Sports | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Li minn ftit taż-żmien ilu ’l hawn bdejt ninteressa xi ftit ruħi fil-waterpolo qed tgħini fil-ħajja sajfija tiegħi. Xejn xejn, jekk dan kien biss it-tieni plejer f’din il-logħba li intervistajt fil-karriera, id-differenza mill-ewwel dehret għax ma’ Clint Debono iltqajt b’arja daqslikieku kont l-aqwa kowċ fid-dinja.
Ħassejt li bħala l-captain Slimiż kien l-aktar persuna ideali u xieraq li jingħata spazju f’din l-intervista tal-ġimgħa wara d-derby tal-bieraħ kontra Neptunes. Clint aċċetta mill-ewwel.
Clint jgħidli li jkun aħjar jekk niltaqgħu f’xi post qrib id-dar tiegħu lejn tas-Sliema. L-appuntament kien għat-Tlieta li għadda fir-Ryans Pub f’San Ġiljan. Meta jfeġġ fil-post, jidher qisu se jsiefer bil-baskett tal-gym fuq naħa u bil-crash helmet tal-mutur fuq in-naħa l-oħra. Jgħidli li f’ġurnata tipika bħal din, kienu dawn li se jqatta’ miegħi, kienu l-ftit minuti li għandu liberu. Apprezzajt….
Min ma jafux jieħu l-impressjoni li huwa xi bniedem stramb li trid tħallsu biex ikellmek. Altru minn hekk, is-siegħa li għamilna flimkien dħakna u tkellimna fuq kollox. Ninnota li huwa bniedem li kapaċi jitkellem u jkompli fuq kollox. Jisħaq miegħi kemm hu importanti li għall-aqwa atleti tal-pajjiż għandha tinħoloq skema professjonali biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ l-aqwa atleti Ewropej. Naqbel miegħu għalkemm it-tnejn konxji li dan diffiċli ħafna biex iseħħ.
“Fil-ħajja ta’ kuljum jien bniedem kalm imma waqt il-logħob il-burdata tinbidilli xi ftit. Meta nkun ma’ sħabi rari biex tarani serju u ikkonċentrat imma waqt il-logħba tal-waterpolo u x-xogħol m’hemmx ċajt. Jiddependi mis-sitwazzjoni li nkun qiegħed fiha.
“Għandi ħanut tal-kafè l-Belt, Nina’s Café and Sandwich Bar, li nieħu ħsieb kuljum. Dejjem nagħmel hemm sa xi l-4pm u wara nibqa’ sejjer għat-taħriġ.”
Clint ikellimni fuq it-tfulija tiegħu.
“Jien trabbejt Ta’ Sliema u hemmhekk naf lil kulħadd. Lgħabt sena mal-Belt meta kont żgħir imma l-bqija dejjem ma’ Ta’ Sliema. Ili nilgħab fl-Ewwel Diviżjoni 14-il sena u qabel kont nilgħab il-futbol ukoll. Fil-waterpolo ħassejtni aktar komdu, l-aktar fejn tidħol l-atmosfera tal-partitarji. L-appoġġ sabiħ ħafna u jien inqis lill-partitarji ta’ Tas-Sliema bħala familja kbira.”
Clint Debono twieled fis-17 ta’ Jannar 1975. Joqgħod Ta’ Sliema u huwa iben Alfred u Lina. Huwa t-tieni fost tliet aħwa, Warren ta’ 38 sena u Dirk ta’ 27 sena. Clint għarus lill-ex għawwiema nazzjonali Stephanie Schranz minn San Ġiljan.
“Għalkemm minn San Ġiljan Stef minn dejjem kienet iżomm mas-Sliema u mhux għax nilgħab jien. Qabel kienet tgħum mas-Sliema u man-Neptunes u kellha wkoll xi records nazzjonali. Hija sfortuna li kellha tieqaf. Waħda mill-ħolmiet tal-futur tiegħi hi li nagħmel familja magħha.”
Niddiskutu kemm hu popolari l-waterpolo f’Ta’ Sliema filwaqt li jgħidli x’ifisser għalih dan il-club.
