Intervista | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Kurt Sansone jintervista lil Alfred Sant
Il-ktieb li ippubblika l-Partit Laburista din il-ġimgħa li jiġbor fih id-dokumenti li nħmew tul dawn l-aħħar tliet snin fih 648 paġna. Mhuwiex il-manifest elettorali u xi minn daqqiet il-kitba tistona għax iċ-ċirkostanzi minn meta nkitbu d-dokumenti sa llum inbidlu.
Qabel ma niltaqa’ ma’ Alfred Sant nipprova nqalleb fih biex nieħu xi spunti għall-intervista. Peress li l-ktieb hu biss ġabra ta’ dokumenti wieħed wara l-ieħor ma fihx sens ta’ kontinwità u għalhekk kwistjonijiet bħall-housing, il-parteċipazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, is-servizzi soċjali u l-politika ekonomika ssibhom ittrattati iktar minn darba f’taqsimiet differenti. Madankollu laqtuni żewġ strofi f’paġna 86 meħudin mill-poeżija ta’ Ġorġ Pisani, ‘Għid taż-Żogħżija’. Is-silta qasira tintroduċi dik il-parti tal-ktieb li titkellem dwar iż-żgħażagħ u tgħid hekk: “...aħna rrieġu, il-mixi tal-ġrajjiet; F’idejna qiegħed moħbi t-tmun taż-żminijiet.”
L-ewwel mistoqsija tiegħi lil Sant hi mnebbħa minn dawn il-vrus. Bit-tmun f’idejh, Gvern Laburista fejn se jieħu lil dan il-pajjiż?
It-tweġiba tiegħu hi qasira u mimlija ċertezza, bħal ħafna tweġibiet oħra li jagħtini tul l-intervista.
“Bħala pajjiż ankrat fl-Unjoni Ewropea se nkunu qed insaħħu l-karattru Ewropew u nagħtu spinta lit-talent Malti u l-ħiliet tal-ħaddiema biex ikunu jistgħu jaffrontaw l-isfidi Ewropej. Se nkunu qed intejbu r-riżorsi umani u l-infrastruttura fiżika tal-pajjiż bi sħubija mal-forzi soċjali kollha. Irridu ntejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-kontabbiltà f’dan il-pajjiż.”
Ma jonqosx ukoll id-dubju tiegħu fir-rappurtaġġ li nagħmel ta’ l-intervista u jaraha daqsxejn stramba li mhux se nirrekordjah. Nippreferi nieħu n-noti iżda donnu li dan id-dubju dwar jekk hux se jkun irrappurtat tajjeb jew le hu ħsieb dejjiemi f’moħħ Sant. Anki meta intervistajtu drabi oħra u rrekordjajtu niftakru jesprimi dan id-dubju.
Hu ovvju li Sant għandu relazzjoni skomda mal-ġurnalisti. Forsi l-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun.
Fuq il-qoxra ta’ wara tal-ktieb jingħad li nżammu aktar minn 2,000 siegħa ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ aktar minn 300 għaqda f’Malta u f’Għawdex. Il-Partit Laburista saħansitra kellu jiltaqa’ ma’ organizzazzjonijiet li mhux bilfors huma simpatetiċi lejh.
Nistaqsi lil Sant jekk dan il-proċess għenx biex l-MLP joqrob iktar lejn dawn l-organizzazzjonijiet. Fit-tweġiba tiegħu nilmaħ għal darb’oħra l-iskumdità tiegħu mal-media.
“It-tmexxija tal-partit, inkluż il-Grupp Parlamentari u l-amministrazzjoni, għamilna kuntatti diretti mas-soċjetà ċivili li għenuna wkoll negħlbu l-gatekeeping li ħafna drabi jsir mill-media fost l-oħrajn fil-konfront tal-Partit Laburista u l-messaġġ tiegħu. Tkellimna ma’ dawn in-nies u smajna wkoll x’kellhom x’jgħidulna.”
Naqbadlu l-argument dwar il-korruzzjoni. X’se jkun qed jitlob mill-ministri tiegħu?
“Li jkunu trasparenti f’dak li jagħmlu. Li jieħdu deċiżjonijiet malajr imma li jkunu accountable. Irid ikun hemm decision-making trail biex nistabbilixxu kif u min ħa deċiżjoni. Imma l-ministru jibqa’ responsabbli u jrid iwieġeb. The buck stops with him. Il-ministri għandhom ikunu maniġers tajbin.
“Ma jistax ikun li l-kuntratt tat-tindif fil-Qorti jingħata lil kumpanija ta’ xi ħadd kriminali u ħadd ma jirrispondi. Jew nutar li hu wkoll ministru jagħmel xogħol privat u ħadd ma jagħti kas, qisu xejn mhu xejn.”
