WENZU MINTOFF | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39
Ix-xarabank l-antik, jew aħjar il-karozza tal-linja, għax illum il-ġurnata ‘xarabank’ saret tfisser magna tal-liri b’destinazzjoni waħda li b’xi mod jew ieħor dejjem trid twasslek għal Tal-Pietà, iġedded ħafna u ħafna memorji.
Fi tfuliti din kienet tfisser avventura mimlija rakkonti, tumbati, skossi u kuluri. Ta’ tfal li konna l-għors tagħna kien meta nsibu post jew fejn il-magna li kellha ħoss ta’ lanċa tan-Navy, biswit ix-xufier fuq kaxxa miksija bil-formajka. Inkella fit-tielet post mill-aħħar, propju fuq ir-rota.
Biex ninżlu minn fuqha konna niddilettaw naqbżulha minn fuq l-istaffa qabel ma tkun waqfet għal kollox u mhux l-ewwel darba minħabba f’hekk għoddni tkaxkart ma’ l-art. Inkella konna naqbżulha minn wara mill-emergency exit li proprju minħabba f’hekk, aktar iva milli le, kienet tkun imsakkra.
Imma għall-imfarfrin u l-imqarbin is-seats tar-reksin l-iktar favoriti kienu dawk ta’ waranett proprju għax ma kien ikun hemm ħadd warajk iħarislek biex ikun jaf x’qed tagħmel. Konna nkunu wkoll megħejuna mill-fatt li l-vjaġġi ta’ l-aħħar ma kinux daqshekk iffrekwentati u x-xufier biex mingħalih jiffranka mill-ħajja tal-batterija kien jixgħel biss xi żewġ fanali tal-chrome u allura d-dlam relattiv u d-dħaħen tas-sigaretti kien iżid ma’ l-atmosfera. Ħasra li ma kontx daqshekk perkoċi u pjuttost slow f’dawn l-affarijiet għax għal daqshekk is-seat ta’ wara jiddispjaċini ngħid li ftit li xejn gawdejtu.
Niftakar il-karozzi tal-linja miżbugħin bil-kuluri differenti skond il-pajjiż, it-tieni terminus tal-Belt fil-pjazza ta’ Kastilja u niftakar ukoll ‘il-kaxxa tal-biljetti wżati’ miktubha b’Malti mhux eżattament perfett li kienet isservi biex il-kunduttur, u ġieli anki l-passiġġier, iħabbat fuqha biex jagħti s-sinjal lix-xufier li jista’ jkompli bil-vjaġġ.
Mod ieħor ta’ kif kien jingħata dan is-sinjal kien permezz ta’ tisfira ’l gewwa flok ’il barra bil-kunduttur jiħħissja bħas-sriep. Il-qanpiena ċċempel billi jinġibed il-ħabel tal-ġilda u jekk imissek bil-wieqfa kien ikollok tiddendel ma’ biċċa ġilda bħal dik li fuqha l-barbiera kienu jsinnu l-imwies.
Memorji
It-tiżjin tat-trakkijiet tal-linja, kelma oħra biex nevita nuża l-kelma ‘xarabank’, kien uniku u inimitabbli għalkemm fil-Filippini hemm karozzi tal-linja ftit iżgħar minn tagħna li jixbħuhom. Niftakar it-tpinġija bis-sign-painting, l-aktar fuq il-bonit biex tgħidlek bl-isem il-qaddis, artist jew motto li għalih ikun imsemmi t-trakk. Fuq il-bonit ukoll ġieli kien jintrema xi jaguar jew iljun tal-chrome jew xi ajruplan bil-ponta ħa jofroq ir-riħ. Ir-rim tar-roti kollu chrome, bil-parafangi mpinġija u l-molol ħerġin mill-ġnub kien ikun fihom daqqa t’għajn żul minn hemm.
Ma kinux jonqsu l-qrejjen impinġija l-aktar fuq in-naħa ta’ wara u ġewwa fuq il-magna inkella ħomor tal-plastik impurtati minn Napli li kienu jkunu mdendlin mal-mera. U fuq ġewwa mal-kabina tax-xufier xi Verbum Dei impitter u biswitu dik id-daqsxejn ta’ statwa tal-qalb ta’ Ġesù jew ta’ Marija biex tħarisna minn kull għawġ matul il-vjaġġ, imma li ftit li xejn kienu jġibu sudizzjoni fuq min kien jiddelitta jirreċpa dagħa għas-sħana tal-magna. Għas-sajf l-uniformi tax-xufier ġeneralment kienet tkun flokk ta’ taħt biċ-ċingi u għal ventilazzjoni kien jaqla’ l-bieba tal-kabina u minflokha kien iwaħħal gradilja.
