K'KIEN JGHID | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39
Xi kultant minn qiegħ Lixandra b’dawn l-artikoletti nistħajjilni Dougall, mhux il-kok imma dak li kien jittrasmetti minn Londra fuq il-BBC bil-balal neżlin, qed nitkellem mal-ħajt f’xi xelter.
Nistqarr miegħek li ninsab sogħbien u nkwetat bl-istat tal-biki li jinsab fih it-trejdunjoniżmu f’art twelidi. Verament il-unjons tad-dinja kollha jinsabu fi kriżi u għandhom sfidi kbar mhux biss f’Malta. Ma naf xi globalizzazzjoni hi din li tisħaq fuq ‘armonizzazzjoni’, libertajiet u ftuħ ta’ fruntieri safejn jikkonċerna biss il-moviment tal-kapital, investimenti u li ma tisħaqx bl-istess mod fuq standards minimi għal dawk li huma drittijiet fundamentali u soċjali.
Minn ewl id-dinja dan kollu kellu jfisser li l-arloġġ ta’ l-istorja reġa’ lura mhux bis-sigħat imma bis-snin sa dak iż-żmien meta t-trejdunjons kienu għadhom fl-infanzja tagħhom. Kif tista’ trejdunjon f’pajjiż bħal Malta, espost beraħ għall-erbat irjieħ tal-forzi kompettitivi tas-swieq internazzjonali, tibqa’ tinnegozja fuq pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol meta s-sidien ta’ l-intrapriża, jista’ jkun barrani u jista’ jkun Malti, il-ħin kollu jheddu li jippakkjaw u jmorru f’xi pajjiż Asjatiku jew Għarbi.
Imma apparti dawn it-tip ta’ problemi li qed jiffaċċaw il-unjons kullimkien hemm imbagħad il-kuntest trejdunjonista Malti li jrid jiġi mgħarbel u analizzat sew. Minn kif nara l-affarijiet jien mill-bogħod jiddispjaċini ngħid li l-General Workers Union tinsab fi kriżi kbira li mhux lakemm toħroġ minnha jekk min imexxiha jew suppost qed imexxiha ma jagħrafx is-sinjali taż-żminijiet. Fis-snin li għaddew il-GWU għaddiet minn trawma wara l-oħra u xokk wara l-ieħor. Kull mexxej ta’ din il-unjon minn Miller ’il quddiem, bl-eċċezzjoni ta’ Gorg Agius, spiċċa bil-banda u bit-trikki-trakki.
Din il-unjon kellha wisq demm ħażin u ġlied intern li spiċċa ċaqqam b’mod permanenti l-immaġni tagħha f’għajnejn in-nies. Kellha wisq kampanji bombastiċi li spiċċaw sfumaw fix-xejn. Molto fumo e niente arrosto, kif jgħidu t-Taljani Mizzjani.
Il-GWU għandha kriżi ta’ leadership, nuqqas ta’ mexxejja moħħhom hemm u dedikati għal xogħolhom u mhux moħħhom fis-safar u fil-fanfarunati quddiem il-kameras.
Minħabba l-ekonomija globalizzata xi ftit jew wisq il-collective bargaining ma tantx fadal spazju għalih. Imma l-GWU ma tistax toqgħod tnewwaħ għall-membri li tilfet inkella tipprova tiġbidhom lura permezz ta’ gimmicks bħal gift schemes, kupuni u discount cards. Il-GWU ma tistax tippretendi li toqgħod tiġġustifika l-eżistenza tagħha b’dawn iċ-ċuċati imma trid tiskopri x’għandu jkun il-meaningful role tagħha f’soċjetà moderna. Minkejja l-ħafna liġijiet ġodda ikkupjati minn fuq ta’ l-Unjoni Ewropea l-ħaddiem Malti bħala konsumatur għad m’għandu l-ebda tarka li tħarsu mill-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq, prezzijiet esaġerati, servizz ta’ wara l-bejgħ imqit, price fixing u affarijiet oħra.
Il-GWU kieku trid tista’ tassumi dan ir-rwol faċilment bl-infrastruttura u bil-media li għandha. Imma ħidma bħal din tirrikjedi ħafna u ħafna dedikazzjoni u mhux is-superfiċjalità li jiddilettaw biha l-mexxejja tal-lum.
Imbagħad xi ngħidu għall-UHM li kontinwament qed tipprova tirkeb fuq il-fatt li fil-perċezzjoni tan-nies hi iktar stmata mill-Gvern tal-ġurnata, allura ħafna qed jispiċċaw jissieħbu fiha bit-tama li jaslu permezz tagħha fejn ma jaslux bil-General Workers Union.
Imma ħu mill-kwistjoni tal-ħaddiema tal-monti, dawn telqu l-GWU u daħlu fil-UHM, ipprotestaw u ttamawhom u xorta waħda dawruhom tidwira żugraga.
Ma niflaħx aktar għall-vixxri ta’ platitudnijiet u kliem fil-vojt ta’ Gejtu li kulma jaf jagħmel apparti li jorqom il-kliem, jiekol minn fuq il-kadavru tal-GWU. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|