Caremlo Mifsud Bonnici | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40 It-Tmexxija Blairjana hi mudell jew le?1. Bħalma jiġri ħafna drabi fil-ħajja politika, waqt li persuna qegħda fdata bil-poter tingħata importanza, kif toħroġ barra tintesa. Ftit huma dawk li jirnexxilhom jiġbru tant rispett li barra u ġewwa jibqgħu kkunsidrati tajjeb. Hemm sitwazzjonijiet varji u l-karrieri politiċi ma jsegwux pjan maħsub minn qabel. Kull persuna għal triqitha. Forsi taf meta bdiet u tinduna iktar ’il quddiem meta spiċċat. Però dan il-mexxej politiku Ingliż Tony Blair irnexxielu jibni storja ta’ suċċessi elettorali minn partit li kien xeba’ jieħu daqqiet fuq rasu. 2. Fil-gimgħat wara li Blair ċeda s-siġġu tal-poter tiegħu lil Gordon Brown, ħassejt li hu tajjeb li wieħed jipprova jagħmel l-ewwel forma ta’ analiżi ta’ x’wasslu għall-poter u kif żammu f’idejh. Ma marx għall-elezzjoni u tilifha, anzi żamm ruħu fuq in-naħa tar-rebbieħa. Ma kenitx xi triq faċli. Il-poter fih ħafna iktar responsabbiltà milli wieħed jaħseb. Mhijiex xi xalata, iżda biċċa piż li trid tinġarr tajjeb. Però huwa rnexxilu jibdel kurrent sħiħ minn pajjiż li kien idur, mimli tajjeb jew ħażin b’ħidmet Margaret Thatcher, għal wieħed li jdur madwaru. 3. Il-fenomenu Blair kellu impatt qawwi fuq nazzjon li kien għaddej minn fażi stramba. Minn wieħed anti-Ewropew sar wieħed favur, minn wieħed fejn il-partit Laburista kien ifisser impatt negattiv fuq l-ekonomija tas-suq sar wieħed il-kontra. Dan il-bniedem dawwar kurrent sħiħ fl-eventi ta’ l-istorja Ingliża, imma dan seħħ mhux bix-xorti anzi sforz ħidmietu. L-azzjoni politika ma kenitx waħda fuq il-lemin, iżda anqas iżżejjed fuq ix-xellug. Waħda verament moderata u tqarreb ħafna l-ħsieb demokratiku nisrani. 4. Forsi sforz l-influwenza pożittiva ta’ martu, li hija kattolika, huwa għażel it-triq taċ-ċentru xellug b’iktar xaqlib fuq iċ-ċentru milli fuq ix-xellug. Dan jidher mill-iktar evidenti. L-ewwel fid-diversi passi u deċiżjonijiet politiċi li ħa jew li ttanta li jieħu, daqqa b’ħafna u daqqa b’inqas, suċċess. It-tieni, fil-kontenut tad-diskorsi eċċellenti li kien jirnexxilu jagħmel. Nemmen li mexxejja kbar bħalu jsibu ħafna diskorsi preparati għalihom minn qabel, però min jaqrahom u anki kellu x-xorti li jisimgħu, jagħti wieħed x’jifhem li kien hemm iktar minn daqshekk. 5. Kellu mod sabiħ ta’ kif jitkellem, b’fuq naħħa elementi straordinarji ta’ oratorija li jqarrbu dawk ta’ żmien il-Grecja jew Ruma, u fuq l-oħra informalità li tkisser kull barriera umana. Nagħmel referenza għal siltejn. L-ewwel waħda: “The values require steadfast conviction. But the future requires courage to know and act upon the coming reality, however hard the challenge it holds. And when the two, conviction and courage, combine their strength and take on the challenges, they beat them and in time what was a challenge, becomes part of the new consensus”. It-tieni: “But I am an optimist about Britain; and the difference between an optimist and a pessimist is not that the optimist believes the world is wonderful and the pessimist believes it’s beset by challenges; the difference is the pessimist believes we will be defeated by them; the optimist thinks the challenges can be overcome.” 6. Fil-verità l-politiku għandu jkun hekk. Għandu jkollu bilanċ bejn kliem li jispira u jħajjar lill-pajjiż iħares ’il quddiem fuq linja ta’ valuri ċari, u fuq in-naħħa l-oħra doża ta’ azzjoni leġislattiva u amministrattiva. Mhus biss, imma kien jemmen li d-diskors irid ikun fil-qosor u li d-dokumenti ma jkollhomx wisq paġni. Blair dan kellu ġewwa moħħu, u anki jekk seta’ sab xi abbozz lest għal diskorsu, ċert li kull kelma kien ikollha l-approvazzjoni u s-siġill tiegħu. Ma kienx iħalli l-affarijiet għax-xorti. Xejn minn dan, iżda kien attent ħafna għad-dettalji. U proprju dan l-element kien fil-fatt determinanti għas-suċċess jew le tiegħu, jew aħjar, tal-politika li ħaddan. Illum, wara snin nistgħu liberament ngħidu li għax feda fuq kelmet ħaddieħor li spiċċa involut fil-gwerra xejn glorjuża fl-Iraq. Ċert li issa li huwa barra japprezza ferm iktar li l-gwerer ma jwasslu għal imkien u hija biss il-paċi li ġġib il-ġustizzja soċjali fid-dinja. 7. Dik id-deċiżjoni kienet determinanti għalih. Biddlitlu l-karriera. L-abbiltà kbira tiegħu kienet iżda li jipprova jasal sabiex jaffronta u jara fejn u sa kif jista’ janalizza ħidmietu b’sens qawwi ta’ awto-kritika. Kemm issuperaha hija ħaġa oħra. Fil-fatt, f’mument smajtu jgħid: “When I hear people say ‘I want the old Tony Blair back, the one who cares’, I tell you something, I don’t think as a human being, as a family man, I’ve changed at all. But I have changed as a leader. I have come to realize that caring in politics isn’t really about “caring”. It’s about doing what you think is right and sticking to it. So I do not minimize whatever differences some of you have with me over Iraq and the only healing can come from understanding that the decision, whether agreed with or not, was taken because I believe, genuinely, Britain’s future security depends on it.” 8. Il-wirt ta’ dan il-bniedem fis-snin li ġejjin għad irridu nqisuh mhux biss fuq livell nazzjonali iżda wkoll fuq dak Ewropew. Li huwa żgur hu li rnexxielu jagħti wiċċ u metodu ġdid lil partit li kien xjieħ waħda sew. Aġġornah u żamm mal-kelma li huwa verament Partit Laburista ġdid għax kompletament differenti minn ta’ qablu. Ħaġa li oħrajn ippruvaw jimitaw iżda ma rnexxilhomx. Ibda minn f’pajjiżna. |
Ara x'se jkun hemm f'Reporter
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075