Fl-irħula t-trakkijiet tal-linja ħafna drabi kienu jintirtu u jibqgħu għand tal-familja. F’Ħaż-Żabbar li trabbejt fih jien il-laqmijiet ta’ Ganga, ta’ Masu u taż-Żunżan kienu sinonimi ma’ tal-linja. Dan ta’ l-aħħar kien magħruf għal kemm vjaġġ ta’ nofs siegħa kien jirnexxielu jagħmlu fi kwarta jew f’inqas.
Darba minnhom, ma nafx kinitx karozza tal-linja minn Ħaż-Żabbar, biex iħaffef ix-xufier spiċċa għadda minn ġol-bieb tal-Bombi u bil-għaġġla ma kkalkulax tajjeb u spiċċa mwaħħal fil-bieb.
Taxi Mary
Dak kien ukoll iż-żmien tat-Taxi Mary tal-Bamboċċu li smajtha għall-ewwel darba fuq xarabank għax għand in-nanna ma kellniex Rediffusion għad li fil-misraħ kien hemm speċi ta’ palomba żgħira li filgħaxijiet kienu jiftħulha biex minfuqha jixxandar ir-rużarju tar-Rediffusion.
It-Taxi Mary tant kienet għamlet hit kbira f’Malta li kienu ħarġuha, emmen jekk trid, li spiċċat telgħet anki fil-Hit Parade Taljan. Din l-biċċa għana Maltija bil-beat kienet dwett bejn Fredu Abela l-Bamboċċu u r-Ringu. Kienu jgħannu waqt li jduru d-dawra kollha ta’ Malta permezz ta’ taxi u t-tnejn li huma min l-aqwa minnhom jiftaħar kemm kellu tfajliet. Kif diġà għedt, peress li s-seat ta’ waranett tax-xarabank ftit li xejn kont nitrekken fih għax kont ftit slow, it-Taxi Mary flok bin-nisa ħa jkolli nara kif se nimliha.
Dawra żgħira bix-xarabank għax bit-taxi tiġi għalja wisq, teħodna minn port sa port.
L-immaniġġar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir f’idejn kumpanija Asjatika b’interessi minoritarji Maltin. It-Tug Malta minn ftit tal-jiem ilu ’l hawn spiċċat f’idejn it-Taljani. Is-Sea Malta defunta u midfuna u l-vojt tagħha fil-pront imtela’ mit-Taljani. Ftit ’il fuq mix-Xatt fi Spencer Hill, dik li qabel kienet Maltacom illum GO, spiċċat f’idejn l-Għarab ‘tal-Ħabbażiż’.
Biswit il-GO, f’Hexagon House, l-akbar Bank f’Malta nbiegh bid-discount lill-Ingliżi tal-HSBC. Qabel ma’ mmorru sa Marsaxlokk, ngħaddu ftit il-Furjana u nsibu dak li qabel kien id-Dipartiment tal-Lottu, money spinner per eċċellenza jekk qatt kien hawn wieħed, li minkejja li dejjem għamel qligħ kbir għall-Gvern xorta kien trasferit lill-Griegi.
Mill-Furjana sal-għolja ta’ Gwardamangia minn fejn xi darba kien jopera x-xandir pubbliku li kważi fit-totalità tiegħu ġie farmed out lill-WE u l-ftit loqom li jifdal mifrux fuq l-irjus. Fit-triqitna lejn Marsaxlokk ngħaddu sal-Gudja, l-ajruport li llum jinsab f’idejn l-Awstrijaċi. Minn hemm naqbdu n-niżla lejn Kalafrana u l-Freeport li l-operazzjonijiet tiegħu għaddew f’idejn il-Franċiżi imma d-dejn baqa’ jħallsu l-poplu Malti.
U biex nagħlqu bil-gass nerħulha sal-Qajjenza fejn hemm il-ġennata ta’ l-impjant ta’ l-ibbottiljar tal-gass fil-qalba tal-bini li m’ilux ukoll għadda għand it-Taljani u xi interessi Maltin.
Ftit ftit l-arterji prinċipali ta’ l-ekonomija u ta’ l-infrastruttura nazzjonali, apparti l-gass, mhux biss ġew privatizzati imma spiċċaw inbigħu lill-barranin. U joqrob Settembru u tibda l-okkupazzjoni tal-Fosos għal xahar sħiħ. Għandhom il-wiċċ jiċċelebraw l-Indipendenza! |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|