Nistaqsih jekk hux qed jippretendi li l-ministri tiegħu jkunu jafu x’qed jagħmel kull persuna fid-dipartiment.
“F’xi stadju ċ-Ċivil irid iwieġeb għal għemilu imma dejjem hemm awtorità ogħla li hi responsabbli mid-deċiżjonijiet li jittieħdu f’livelli iktar baxxi. Fl-aħħar mill-aħħar hemm il-ministru li jrid jifhem kif jimxu l-affarijiet.”
Il-kelma maniġer hi sinonima ma’ Sant. Jużaha iktar minn darba u donnu li l-kejl tiegħu ta’ suċċess hu marbut ma’ kemm persuna kapaċi tkun maniġer tajba. Għalih, li ministru jkun maniġer tajjeb, hu kriterju li se juża meta jiġi biex jagħżel il-kabinett.
“Dan il-kriterju kont diġà applikajtu bejn l-1996 u l-1998. Karmenu Vella, Evarist Bartolo, George Vella, Charles Buhagiar... dawn kienu ministri on the ball li anki daħħlu kunċetti maniġerjali fit-tħaddim tal-ministeri tagħhom. Ministru tajjeb irid ikun jaf x’qed jiġri.”
Il-pern ewlieni tal-bidu ġdid li qed iwiegħed il-Partit Laburista hu t-tkabbir ekonomiku. Saħansitra hu ikkwantifikat għal bejn erba’ u ħamsa fil-mija fis-sena. Skond l-MLP tkabbir ekonomiku reali bħal dan ikun biżżejjed biex jinħoloq il-ġid li jinħass mis-saffi kollha tas-soċjetà u l-Gvern ikun qed idaħħal sehmu mingħajr il-ħtieġa li jżid it-taxxi.
Hu argument simili ħafna għal dak li għamlet Segolene Royal fi Franza waqt il-kampanja elettorali. Iżda l-Franċiżi m’afdawhiex. Ippreferew id-diskors ċar tar-rival Nikolas Sarkozy li saħansitra sfida l-joie de vivre Franċiż u għafas fuq il-ħtieġa li l-Franċiżi jridu jaħdmu iktar.
Sant ma jemminx li l-Partit Laburista għandu l-istess problema ta’ Royal.
“It-tkabbir ekonomiku hu neċessarju iżda meta aħna ngħidu li hemm bżonn li ċ-Ċivil u l-Gvern ikunu iktar effiċjenti qed infissru li rridu naħdmu iktar. Hemm bżonn li bħala pajjiż naħdmu iktar imma dan ikun ifisser ukoll li l-ħaddiem se jaqla’ iktar.
“Iżda anki Sarkozy tkellem dwar it-tkabbir ekonomiku u bħalissa qed iħabbat wiċċu mal-kritika mill-Ewropa għax qed ikabbar l-iżbilanċ biex ikun hemm tkabbir ekonomiku,” iwieġeb.
It-tkabbir ekonomiku hu marbut ukoll mal-kompetittività tal-pajjiż fuq livell internazzjonali. Meta l-MLP jgħid li hemm bżonn tiżdied il-kompetittività x’qed ifisser?
“Jien niddejjaq inwaħħal in-nuqqas ta’ kompetittività fuq il-ħaddiema. Li tfisser hu li l-prodott tagħna jrid jitjieb. Ifisser li s-settur pubbliku ma jdumx biex jiddeċiedi. Żieda fil-kompetittività ma tfissirx tnaqqir tal-pagi jew kundizzjonijiet tax-xogħol, anki jekk irridu inħarsu lejn dawk ukoll. Tista’ tkun qed taħdem iktar f’kundizzjonijiet inumani u xorta ma żżidx il-kompettitività.
“It-tkabbir ekonomiku li għandna bħalissa ġej minn setturi ristretti bħas-servizzi finanzjarji u l-logħob ta’ l-azzard li mhumiex ikollhom trickle down effect. Biex ikollok tkabbir ekonomiku li jinħass fis-saffi kollha tas-soċjetà jrid ikollok is-setturi tal-manifattura u t-turiżmu qed jingranaw sew, mhux kif jinsabu llum.”
Wegħda li l-Partit Laburista għamel u li żgur se tkun fil-manifest elettorali hi li s-soprataxxa fuq id-dawl u l-ilma titnaqqas bin-nofs. “Se tiswina Lm12.5 miljun,” jgħidli minnufih. Imma minn fejn se jiġu l-flus?
“Mhux ovvja, billi tibbilanċja l-kotba! Inti jkollok oġġettiv u trid tilħqu. Fil-baġit ikollok il-prijoritajiet tiegħek ta’ kif se tonfoq il-flus u tagħmel minn kollox biex tilħaqhom. Is-surcharge hi prijorità għalina u għalhekk il-flus jinstabu,” jgħidli filwaqt li jibqa’ jħares lejja biex nara jekk fhimtx.