“Minn Sliema kulħadd jistenna affarijiet kbar għax huwa tim li għamel l-istorja tal-waterpolo f’Malta. Jien nipprova nagħmel minn kollox biex inżomm it-tradizzjoni tar-rebħ Slimiż fostna. Meta jkun hemm logħbiet kbar dejjem ikollna attendenzi kbar. Plejers tal-futbol stess li jilagħbu mas-Sliema jgħidulna li ġieli kellna attendenzi akbar minn tagħhom.
“Huwa unur kbir li jien il-captain ta’ dan it-tim. Jien ġejt wara plejers bħal Josie Cachia, Patrick Cachia u Marco Mannara. Qabilhom kien hemm Michael Gatt u Michael Soler. Meta kont żgħir jien kont dejjem inħares lejhom bħala idoli. Illum kuntent li hemm min qed iħares lejja b’dan il-mod. Pressjoni żejda qatt ma ħassejt imma inħoss responsabbiltà kbira. Fejn meta kont żgħir kelma żejda kont ngħidha, illum l-affarijiet inbidlu sew. Fil-waterpolo mhux faċli imma nipprova mmexxi lil sħabi fid-direzzjoni t-tajba. Bħala captain trid tagħti eżempju.”
Nitkellmu anki fuq kemm fih flus dan l-isport u x’faċilitajiet għandhom bħala plejers. Kont kurjuż biex nara f’liema stat waslet il-Pixxina Nazzjonali wara li issa ilni xahar ma nkun preżenti għal xi logħba.
“Il-pixxina hi ħafna aħjar milli kienet fix-xitwa imma xorta għadna lura. Il-problema hi waħda ġenerali għax jien nemmen li sfortunatament hawn Malta l-isport ma tantx jagħtuh preferenza. L-isport huwa importanti ħafna kemm bħala edukazzjoni u anki minħabba s-saħħa. Bħala pajjiż naħseb li l-Edukazzjoni Fiżika ma nitfgħuhiex mal-prioritajiet. Nemmen li l-isport kollu jmissu jingħata aktar importanza f’dan il-pajjiż għax aħna l-atleti rridu nagħmlu sagrifiċċji kbar biex inżommu ma’ l-istandards tal-quċċata.
“Huwa veru li flus kbar fil-waterpolo ma tantx hemm. Jien nistħajlu bħala l-part-time job tiegħi. Imma kieku ma nitħallasx xorta nagħti l-istess impenn li qed nagħmel. Kieku l-ħin li nagħti għall-waterpolo nagħmlu fil-ħanut tiegħi naqla’ ħafna aktar flus milli naqla’ mill-waterpolo. Imma kollox jgħin u ninsab kuntent kif jien.”
Inkellmu fuq il-partita spettaklu tal-bieraħ kontra r-rivali Neptunes li ntemmet fi draw ta’ 4-4. Fil-klassifika kollx baqa’ kif kien u jekk kien hemm xi tim li gawda mir-riżultat finali kienu biss Neptunes.
“Kieku rbaħnilhom il-kampjonat kien jinfetaħ beraħ. Nemmen li din is-sena għandna tim b’saħħtu ħafna biex nirbħu l-kampjonat. The team to beat kien, għadu u jibqa’ s-Sliema. Min jirbaħ lilna dejjem jirbaħ il-kampjonat.
“Kieku tlifna kien ikun diffiċli ħafna għalina biex nirbħu l-kampjonat. Kien ikun għad fadal tliet logħbiet u ma kienx ikun jiddependi aktar minna. B’telfa, Neptunes żgur li ma kienu se jitilfu qatt il-vantaġġ ta’ erba’ punti.
“Almenu hekk kollox baqa’ kif kien. Il-kampjonat għadu miftuħ bejn min jista’ jirbħu.”
Ridt nara jammettiex u staqsejtu jekk iħossx li Neptunes huma l-aqwa tim li għandna f’pajjiżna fil-mument.
“Ma naħsibx li Neptunes kienu l-aħjar tim is-sena l-oħra u anqas din is-sena. Is-sena l-oħra bla dubju aħna konna aħjar l-aħjar tim u kellna l-aqwa barrani. Sfortunatament tkeċċa għal kollox fuq brutalità u weħel żewġ logħbiet sospensjoni. Id-daqqa li kien ta Tibor Benedek swietna l-kampjonat. Bħala nagħtu 20 jew 30 kull logħba. Plejer li hu Double Olympic Champion ma tistax tilgħab mingħajru għax jinħass żgur. Forsi kien hu li kien jagħmel id-differenza bejna u bejn Neptunes.
