemm ma jinstabx li hu ħati,” sostna uffiċjal fl-Isptar San Vinċenz.
S’issa għadu għaddej l-istħarriġ fiż-żewġ investigazzjonijiet. Fost l-oħrajn iridu jkunu mgħarbla l-istqarrijiet li saru dwar dan l-inċident u jkunu interrogati n-nies u x-xhieda kollha li raw jew kellhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075