Emmanuel Micallef | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Tkun disfatta għall-partiti politiċi li jinqabdu fuq sieq waħda waqt kampanja elettorali. Dan rari jiġri għax waqt li għall-pubbliku l-kampanja elettorali tkun għadha se tibda, għall-partit tkun ilha li bdiet. Tkun biss kwistjoni taż-żmien opportun li jitħabbru u jitwettqu.
Jekk għal ħafna minna l-istaġun tas-sajf reġa’ tagħna ftit tal-mistrieħ u divertiment mhux hekk fil-każ ta’ l-amministraturi, l-istrateġisti u l-attivisti tal-partiti politiċi. Għalihom dan is-sajf hu ferm iktar sħun mis-sjuf ta’ qabel u żgur li jfisser iktar xogħol u ħidma. U bir-raġun!
Għaliex it-tellieqa li ġejja se tkun waħda qalila bir-riżultat jista’ jmur fuq naħa jew oħra bi ftit voti.
Jekk ma jippjanawx sew, kull ħaġa li tmur żmerċ se jkollha konsegwenzi serji li mhux lakemm jintnesew maż-żmien. Iżda ħadd mhu perfett u għalhekk jaħsbu wkoll biex fejn jaraw li l-mewġ ġej bil-kontra jkollhom ir-riserva biex ittaffi l-impatt negattiv li ħaġa bħal din tista’ tħalli.
Bħala partit l-għan aħħari hu li jirbaħ l-elezzjoni u għalhekk irid jagħmel kull mhu possibli biex jilħaq dan l-iskop. Biex tirbaħ l-elezzjoni trid tikseb l-ikbar ammont ta’ voti possibbli u għalhekk il-ħidma tal-partiti tkun konċentrata kollha kemm hi biex jinkisbu dawn il-voti. Kull pjan, strateġija jew attività se tkun maħsuba biex tiġbed l-ikbar numru ta’ voti. Issa jekk il-voti jinkisbux bix-xorti, bil-konvinzjoni, bil-kumbinazzjoni jew bis-sorpriżi ma jagħmilx differenza għax l-importanti hu li l-voti jmorru lejn il-partit.
Iżda l-voti minfejn jiġu? Hawnhekk għandhom l-ikbar uġigħ ta’ ras il-partiti meta jiġu biex ifasslu l-istrateġija tal-kampanja elettorali tagħhom. Dan il-ħsieb iġibilhom dilemma interna u ħafna mill-ħin ta’ thejjija jiddedikawh proprju biex jistabilixxu kif se jiġbdu l-voti jekk jista’ jkun ta’ kulħadd anke jekk dan hu impossibli li jiġri. Il-voti jiġu mill-elettorat iżda l-istess elettorat mhux omoġenju minn natura tiegħu.
Għalhekk tqum id-dilemma. Hemm il-voti tat-tradizzjonalisti, jiġifieri ta’ dawk li jgħidu x’jgħidu u jiġri x’jiġri, dejjem jivvutaw lill-istess partit. Hemm il-votanti l-ġodda li huma misteru għall-partiti fil-mod kif dawn jaħsbu u ’l fejn għandhom jixħtu l-vot tagħhom.
Hemm oħrajn li ma tagħmlilhomx differenza jekk il-vot jitfgħuhx naħa jew oħra. Hemm dawk ukoll li jiftaħru li ma jxejru l-bandiera ta’ l-ebda partit iżda jivvutaw skond il-kuxjenza tagħhom u skond min jaħsbu li għandu l-aħjar programm elettorali.
