Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39
TONI L-ewwel trapjant ta’ organu b’mod mill-aktar figurattiv insibuh proprju fil-Bibbja meta Alla ddeċieda li joħloq il-mara minn kustilja ta’ raġel.
Qawl Għarbi jgħid li Alla ta lill-bniedem par minn kollox biex inkunu nistgħu ngħinu lil min m’għandu xejn u r-reliġjon Lhudija temmen li Alla jippermetti trapjant ta’ organi basta l-persuna tkun mejta u f’każ li l-organu ma jintużax ma jintremiex iżda jerġa’ jingħata difna b’dinjità.
Li rrid ngħid hu li t-tliet reliġjonijiet Abramiċi u monoteisti b’xi mod jew ieħor forsi b’riserva ma jarawhiex barra minn lokha li bniedem jagħti parti minn ġismu lil persuna oħra.
Hi n-natura stess li ma tippermetti l-ebda ħela u li kull ħaġa li tmut tiġi riċiklata lura fil-ħajja. Il-ġenerazzjonijiet li qed jgħixu llum m’huma xejn ħlief sedementazzjoni ta’ dawk li ġew qabilhom. Hu proprju f’dan il-kuntest ukoll li wieħed irid jiddiskuti l-argument dwar it-trapjant ta’ organi umani.
Irridu l-ewwel niddistingwu bejn it-trapjanti ta’ l-organi umani ta’ meta l-ġisem, għalkemm ikun għadu ħaj il-moħħ, ikun tilef il-funzjonijiet prinċipali tiegħu, bħal per eżempju l-qalb, il-kliewi u l-pulmun u dawk l-organi magħmula minn tessuti li jittieħdu minn ġisem mejjet bħalma huma l-għadam, il-cornae u kif ukoll il-ġilda.
L-ewwel sitwazzjoni toħloq argumenti bio-etiċi ħafna aktar mit-tieni waħda.
L-ewwel ma jrid ikun stabbilit hu x’definizzjoni għandna naddottaw tal-kelma ħajja. Jekk kellna nħarsu lejn x’qiegħed jiġri fi Spanja nsibu li b’mod stramb f’pajjiż Kattoliku d-definizzjoni tal-ħajja hi iktar wiesa’ minn dik addottata fil-Ġermanja Protestanta. Barra minn hekk l-Ispanjoli ladarba tkun ġiet manifestata x-xewqa tal-persuna ta’ x’għandu x’jiġri mill-organi tagħha wara li tmut, ma jippermettux l-ebda oppożizzjoni min-naħa ta’ qraba għal xewqa ta’ din ix-xorta.
Il-Ġermaniżi mod ieħor. Insibu li statistikament id-donazzjoniet ta’ organi fi Spanja huma ogħla minn dawk fil-Ġermanja.
Il-kwistjoni kollha tqum meta l-persuna tkun għadha ħajja, kemm għal raġunijiet bijoloġiċi kif ukoll finanzjarji. Biex jingħataw organi bħalma huma l-qalb, il-kliewi u l-pulmun f’sitwazzjonijiet fejn persuna tkun, per eżempju, waqgħet f’koma jrid l-ewwel jiġi aċċertat li s-sitwazzjoni hi waħda irriversibbli u apparti dan jintalab ukoll il-kunsens tal-qraba tal-persuna qabel jiġu esportati xi organi li jwasslu għall-mewt veru u proprja.
Apparti dan wieħed ukoll irid jikkonsidra l-kwistjoni tat-twemmin reliġjuż ta’ persuna li tkun ġejja minn grupp ta’ nies li jista’ jkun ma jemmnux fl-għotja ta’ organi umani. Eżempju ċar huma ż-żingari Roma li t-twemmin tagħhom ma jippermettix li jagħtu donazzjonijiet ta’ organi umani.
Imma dan kollu jrid ukoll jittieħed fil-kuntest li indipendentement mit-twemmin ta’ xi grupp partikolari jekk persuna tkun laħqet tat il-kunsens tagħha biex jittiħdulha l-organi wara ħajjitha għandna nqimu x-xewqa ta’ dik il-persuna indipendentement mit-twemmin tad-denominazzjoni etnika li tkun ġejja minnha.