Miniex tant konvint mill-argument. Xi ħaġa, x’imkien bilfors trid iċċedi, insostni.
“Lm12-il miljun mhux se jaqgħu mis-sema qishom rigal. Kieku jkun tajjeb. Imma nistgħu nnaqqsu l-ħela. Bħalissa hawn ħela kullimkien u ħadd ma jirrispondi għaliha. Biex inkun ċar it-tnaqqis ta’ l-ispiża rikorrenti waħedha mhux se ssolvi l-problema tal-bilanċ tal-kotba. Imma hi sinjal ta’ serjetà. Bejn l-1996 u l-1998 konna qtajna l-ispiża rikorrenti b’madwar tlieta fil-mija.”
Indur fuq l-aspett soċjali. Fid-dokument dwar il-familja jingħad li l-Partit Laburista mhux se jibda d-dibattitu politiku fuq id-divorzju jekk dan ma jitqanqalx mis-soċjetà ċivili. Iżda fl-istess nifs il-Partit Laburista qed jipproponi bidliet leġlislattivi biex titwessa’ d-definizzjoni tal-familja anki jekk fil-pajjiż m’hawnx diskussjoni dwar dan.
“Qed nistqarru stat ta’ fatt. Jeżistu units, jew familji, li jmorru lil hinn mid-definizzjoni tradizzjonali ta’ familja. F’dan il-kuntest l-Istat għandu l-obbligu, speċjalment lejn it-tfal f’dawn il-familji, li l-politika soċjali tkun indirizzata wkoll lejn il-ħtiġijiet tagħhom.
“Jekk fis-soċjetà ċivili jinħoloq dibattitu dwar id-divorzju allura jkun fuq l-aġenda tagħna. Fid-Disgħinijiet kien hemm dibattitu u għalhekk mexxejna kif mexxejna fuq il-kwistjoni meta konna fil-Gvern. Forsi ma kienx l-aħjar mod kif naffrontaw il-kwistjoni. Imma llum ħadd mhu jsemmi d-divorzju, m’hawn l-ebda moviment għalih, li jissorprendini wkoll.”
Inħoss li din hi pożizzjoni ta’ konvenjenza minn partit li ngidem minn kif kienu żviluppaw l-affarijiet 10 snin ilu meta fil-Gvern ipprova jiftaħ id-diskussjoni fuq il-kwistjoni. F’pajjiż fejn il-bidla kważi dejjem ġiet mill-imbuttatura tal-partiti politiċi nsibha stramba li partit b’ideali progressivi jilgħab il-logħba ta’ stennija.
“Għandek żball. Jekk nieħdu l-ambjent, is-soċjetà ċivili qed tixpruna d-dibattitu,” jirribatti.
Bl-istess argument is-soċjetà ċivili u l-poplu qed jiddiskutu u jinkwetaw bis-sħiħ dwar l-immigrazzjoni illegali imma fid-dokumenti tal-MLP kulma nsib fuq il-kwistjoni huma żewġ paragrafi f’paġna 520.
“Pajjiż żgħir bħal tagħna ma jistax jassorbi ammonti kbar ta’ immigranti mingħajr ma tinħoloq problema kulturali u ta’ identità. Anqas ma tgħid fuqu dan is-suġġett ikun aħjar għalissa biex ma nfixklux il-politika tal-Gvern. Fil-manifest se jkollna proposti speċifiċi.”
Jaħsadni b’dan l-argument. Ma nifhimx kif mexxej ta’ partit Soċjalista bi twemmin progressiv jista’ jagħżel li ma jgħid xejn fuq kwistjoni bħal din.
Lil hinn mill-argument li pajjiżna jrid isabbat saqajh iktar fl-Ewropa biex jgħinuna, li hemm kunsens wiesa’ dwaru, nistaqsih x’politika għandu l-Partit Laburista għal dawk l-immigranti li jgħixu fostna.
“Il-problema mhumiex ir-refuġjati għax dawk huma hawn b’mod legali. Il-problema huma l-immigranti illegali li jitilqu minn pajjiżhom minħabba raġunijiet ekonomiċi. Dawn irridu nibagħtuhom lura f’pajjiżhom,” iwieġeb xott xott.
Nistaqsih x’jiġri jekk pajjiżhom ma jridhomx jew hemm problemi amministrattivi biex dan iseħħ kif inhu l-każ illum. Gvern Laburista se jkun qed iħalli lil dawn in-nies fiċ-ċentri miftuħa jiddependu fuq l-għajnuna ta’ l-Istat għax ma jistgħux jaħdmu b’mod legali?