“Naħseb li aħna għandna bankina twila u b’hekk meta jilagħbu r-riservi nibqgħu ta’ saħħa. Għandna kowċ ġdid u tajjeb ħafna. Id-differenza hi li biex jidra l-waterpolo jrid ikun jaf il-plejers u d-difetti tat-timijiet l-oħra. Neptunes għandhom vantaġġ minn daqshekk għax għandhom kowċ lil Sergio Afric li ilu hawn iktar minn 10 snin u għandu esperjenza kbira u nzerta l-ex kowċ tagħna.”
“Qatt ma tieħu pjaċir li titlef ma’ Neptunes. Imma jkolli nagħżel bejn nirbaħ kampjonat u nitlef ma’ Neptunes indur fuq l-ewwel waħda. U jalla dejjem ikun hekk. Imma hija l-verità li anqas partita ta’ ħbiberija ma nieħu pjaċir nitlef ma’ Neptunes.”
Ngħidlu kif jara l-livell tal-waterpolo Malti u kemm aħna ta’ saħħa bħala nazzjon. Iġibli eżempju bl-aħħar kampjonati f’Manchester filwaqt li jkellimni fuq iż-żminijiet meta hu kien jifforma parti mit-tim nazzjonali.
“Ninsabu xi s-16-il post mill-Ewropa kollha. L-aħħar Kampjonati Ewropej f’Manchester spiċċajna fid-disa’ post. Ħdejn sport ieħor lokali ta’ tim għandna livell tajjeb ħafna. Il-ħasra tagħna hi li m’hemmx flus u riżorsi bħal pajjiżi oħra biex inkunu professjonali. Dik tagħmel differenza kbira.
“Jien fit-tim nazzjonali għamilt 10 snin imma din is-sena ma stajtx ningħaqad ma’ l-iskwadra minħabba impenji ta’ xogħol u oħrajn personali. ’Il quddiem se nerġa’ nkun nista’ nagħti s-servizzi tiegħi. Nimmissja l-aktar l-esperjenzi fis-safriet. L-aqwa logħob li nħoss li lgħabt kienu dejjem ma’ timijiet barranin.
“Iż-żminijiet li kelli mat-tim kien tajjeb ħafna. Konna taħt Dirk Dowling u meta daħal Pierre Borg konna tajjeb ukoll. Imma ma tantx kelli ċans nitħarreġ taħtu imma. Tilgħin ħafna żgħażagħ ta’ livell li għandna għalxiex inħarsu b’ottimiżmu lejn il-futur tagħna.”
Clint iddebutta fit-tim Slimiż fl-1994. Magħhom rebaħ xita ta’ unuri. Tliet kampjonati tax-xitwa, tliet President’s Cup, erba’ darbiet il-kompetizzjoni Knock Out ta’ l-Ewwel Diviżjoni u seba’ darbiet il-kampjonat nazzjonali. Minn dawn kollha, Clint jgħidli liema kienu l-aktar mumenti li se jibqa’ jgħożż tul ħajtu.
“Li rbaħna erba’ kampjonati nfila kienet l-isbaħ esperjenza ta’ ħajti. F’Malta għamluha biss Neptunes fis-Snin 80. L-ewwel kampjonat li rbaħt kien sabiħ wisq. Irbaħna sitt kampjonati f’seba’ snin u dik żgur li hawn Malta ħadd m’għamilha.
“L-aktar logħba li tibqa’ memorabbli kienet meta rbaħna d-decider ma’ Sirens. Is-Sirens kienu aqwa minna bħala tim komplet. Konna tim żgħir b’xi ftit veterani. Tul il-kampjonat konna dejjem warajhom u fl-aħħar fallew xi punti huma u lħaqniehom. Ġejna decider magħhom u rbaħnilhom bil-golden goal. Niftakar li kont tajt pass lil John Paris u ġibtu waħdu mal-goaler. Plejer bħal Paris ma tkun taf qatt x’se jagħmel bil-ballun u fettillu jipprova lob u qabbżu eżatt minn fuq il-goaler. Dak il-goal ma ninsih qatt f’ħajti.