Il-kwistjoni tad-donazzjoni ta’ organi umani tqanqal argumenti oħrajn li huma ta’ natura profonda meta persuna minn jeddha li tkun għadha ħajja tinsab f’sitwazzjoni ekonomika u soċjali li twassalha biex tagħti organu ta’ ġisimha lil xi ħadd li għandu l-mezzi finanzjarji biex jixtrih.
Bħalissa fid-dinja, minħabba li b’mod ġenerali l-kummerċ ta’ l-organi umani mhux permess, qegħdin isiru abbużi li meta naqraw dwarhom bilfors ikexkxuna. Fost l-oħrajn insibu ħtif ta’ tfal proprju biex l-organi tagħhom jingħataw lil xi ħadd sinjur imma marid. Il-qtil volontarju ta’ priġunieri f’ħabsijiet tat-Tielet Dinja li jinqatlu waqt li jkunu reqdin proprju biex jitteħdulhom l-organi prinċipali ta’ ġisimhom u jinbigħu lil min hu sinjur. Dawk li huma favur id-dritt ta’ persuna li tbiegħ parti minn ġisimha proprju biex ittaffi parti mit-tbatijiet finanzarji tagħha jinsistu li dan is-suq għandu jiġi legalizzat.
Hawn min jargumenta iżda li meta tilliberalizza s-suq tal-bejgħ ta’ l-organi umani jista’ jkollok effett kuntrarju għal dak mixtieq. Fost dawn l-effetti jkun hemm dak li tant ikun hawn organi disponibbli fis-suq li l-prezzijiet ta’ dak li qed iġibu issa jonqsu sostanzjalment u allura dan imur kontra l-ispirtu li nippermettu organi umani li jinbigħu biex xi ħadd finanzjarjament imur tajjeb.
Anke bħalissa, f’Chennin, l-Indja li tista’ tgħid titqies il-belt kapitali tat-traffikar illegali ta’ organi umani, l-ogħla prezz li jista’ jġib Indjan għall-organi ta’ ġismu hu elf dollaru biss. Allura, jargumentaw dawk li huma kontra li jiġi legalizzat il-bejgħ ta’ l-organi, kemm se jkunu irħas jekk jinfetaħ is-suq b’mod legali?
Apparti dan li wieħed jippermetti lill-persuna tbiegħ l-organi tagħha biex taġevola persuna oħra sinjura tkun qiegħda biss tagħmel apoloġija għal sistema soċjali li tippermetti l-faqar.
Wieħed irid jikkunsidra bis-serjetà alternattivi oħrajn biex nevitaw kemm jista’ jkun dak li nsejjaħ il-kannibaliżmu modern u fost l-oħrajn hemm il-possibbiltà li nagħtu appoġġ ikbar lil dawk l-oqsma xjentifiċi li ħadmu biex ikun possibbli li organi ta’ bhejjem jintużaw fil-bnedmin. Hemm ukoll il-kwistjoni taċ-ċelloli staminali (stem cells) li permezz tagħhom inkunu nistgħu nikkultivaw organi vitali. Dan l-aħħar smajna li għadha kemm ġiet ikkultivata qalb ta’ bniedem.
Anke hawn nerġgħu niltaqgħu ma’ problemi bio-etiċi li fil-fehma tiegħi ma jgħinu xejn biex nevitaw it-traffikar illegali ta’ organi umani.
Hemm ċerti regoli li wieħed ukoll irid jara għandhomx jiġu kunsidrati biex nevitaw il-ħafna tilwim bejn qraba u mediċi proprju meta persuna tkun mietet. Ir-regola ġenerali li bħalissa jidher li hi aċċettabbli hi li persuna trid turi x-xewqa tagħha li wara li tmut l-organi jintużaw biex jagħtu ħajja lil xi persuna oħra u għalhekk insibu liċenzji ta’ vetturi li jkunu juru x-xewqa tas-sewwieq f’każ li jkollu xi inċident fatali jew xi forma ta’ brazzuletta li juru din ix-xewqa f’każ li l-persuna jkollha mewta mhux mistennija.
