MediaToday

X'kien jgħid | 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40

Marda bla fejqan, anki bi sptar ġdid

Diġà għadda iktar minn xahar minn meta nhar l-Imnarja saret dik iċ-ċerimonja kollha pompa biex tfakkar il-mument meta l-isptar il-ġdid – Mater Dei – għadda f’idejn il-Gvern Malti.
Suppost li wara xahar l-affarijiet bdew jiċċaqalqu u bħalissa għaddejjin sewwa bil-ħidma tat-trasferiment – mhux ta’ migrazzjoni, għax dik hi barbariżmu lingwistiku: kelma taparsi Maltija mnissla minn kelma Ingliża li kienet imnissla minn kelma rumanza... meta l-Malti jista’ jitnissel direttament mir-rumanz u mhux tramite l-Ingliż!
Insomma, dawk li marru għal dik iċ-ċerimonja tgħidx kemm semgħu orkestri u korijiet, tnabar, diskorsi u tgħidx kemm raw effetti tad-dawl u ħwejjeġ oħra bħal elikotteru jitla’ u jinżel u ambulanzi jnewħu bis-sereni tagħhom. Iżda issa xahar wara dawk il-bużullotti kollha, f’Awissu x’qed isir fil-Mater Dei li qabel kien isir f’San Luqa? Milli nifhem ħadu xi ftit files u xi ftit impegati amministrattivi li suppost qed jaħdmu minn hemm...
Issa jekk f’xahar iċċaqalqet parti minima jekk mhux negliġġibli mill-isptar, kemm-il xahar ninħtieġu biex inċaqalqu kollox? Min jaf! Imn’Alla hemm l-elezzjoni wara l-bieb għax kieku dan l-imbierek trasferiment probabbli anqas jibdewh ma kienu!
Dwar dan kollu, il-partit immexxi minn Dottor Sant jattakka lill-Gvern ta’ Lorenzo bl-aktar mod dilettantesk. Jattakka lill-Gvern għax kien hemm kanna miżduda, u għax l-ilma josserva l-liġijiet tal-gravità spiċċa mela kullimkien bħallikieku jekk ikun hemm id-dottor Sant Prim Ministru se joqgħod imur jikkontrolla s-sadd fil-kanen waħda waħda u l-liġi tal-gravità tkun sospiża għall-proġetti tal-Gvern tiegħu!
Din mhix kritika serja meta hemm ħafna affarijiet iktar serji x’tikkritika f’din l-istorja. Mhux qed ngħid għall-ħrejjef ta’ taħwid fil-kuntratti li ħafna minnhom huma frott l-immaġinazzjoni jew frott it-tnassis ta’ min ippretenda li jieħu kuntratt u ma ħadux.
Il-ħmerija hi li l-Gvern lesta l-isptar Mater Dei, għandu pjan biex isir it-trasferiment li donnu qed isir bi tqanżiħ kbir u ma jidhirx li lesta lil dawk li jaħdmu fl-isptar għall-qabża kulturali li suppost kellha ssir fil-mentalità tagħhom u fil-mod kif iħarsu lejn id-doveri tagħhom.
Iżda l-isptar il-ġdid suppost kellu jkun akkumpanjat b’mentalità ġdida b’dawk li jaħdmu fih jibdew iħarsu lejn il-mod kif huma jagħmlu parti minn tim b’mod parteċipattiv u b’koperazzjoni bejn wieħed u ieħor minflok b’sens ta’ kompetizzjoni u pika li tidher li teżisti fl-isptar San Luqa.
Veru li din hi l-problema li l-aktar diffiċli biex tegħlibha. Il-bini jinbena u l-apparat ikun installat anki jekk din kienet mal di testa kbira. In-nies u l-pazjenti jiċċaqalqu minn post għall-ieħor, anki jekk din hi mal di testa akbar. Iżda l-mod kif dawk li jaħdmu fis-servizz tas-saħħa fil-patria tagħna jħarsu lejn xogħolhom se jitbiddel? U x’għamel u x’qed jagħmel il-Gvern f’din id-direzzjoni?
Wieħed irid jiftakar li fis-saga interminabbli ta’ dan l-isptar għaddiet ta’ dawk it-tobba u speċjalisti li rreżistew kull impożizzjoni ta’ mod ġdid kif isiru l-affarijiet fi sptar tal-Gvern. Din kienet il-vera tifsira tal-ftehim li għamel d-dottor Sant meta kien fil-gvern mat-tobba meta biddel il-pjani ta’ l-isptar u irdoppjah fid-daqs.
Il-falliment tal-Gvern ta’ Lorenzo biex jirkupra dak li ntilef anqas biss mhu diskuss! It-tnikkir attwali biex isir it-trasferiment fiżiku minn San Luqa għal Mater Dei mhu xejn ħdejn ir-reżistenza biex il-ftuħ ta’ sptar ġdid ma jikkoinċidix ma’ bidla radikali fil-metodu kif ikun amministrat l-isptar.
Biex timbotta bidla bħal dik ikollok xi tgħid bil-kbir ma ħafna li għandhom vested interests. U dawn l-interessi xi drabi jkunu a skapitu ta’ l-effiċjenza fis-servizz ta’ l-isptar. Din marda bla fejqan minkejja li se jkollna sptar ġdid!
Anqas id-dottor Sant ma jrid jiksirha ma’ dawn it-talin, aktar u aktar issa li ġejja l-elezzjoni! U allura l-Laburisti kuntenti joqogħdu jikkritikaw lill-Gvern bil-kanen miżdudin u l-lifts li ma jaħdmux fl-isptar il-ġdid u mhux fuq il-vera problema tat-tħaddim tiegħu.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075