Editorjal| 05 ta’ Awissu 2007 • Nr 40
Jekk qabel kien sigriet magħruf li kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista jippreferu ma jqanqlux dibattitu dwar l-immigrazzjoni għax għandhom diffikultà kif se jibbilanċjaw il-biża’ tal-kostitwenti tagħhom mal-ħarsien tad-dinjità ta’ min jispiċċa fostna bi żball, illum dan mhu sigriet xejn.
Fil-programm Reporter ta’ nhar it-Tlieta li għadda deher ċar li l-Ministru ta’ l-Intern Tonio Borg u d-dell politiku tiegħu Gavin Gulia ma ridux irewħu d-diskussjoni fuq dan il-fenomenu. F’dan l-aspett il-politika taż-żewġ partiti ewlenin hi l-istess u l-ebda kappell ma jmil lill-ieħor. Skondthom l-immigrazzjoni m’għandhiex tkun kwistjoni elettorali.
Dan ikkonfermah il-mexxej Laburista Alfred Sant fl-intervista li ta lil din il-gazzetta din il-ġimgħa. Għalina mhuwiex aċċettabbli li mexxej ta’ partit politiku jgħid li fuq dan is-suġġett “inqas ma jingħad iktar aħjar”.
Għalina hu agħar li dan id-diskors jagħmlu mexxej ta’ partit progressiv li suppost jemmen fil-ġustizzja soċjali.
Nifhmu li l-immigrazzjoni hu suġġett delikat mimli emozzjonijiet li jekk ma jkunux kontrollati faċli jaħarbu minn idejn il-politiku b’konsegwenzi koroh. Imma dan ma jfissirx li għax il-partiti ewlenin iddeċidew li l-immigrazzjoni m’għandhiex tkun kwistjoni elettorali l-poplu mhux se jkun qed jitkellem u jesprimi tħassib dwarha.
Is-silenzju qatt mhu ġustifikat.
Il-problema hi li fiż-żewġ partiti ewlenin jeżisti muqqas ta’ tmexxija fuq din il-kwistjoni. Jafu li l-kurrent popolari qed jimbotta favur politika iktar iebsa fil-konfront ta’ l-immigranti. Fl-istess ħin il-politiċi jafu li l-pajjiż għandu obbligi internazzjonali x’jirrispetta u fil-kuxjenza tagħhom jafu li r-rispett għad-dinjità umana titlob azzjoni differenti minn dik li trid il-massa.
Maqbudin bejn dawn iż-żewġ kurrenti l-mexxejja politiċi qed jagħżlu s-silenzju. Jippreferu ma jisimgħux, ma jitkellmux u ma jarawx. Jippreferu jisfidaw id-destin li poġġa lil dan il-pajjiż f’nofs baħar bejn il-kontinent Afrikan u dak Ewropew.
Jekk forsi għadhom ma ndnunawx, il-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni mhux se jisparixxi. Se jibqa’ jkollna nies li jaslu fostna fuq ċattra.
Li qed nitolbu mill-politiċi hu li jagħrfu dan il-fatt u jaddottaw politika interna li tgħin biex nies li qegħdin fostna b’mod temporanju jew permanenti jkunu integrati ħalli jonqos il-konflitt kulturali li qed jinħema bħalissa.
Sal-lum il-politika interna hi iffukata primarjament fuq id-detenzjoni u s-sigurtà. Qed ngħidu li dan għandu jinbidel biex il-pern ewlieni tal-politika interna tkun l-integrazzjoni u l-edukazzjoni.
Nafu li dan ikun qed jisfida l-kurrent popolari. Imma anki fost min jesprimi biża’ minħabba l-immigranti, ħafna drabi ssib li dan id-dwejjaq hu mibni fuq nuqqas ta’ informazzjoni u preġudizzji irrazzjonali.
Id-dmir ta’ kull politiku li mhux maħkum mill-estremiżmu hu li jxejjen il-preġudizzji u jinforma lin-nies bis-sitwazzjoni attwali. Alfred Sant għandu dan id-dmir ukoll.
Il-mexxej Laburista jista’ jiggwida lill-partit tiegħu u l-eluf ta’ nies li jappoġġjawh lejn politika iktar ħanina fil-konfront ta’ l-immigranti. L-għajta ta’ xogħol, ħarsien u dinjità għandha tapplika wkoll għal dawk li nqabdu fostna u m’għandhom lil ħadd jitkellem u jaqbeż għalihom.
Azzjonijiet inumani
Id-dritt tal-ħaddiem li jirrikkorri għall-azzjonijiet industrijali hu sagrosant u nemmnu li hekk għandu jibqa’.
Imma jeżistu kategoriji ta’ ħaddiema f’postijiet mill-iktar sensittivi li jekk jirrikorru għal azzjonijiet industrijali jħallu impatt fuq persuni vulnerabbli.
L-azzjonijiet industrijali li ordnat il-GWU għan-nursing aides, il-health assistants, il-care workers u l-assistant care workers qed iħallu impatt negattiv fuq pazjenti li jkollhom bżonn jużaw is-servizzi tas-saħħa, fosthom anzjani u persuni morda bil-kanċer.
M’aħniex ngħidu li n-nies fis-settur tas-saħħa m’għandhomx dritt jieħdu azzjonijiet industrijali iżda dan għandu jkun ibbilanċjat mar-responsabbiltà lejn il-pazjenti li mhumiex f’qagħda li jagħmlu xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni.
Hu inuman li anzjani jitħallew fil-ħmieġ tagħhom minħabba azzjoni industrijali jew li pazjent bil-kanċer ikun imċaħħad milli jara l-file ta’ l-x-ray għax inqabad fil-manglu ta’ kwistjoni bejn il-Gvern u l-impjegati.
Nippretendu li l-GWU turi iktar responsabbiltà fl-azzjonijiet industrijali li tordna f’dan is-settur u tirtira minnufih id-direttivi li qed jolqtu b’mod dirett lill-pazjenti. Nistennew ukoll li l-Gvern ikompli bid-diskussjonijiet u ma jwebbisx rasu dwar il-kwistjonijiet pendenti. Ikun żball jekk il-Gvern jittanta juża dawn l-azzjonijiet industrijali f’settur hekk sensittiv bħala frosta politika biex biha jsawwat lill-GWU kif seta ġara drabi oħra. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|