Għalhekk wieħed għandu jikkunsidra li r-regola ġenerali tkun li meta persuna tmut u jkollha organi li huma b’saħħithom it-tobba jkollhom id-dritt mogħti mil-Liġi biex jużaw l-organi ta’ din il-persuna sakemm ma jkunx hemm ix-xewqa espressa bħal per eżempju f’testment jew dikjarazzjoni notarili, li l-persuna ma tridx li l-organi tagħha jintużaw għal persuna oħra.
Għandna nikkunsidraw li jkollna leġiżlazzjoni li tinkoraġġixxi d-donazzjoni ta’ organi umani u dan billi ma’ kull organu li jingħata l-Gvern jagħti donazzjoni ta’ flus lil dawk l-għaqdiet li jkunu qegħdin jippromwovu attivitajiet xjentifiċi biex isibu soluzzjoni alternattiva għad-donazzjoni ta’ organi umani.
L-argument dwar id-donazzjoni ta’ organi umani mhuwiex wieħed li faċilment tista’ ssib soluzzjoni għalih fi ftit paragrafi iżda anke minn aspett etiku l-akbar kmandament dejjem kien li mhemmx imħabba ikbar minn dik li ħaddieħor jagħti ħajtu għal għajru.
Ngħid għalija, etikament ma nsib xejn ħażin f’dan kollu sakemm ovvjament ma nippermettux l-abbużi. U forsi għalhekk jeħtieġ li jkollna leġiżlazzjoni ċara f’dan ir-rigward. Is-sitwazzjoni kif inhi, għalkemm waħda ta’ illegalità, qiegħdha tippermetti ħafna abbużi u kummerċ ta’ organi li qed joħloq inġustizzja kbira bejn min hu fqir u min hu sinjur.
Dan kollu jfakkarni f’dak li kien ikun hemm miktub fl-amfiteatri Rumani mors mea vita tua bid-differenza li fil-kuntest ta’ dan kollu nkunu qegħdin nitkellmu dwar gladjaturi tal-ħajja u mhux dawk tal-mewt.
Minbarra dan il-figura tas-Samaritan it-tajjeb u ta’ San Martin jaqsam nofs il-mantell huma eżempji reliġjużi ċari ta’ min qed jiċċaħħad minn xi ħaġa tiegħu biex itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ għajru.
PEPPI
Illum l-editur ta’ Illum qed jistaqsini jekk naqbilx li l-għoti ta’ l-organi f’każ ta’ mewt għandux jibqa’ għażla jew għandux isir obbligu legali. Kieku kelli nwieġeb fil-qosor kont ngħid ‘Iva’.
Konvint li għandu jkun obbligu anke legali ta’ kull wieħed u waħda minna li nagħtu l-organi tagħna jekk ikunu jistgħu jintużaw wara mewtna, kemm biex insalvaw ħajja jew ħajjiet ta’ persuni u kemm għal riċerka.
Għaliex? Ejja nieħdu każ li ġara lili proprju ġimagħtejn ilu. Ngħaddi minn fejn grupp ta’ żgħażagħ li kienu qed jippruvaw jaqilbu karozza. Stajt bqajt sejjer kif kelli aptit nagħmel għax kont se nasal tard għall-appuntament li kelli. Ħassejt l-obbligu li nieqaf nitkellem ma’ dawn iż-żgħażagħ u nipprova nifhem ir-raġuni għala kienu se jagħmlu hekk u finalment nitkellem anke mal-Pulizija. Kelli dritt nibqa’ sejjer?
Kien il-Ħadd wara nofsinhar f’xemx tiżreġ. Barra baħħ. Min kien se jkun jaf li bqajt sejjer? Ġenwinament inħoss li kieku bqajt sejjer u evitajt lil dawn iż-żgħażagħ kont inkun kompliċi.