“L-isbaħ goal li għamilt diffiċli ħafna biex niftakar liema hu imma ma ninsiex li għamilt żewġ goals sbieħ meta lgħabna ma’ żewġ timijiet barranin. Jien ġeneralment dejjem mill-bogħod niskorja. Però ma nistax ninsa meta konna draw man-Neptunes fl-2004 u kien għad fadal ftit sekondi. Fettilli xxuttjat minn xi 14-il metru bogħod u l-ballun ħabat maż-żewġ lasti qabel ma spiċċa ġewwa. Minbarra li goal sabiħ skurjajtu kontra Neptunes allura ma nista’ ninsih qatt.”
Nistaqsih liema fl-opinjoni tiegħu kien l-aqwa plejer li qatt ħareġ minn Malta. Clint jaħsibha xi ftit qabel ma jagħtini risposta.
“Mistoqsija diffiċli ħafna biex tirrispondiha. Pero’ nemmen li Marco Mannara u Kurt Dowling kellhom xi ħaġa aktar mill-kumplament. It-tnejn kelli l-pjaċir li nilgħab magħhom. Wieħed difensur u l-ieħor attakkant. It-tnejn li huma influwenzawni ħafna u jien nqabbilhom kbar daqs kemm hu kbir Carmel Busuttil għall-futbol Malti.”
Fl-aħħarnett ridt nara x’se tkun ir-reazzjoni tiegħu hekk kif staqsejtu kemm għamlu popolari dan l-isport f’pajjiżna.
“Fil-lokalità tiegħi u fiċ-cirku tal-waterpolo kulħadd jafni. Malta żgħira u mill-ftit li ġieli dehert fuq it-televiżjoni kulħadd donnu jibqa’ jagħrfek. Kulfejn immur ngħum insib lil xi ħadd jafni. Huwa unur kbir għalija li hawn ħafna plejers żgħar li huma ammiraturi tiegħi. Jien kont l-istess ta’ plejers oħra meta kont daqshom.”
Wara tant snin b’tant rebħ, kont kurjuż biex nara fadallux aktar ħolm x’jixtieq iwettaq.
“L-ikbar ħolma li fadalli għall-futur hi dik li nagħmel familja. Il-bqija fil-waterpolo nixtieq biss li nirbaħ ftit kampjonati oħra għax naħseb li wasalt sal-quċċata. Lgħabt anki barra minn Malta u fit-tim nazzjonali. Inħoss li għandi nibqa’ nilgħab sakemm naħseb li nkun ta’ għajnuna għat-tim Slimiż.
“Nispera li fadalli ħafna x’noffri fil-waterpolo. Ma rridx nagħmel data ta’ meta naħseb li nirtira. Ngħidlek biss li naħseb fuq dan meta nħoss li ma nistax nagħti aktar mit-talenti tiegħi lil Sliema. Il-waterpolo mhux bħal futbol u tista’ tilgħab ħin qasir u tistrieħ. Dak huwa vantaġġ għal kull plejer tal-waterpolo.
“Nixtieq li nikkonkludi l-karriera mas-Sliema imma fil-ħajja qatt ma tista’ tgħid qatt. Il-futur ma tantx inħobb inbassru għax huwa mistur.”
Fl-aħħarnett Clint jirringrazzja lill-partitarji Slimiżi u lil dawk li f’ħajtu huma l-aktar viċin tiegħu.
“L-appell tiegħi lejn il-partitarji hu dak li jibqgħu jappoġġawna kemm jista’ jkun, kemm fil-maltemp u kemm fil-bnazzi. Il-partitarji aħna nsejħulhom it-tmien plejer tagħna. Nixtieq nirringrazzja lill-kowċis kollha li kelli s’issa, il-Kumitat, lill-familja u lit-tfajla għax ikunu huma l-ewwel nies li niffaċċa kemm wara r-rebħ u kemm wara t-telf. Meta nitlef logħba l-karattru tiegħi jinbidel xi ftit u ndum hekk sakemm ikun imissna logħba oħra.” |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|