MediaToday

Il Punt | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40

Il-Foster Care

Il-foster care hu kunċett li permezz tiegħu dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li għal xi raġuni ma jistgħux jgħixu mal-familji naturali tagħhom, jitrawmu minn familja oħra biex huma wkoll ikunu jistgħu jħossu dak is-sens ta’ mħabba u sigurtà li tant ikollhom bżonn fit-trobbija tagħhom.
Permezz tal-foster care dawn it-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom ċans li jerġgħu jiffurmaw parti minn familja oħra bil-għan li meta jkun possibbli u fl-aħjar interess tagħhom jerġgħu jingħaqdu mal-familja naturali tagħhom.
Wieħed mill-ewwel passi li ttieħdu f’dan l-qasam kien fl-1999 meta sar ktieb ta’ proċedura u politika bil-għan li jkun hemm linji gwida fil-qasam tal-foster care. Kien hawnhekk li dan il-Gvern wera l-impenn assolut tiegħu f’dan il-qasam meta rriserva finanzi apposta biex ikunu mpjegati ħaddiema soċjali biex jiffurmaw parti mit-tim tal-fostering li nħoloq dak iż-żmien.
Minn servizz li beda b’persuna waħda llum il-Fostering Unit ta’ l-Aġenzija Appoġġ evolva ferm u għandu tim sħiħ. Il-Gvern hu kommess li jibqa’ jsaħħah dan it-tim u l-istruttura li jaħdem fiha. Għaldaqstant bħalissa għaddej proċess biex jittħaddmu aktar ħaddiema.
Tul is-snin ma kienx biss is-servizz innifsu li evolva. Is-servizz kien aċċettat mis-soċjetà u n-numru ta’ nies li huma lesti li jiftħu djarhom u qalbhom għat-tfal li għandhom bżonn familja baqa’ dejjem jikber. Fil-fatt b’sodisfazzjon ngħid li mis-27 foster carer li kellna 10 snin ilu illum għandna ’l fuq minn 150. Permezz ta’ din iż-żieda, kompla jikber ukoll l-ammont ta’ tfal li qed igawdu minn dan is-servizz tant nobbli. Fejn 10 snin ilu kellna 27 tifel u tifla li kienu qed igawdu minn dan is-servizz, illum għandna ’l fuq minn 180 tifel u tifla li minflok qegħdin f’istituzzjoni ntlaqgħu fil-familji. Ovvjament, għalkemm saru passi kbar ’il quddiem, qatt m’hu biżżejjed u dan il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jagħmel ħiltu biex aktar tfal ikunu jistgħu jgawdu minn ambjent ta’ familja.
Dan il-Gvern diġà wera b’mod konkret kemm hu għal qalbu dan is-settur u dan jidher ċar mill-ammont ta’ investimenti li saru tul is-snin li għaddew. Illum il-ġurnata l-Gvern jalloka kważi Lm70,000 (€163,056.14) lill-Fostering Unit biex jitmexxa dan is-servizz. Fl-aħħar ħames snin ingħataw madwar nofs miljun lira (€1,164,686.70) f’benefiċċju soċjali magħruf bħala ċ-Child In Care Benefit, li fost il-benefiċjarji tiegħu nsibu t-tfal li huma fostered. Barra minn hekk ġew allokati wkoll Lm36,000 (€83,857.44) li jintużaw għall-bżonnijiet speċifiċi li jista’ jkollhom tfal li qegħdin taħt Ordni ta’ Ħarsien, fosthom dawk li qegħdin f’foster care placement.
Sal-lum il-ġurnata dan il-Gvern ħaseb biex jipprovdi l-istrutturi meħtieġa kemm amministrattivi kif ukoll dawk ta’ sostenn għas-servizz tal-foster care. Madankollu għaraf li hemm bżonn ta’ qafas legali. Għalhekk inħolqot struttura legali li filwaqt li tipprovdi sostenn, drittijiet u obbligi lill-foster carers, tassigura l-aħjar interess tat-tfal konċernati. Fl-istess waqt tħares ukoll id-drittijiet tal-ġenituri naturali ta’ dawn l-istess tfal.
F’April ta’ din is-sena l-Gvern ippubblika dan l-abbozz ta’ liġi u ippreżentah lill-Parlament. Bi pjaċir nara li kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni qablu fuq l-Abbozz ta’ liġi u dan għaliex it-tnejn qed jagħmlu ħilithom biex it-tfal tagħna jkollhom l-aħjar ħajja possibbli.
Il-ħidma tal-Gvern wasslet biex dan l-abbozz ikun diskuss u ngħata t-tielet qari ftit inqas minn xahar ilu. Bi pjaċir ngħid li ntemm l-aħħar pass qabel ma din il-liġi tidħol fis-seħħ biex il-kamp tal-foster care ikun regolat kif xieraq.
Fuq din in-nota pożittiva nħeġġeġ lil kulħadd biex ikompli jagħti sehmu mill-aħjar li jista’ ħalli dawn it-tfal nagħtuhom l-opportunità li jgħixu f’familja fejn jirċievu l-imħabba u r-rispett li jixirqilhom.

Dolores Cristina hi l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075