Hemm votanti li ma jagħtux kas il-programmi elettorali u jqisu biss l-interessi personali, fejn jaqblilhom li jixħtu l-vot jixtħuh. Hemm min hu kkunsidrat li hu mxebba’ u mdejjaq bil-partit li ssoltu jivvota għalih u bi ftit sforz jista’ jitfa’ l-vot għan-naħa l-oħra. Imbagħad hemm ukoll in-ngħaġ il-mitlufa li għandhom xi forma ta’ diżappunt f’qalbhom li minn banda jkunu jixtiequ jpattuha lill-partit u fl-istess ħin ma jixtiqux li l-partit jeħel ma rashom għall-offiża li sofrew minn xi ħadd partikulari fil-partit. Hemm ukoll il-votanti li tagħmel x’tagħmel qatt mhu se ġġibhom miegħek għax huma ankrati b’għeruq fondi mal-partit l-ieħor. Dawn kollha jiffurmaw l-elettorat li hu eligibbli jivvota.
Kull vot tagħhom għandu l-istess saħħa u għalhekk il-partiti fil-kampanja tagħhom iridu jiġbdu lil kull tip ta’ votant. Dan hu li jikkaġuna l-uġigħ ta’ ras għall-istrateġisti tal-partit. Ma jistax ikun li kulhadd jintefa’ f’keffa waħda u jigi ffaċċjat bl-istess attitudni jew bl-istess vuċi avolja għandu jitwassal l-istess messaġġ.
Il-partiti jafu li kieku kellhom jappellaw għall-partitarji u l-familji tagħhom biss żgur li ma jkunux biżżejjed biex jiksbu l-maġġoranza tal-voti. Għalhekk jagħmlu minn kollox biex fil-kampanja tagħhom waqt li jżommu l-moral tal-partitarji tagħhom fl-istess ħin iwettqu ħidma, ħafna drabi mingħajr daqq tat-trombi, biex jiġbdu lejhom votanti oħrajn anke jekk jafu li normalment dawn ma jivvutawlhomx.
Il-votant jrid jifhem il-ħtieġa li mal-merħla għandha terġa’ tingħaqad ukoll in-nagħġa l-mitlufa u anka n-ngħaġ minn merħliet oħrajn, jew inkella jkun wasal fil-punt li jxaqleb lejn il-fundamentaliżmu partiġġan fis-sens li għalih ikun aħjar li l-partit ikun fl-Oppożizzjoni bl-appoġġ tal-partitarji tiegħu biss, milli jkun fil-Gvern bl-appoġġ tal-partitarji akkaniti, ta’ dawk inqas akkaniti u forsi wkoll b’dawk meqjusin newtrali jew floaters!
Dan it-tip ta’ fundamentaliżmu partiġġan hu perikoluż li jista’ jwassal biex imur kontra l-għan ewlieni tal-partit fis-sens li jirbaħ l-elezzjonijiet u li wkoll jhedded is-sistema demokratika għax jimmina l-proċess elettorali. Dan it-tip ta’ fundamentaliżmu joħloq pressjoni interna fil-partiti u jikkawża uġigħ ta’ ras lill-istrateġisti.
Fil-verità, minkejja l-intenzjonijiet ġenwini u l-lealtà assoluta li jkollhom fil-Partit, meta jibdew jagħmlu pressjoni fuq id-diriġenti biex jimbarraw lill-ħaddieħor milli jersaq lejn il-partit, ikunu qegħdin jagħmlu l-ikbar ħsara lill-istess partit. Ikunu, forsi wkoll bla ma jridu, qed jikkontribwixxu biex il-partit ma jirbaħx l-elezzjoni ġenerali.
Fortunatament, il-partiti tagħna għarfu li ma jħallux dan il-fundamentaliżmu partiġġan jixxettel fi ħdan il-partit. Dak li jissejjaħ leali u jaġixxi ta’ fundamentalista hu l-qarib ta’ min hu mustaċċun fit-theddid u fir-rikatt, anke jekk b’mod sottili! B’xorti tajba dawn mhumiex il-kotra tal-partitarji leali tal-partit.
Meta lill-partit jifgawh f’dan l-ispazju, ma jibqgħalux nifs biex ikampa f’elezzjoni ġenerali. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|