“Teżisti l-problema ta’ identità kulturali. B’liema mod soċjetà żgħira tista’ tassorbi komunità b’identità kulturali totalment differenti mingħajr ma jinħoloq kunflitt? Ċertament ma naqbilx li jintużaw biex jagħżlu l-iskart kif qed jagħmlu tal-Wasteserv fil-miżbla illegali li għandhom fil-Marsa. Ma naqblux li dawn għandhom ikunu hawn fuq bażi permanenti. Madankollu waqt li qegħdin hawn fuq bażi temporanja rridu nirrispettaw id-dinjità tagħhom u fl-istess ħin id-dinjità tal-poplu Malti.
“Iżda ma rridux ninsew li dak li nagħmlu magħhom fuq bażi temporanja waqt li qegħdin hawn jista’ jħalli impatt fuq min jista’ jiġi hawnhekk. Għalhekk ninħtieġu l-għajnuna Ewropea.”
Problema oħra li qed tolqot lin-nies hi l-għoli tal-ħajja. L-impressjoni li tingħata hi li Gvern Laburista se jkun qed jikkontrolla l-għoli tal-ħajja, xi ħaġa li kull ekonomist jgħidlek hi impossibbli li ssir jekk mhux b’intervent b’saħħtu ta’ l-Istat fl-ekonomija kif kien jiġri fi żminijiet oħra.
“Qatt m’għedna li se nikkontrollaw l-għoli tal-ħajja imma li se nkunu pro-attivi biex inrażżnu l-prezzijiet. Il-mod kif in-nies tkejjel l-għoli tal-ħajja hu differenti minn kif ikejluh l-ekonomisti. Għan-nies l-għoli tal-ħajja hu mkejjel b’dak li jifdlilhom fil-but fl-aħħar tax-xahar li hu kejl ibbażat fuq dak li jkunu nefqu u dak li jkun ħadilhom il-Gvern permezz tat-taxxi. Għalhekk miżuri li jħaffu l-piż tat-taxxi jħallu iktar flus fil-but u jtaffu mill-problema. It-tneħħija tal-VAT fuq l-edukazzjoni u t-tnaqqis tas-soprataxxa fuq id-dawl u l-ilma, li qed nipproponu, għandhom iħaffu l-piż tal-għoli tal-ħajja.
“Imbagħad hemm ir-regolaturi li xogħolhom hu li jaraw li s-suq qed jaħdem sew. Diġà għedna li l-awtorità regolatriċi kull sitt xhur għandha tippreżenta rapport dwar l-għoli tal-ħajja lill-Parlament speċjalment għall-oqsma ta’ l-ikel, il-mediċini u l-edukazzjoni u fejn jidher li hemm prezzijiet li splodew ’il fuq tingħata spjegazzjoni għalfejn.”
Skond Sant il-ġabra ta’ dokumenti huma l-pedament li fuqu tinbena l-istrateġija li għandha twassal għat-tfassil tal-manifest elettorali li jkollu proposti konkreti ta’ kif se titwettaq il-politika Laburista.
Nistaqsih jekk il-partit hux se jagħmel analiżi ta’ kemm se jiswew il-proposti elettorali. Għal darb’oħra jħallini mħawwad bit-tweġiba tiegħu. Minn persuna li tippriedka t-trasparenza nippretendi mod ieħor.
“Ma nissuġerrix li nagħmlu costings tal-proposti. Ikollna xi costings interni imma mhux kompitu ta’ manifest elettorali li jkollu analiżi ta’ kemm se jiswew il-proposti. Dan mhux xi dokument ta’ qabel il-baġit li inċidentalment din is-sena lanqas ma kien costed. F’dan il-każ ħadd ma qal għax id-dokument ta’ qabel il-baġit ma kienx costed.”
Infakkru li din il-gazzetta kkritikat il-fatt li l-Gvern ma kkwantifikax kemm se jiswew il-proposti kollha fid-dokument tiegħu. Infakkru wkoll li anki partiti politiċi barra minn Malta, bħal fil-każ ta’ l-Ingilterra u l-Istati Uniti, ikollhom costings bażiċi tal-proposti tagħhom.
Iżda l-verdett ta’ Sant hu li dawn ikunu biss “forecasts imbagħbsa.”
“Il-costings ta’ dan it-tip huma fiction. L-iktar importanti f’manifest elettorali huma l-prijoritajiet,” isostni.
Fl-aħħarnett nistaqsih kif ikejjel it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi u għal darb’oħra titfaċċa l-kelma maniġer.
“Nies li jkollhom x’jaqsmu ma’ Dr Gonzi jgħiduli li t-tmexxija tiegħu hi absymal. Not in touch. Huwa bniedem ċivili imma mhux qed ikun maniġer tajjeb. He’s not delivering.” |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|