Pjazzetta | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Vince Briffa minn dejjem kien affaxxinat mir-realiżmu ta’ Caravaggio. Fil-fatt fi żmien it-taħriġ tiegħu fil-pittura, l-artist Taljan spiss kien ikun għajn ta’ ispirazzjoni għal Briffa.
Bħalissa Vince qed juri xogħol awdjo-viżiv bl-isem ta’ Body of Glass – After Caravaggio fil-kantina tal-Berġa ta’ l-Italja. Dan ix-xogħol jagħmel parti mill-wirja ta’ Caravaggio – Quote… Unquote, wirja ta’ arti kontemporanja mtellgħa minn ħames artisti Maltin f’ħames postijiet differenti fil-Belt u tagħmel parti mill-Festival ta’ l-Arti li għaddej bħalissa.
“F’din il-wirja ħadt biss l-użu tad-dawl imma l-kunċett hu totalment differenti għalkemm Caravaggio jużah ukoll. Użajt il-ġisem tal-bniedem bħala oġġett u spettaklu u anki biex ħloqt perkussjoni. Il-ġisem hu strument fejn qed iġebbdu jew iddoqq fuqu,” spjega l-artist Malti .
Fil-fatt Body of Glass – After Caravaggio hu xogħol li jpoġġi lill-ġisem bħala l-oġġett u s-suġġett ta’ esperjenza fiċ-ċentu ta’ spettaklu li kapaċi joħloq hu jew jinħoloq bih jew fuqu. Minnu, permezz ta’ ġesti u azzjonijiet, joħorġu ħsejjes ritmiċi u resonanti kif ukoll reazzjonijiet differenti li l-ġisem joffri meta jkun mitfugħ fid-dawl u d-dell.
L-artist Malti jista’ jkun magħruf aktar barra minn Malta għall-arti kontemporanja tiegħu. Iżda meta tkellimt miegħu dwar din il-kwistjoni ma ħassx li kien il-każ.
“L-arti kontemporanja jattendu għaliha persentaġġ żgħir. Avolja l-persentaġġ ta’ nies li jattendu avveniment ta’ arti kontemporanja naħseb li hu pjuttost l-istess jew ftit iżgħar minn dak ta’ barra, in-numri f’pajjiż żgħir bħal tagħna huma ħafna iżgħar. Il-barranin miftuħin u huma esposti aktar għall-ideat u kunċetti differenti.
“Hawn Malta għadna ma bdejniex nifhmuha li artist għandu bżonn ta’ spazju kbir u newtrali fejn jista’ jintwera kull tip ta’ xogħol. L-arti, speċjalment dik viżiva, għadna narawha wisq bħala delizzju u mhux professjoni. Allura jien nagħmel iktar sforz biex intella’ xogħol barra għax l-isforz biex ittella’ xogħol tajjeb hu l-istess. Iżda r-riżultat hu ferm akbar.
“L-installazzjoni awdjo-viżiva għadha kunċett kemmxejn ġdid għal Malta tant li l-pubbliku għadu ma bediex jirreaġixxi. Il-fatt li naraw installazjoni f’installazjoni jew fuq monitor ma naslux biex nagħmlu differenza f’kuntest bejn programm tat-televixin id-dar u vidjo gallerija,” spjega Briffa.
L-artist jemmen ukoll li l-arti mhix il-prodott finali. “Jien iktar jinteressani l-proċess.
Nippreferi nibda 10 biċċiet xogħol milli nispiċċa waħda. Il-proċess jista’ jqajjem aktar dibattitu. L-arti għandha tiġi prattikata b’serjetà bħala l-għan ewlieni, jekk imbagħad il-prodott artistiku serju u riċerkat jinbiegħ allura tant l-aħjar. Ħafna drabi nħoss li l-mira hi li tinbiegħ il-biċċa xogħol mhux il-proċess. Dak li jqajjem dibattitu diffiċli jinbiegħ,” kompla jgħid Vince li jemmen li artist hu kulmin għandu xogħol validu. Għalih xogħol validu hu wieħed impenjattiv mhux biss bħala teknika imma bħala ħsieb, kunċett, użu ta’ materjal jew spazju u anki esperimentazzjoni u jaħseb li anki tifel jista’ jkollu xogħol validu.
Vince Briffa studja fil-Kulleġġ ta’ l-Arti ta’ Edinburgh u fl-Università ta’ Leeds. Bħalissa qiegħed jispiċċa d-dottorat fl-Arti Elettronika u Diġitali fl-Università ta’ Central Lancashire fir-Renju Unit. Hu wkoll visiting artist regolari taż-żewġ universitajiet barranin fejn jagħti lectures dwar il-fakultajiet ta’ l-Arti Diġitali.
Minbarra li jgħallem u joħloq l-arti tiegħu Vince hu wkoll id-Direttur ta’ Picture Box MPS li fiha jagħmel ix-xogħol ta’ direttur artistiku. Mistoqsi kemm itellef xogħol minn ieħor, Briffa wieġeb li “iktar milli jtellef, iktar jgħin lill-ieħor. Ix-xogħol tal-vidjo jagħtik ukoll ċerta dixxiplina li taħdem għal dati ta’ l-għeluq speċifiċi. Jgħinek tiċċara wkoll ċerti ħsibijiet. L-istudju akkedemiku jgħinek tiffoka ħafna aktar u tirriċerka ħafna aktar. Narahom jagħqdu ħafna.”
Il-wirja tiftaħ mit-Tnejn sas-Sibt b’ħinijiet ta’ l-uffiċċju. Se tibqa’ għaddejja sad-19 ta’ Awwissu u hi b’xejn. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|