Issa din kienet karozza. Kieku qalbuha ma kienet se tħoss xejn. Ma nħoss assolutament xejn għall-karozzi, anzi nobgħodhom u nixtieq li qatt ma eżistew. Veru li kien qed jiddispjacini għal sid il-karozza li kienet se ssibha rasha isfel.
Issa ejja nassumu li minflok karozza dawn l-istess żgħażagħ kienu se jwaddbu lil xi ħadd minn fuq is-sur għal isfel. Kelli dritt nibqa’ sejjer? Kelli ta’ l-anqas l-obbligu li nċempel lill-Pulizija u ninfurmahom? Naħseb kelli d-dmir nagħmel aktar minn hekk. Naħseb kelli d-dmir li nikkalkula r-riskju li nsalva lil din il-persuna billi nidħol għaliha waqt li nkun ikkalkulajt li ma nispiċċax jien minn fuq is-sur għal isfel.
Naħseb li kif hemm f’ċerti pajjiżi, bħal Franza, jekk nibqa’ għaddej għandi nittella’ l-Qorti akkużat li stajt waqqaft delitt u bqajt sejjer. Kompliċi ta’ delitt. Ħati bla dubju.
Ejja issa ngħidu li kont involut f’inċident fatali. Iddikjarat mejjet. Organu minn tiegħi jista’ jsalva ħajja ta’ tifel marid serjament. Għandi dritt nibqa’ sejjer? Jien diġà mejjet. Għandi dritt inħalli lil dan it-tifel imut? Jekk mejjet nista’ nsalvalu ħajtu?
Żgur mhemmx xi periklu li jiġrili xi ħaġa agħar milli ġrali għax mejjet. Allura mhux ovvja li għandu jkun obligu tagħna li nagħtu l-organi li hemm bżonn kemm għal min ikollu bżonnhom u kemm għal skop ta’ riċerka?
Kelli dritt li qabel ma mitt nagħżel li ma nħallix l-organi tiegħi? U jekk ma nkun għidt xejn, il-mara tiegħi għandha d-dritt li tiddeċiedi f’ismi li ma tagħti l-organi lil ħadd? U t-tifel tħallih imut? U lil dik il-mara tħalliha għamja? U lil dak tħallih jistenna l-kilwa li tant għandu bżonn?
Meta f’Xarabank konna għamilna programm dwar l-għoti ta’ l-organi konna għamilna stħarriġ li fih irriżulta li ħafna jibżgħu mhux daqstant għax jinkwetaw x’jiġri wara li jmutu iżda għax jibżgħu li jeħdulhom l-organi meta jkunu għadhom ħajjin. Mir-riċerka profonda li konna għamilna jirriżulta li hemm serjetà kbira u attenzjoni iktar minn speċjali biex ikun assigurat li qabel jittieħdu l-organi l-persuna tkun mejta tassew.
Din il-possibbiltà li tkun għadek ħaj u jeħdulek l-organi ma teżistix. Minbarra din il-biża’ irrazzjonali argumenti koroh li kont smajt kienu: ‘Nagħti l-organi basta jkunu Maltin’ jew ‘lest inħalli l-organi basta ma nkunx naf li ngħataw lil xi kriminal.’ Dawn affarijiet li jweġġgħuni għax allura mhux nifhmu li kull persuna għandha d-dritt li tgħix u għalhekk dritt għal kull intervent biex tgħix.
X’għandu jiġri?
Is-sistema li xi ħadd jimla formola jekk irid iħalli l-organi tiegħu jew tagħha għandha tispiċċa. Minflok l-awtoritajiet konċernati għandhom jeħduha li l-organi ta’ kulmin imut jittieħdu b’mod awtomatiku. Imbagħad ikun hemm formoli għal dawk li għal raġunijiet tagħhom ma jixtiqux li dan jiġri wara mewthom.
Għandu jkun hemm ukoll kampanja edukattiva fost it-tfal. Naħseb ikun ħafna aħjar li t-tifel jew tifla jitgħallmu l-valur tas-solidarjetà milli d-dati ta’ xi assedju qishom pappagall. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|