MediaToday

Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

Dokument ta’ qabel... l-elezzjoni

Waqt li jqalleb fil-155 paġna tad-dokument ta’ qabel il-baġit KURT SANSONE jirrealizza li dan jista’ jkun il-manifest tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni li jmiss

Id-dokument ta’ qabel il-baġit ma fih l-ebda ħjiel ta’ taxxi jew miżuri ibsin maħsuba biex ipattu għall-impatt li se jħallu fuq il-Kaxxa ta’ Malta l-infiq jew in-nuqqas ta’ dħul li l-miżuri kollha se jkollhom.
Dan ‘in-nuqqas’ hu l-akbar indikazzjoni li d-dokument li vara l-Prim Ministru ġimgħa ilu hu l-qafas li fuqu se jinbena l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni li ġejja. Bħal dejjem il-manifesti elettorali jkollhom biss proposti li jkabbru l-ispiża pubblika mingħajr ħjiel ta’ minfejn se jiġu l-flus. Is-sagrifiċċji u l-issikkar taċ-ċintorin huma parti mil-lingwaġġ li jintuża biss wara l-elezzjoni.
Id-dokument, intiż biex iqanqal diskussjoni dwar diversi proposti li mbagħad iridu jiddaħħlu fil-baġit għall-2008, jitkellem biss dwar miżuri pożittivi fil-biċċa l-kbira tagħhom immirati lejn familji bit-tfal.
Donnu li l-iebes għadda tant li fl-introduzzjoni tiegħu fl-ewwel paġna tal-ktieb Lawrence Gonzi jsostni t-twemmin tiegħu li dak li l-Gvern irnexxielu jagħmel biex ipoġġi l-finanzi tal-pajjiż fis-sod issa jrid iwettqu wkoll biex ipoġġi l-familji fis-sod.
Fi kliem ieħor dan ifisser li ladarba l-finanzi tal-pajjiż jinsabu f’qagħda tajba allura l-Gvern jista’ jibda jroxx lura, moħħu mistrieħ li l-ekonomija qed tikber u għalhekk trendi mingħajr il-ħtieġa ta’ taxxi ġodda. Din hi t-tweġiba ta’ Gonzi għall-kritika li saritlu tul din l-aħħar sena li minkejja li ċ-ċifri juru li qed jinħoloq iktar ġid dan ma kienx qed jinħass fil-bwiet tan-nies.
Id-dokument ta’qabel il-baġit qed jipprova jindirizza l-kwistjoni tat-tqassim tal-ġid billi jelenka numru kbir ta’ proposti bl-għan li ċerti kategoriji ta’ nies jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat jew iktar flus fil-but skond il-ħtiġijiet tagħhom. L-iktar kategorija ovvja hi dik tal-familji bit-tfal fejn l-iktar proposta mistennija hi r-reviżjoni fiċ-Children’s Allowance.
Minkejja li l-ekonomija qed tikber kemm il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Malti kif ukoll ir-rapporti ta’ l-Unjoni Ewropea fuq il-qagħda ekonomika jgħidu li l-pajjiż jeħtieġ ċerti riformi biex ikun jista’ jkompli jkampa fis-snin li ġejjin. Fost l-oqsma li dawn l-entitajiet isemmu ta’ spiss fil-bżonn ta’ riforma hemm il-qasam tas-saħħa fejn bl-isptar Mater Dei l-ispiża se tiżdied iktar milli hi llum.
Id-dokument ma jagħti l-ebda indikazzjoni ta’ din ir-riforma u fejn jitkellem dwar il-pjanijiet għall-futur ma jagħtix indikazzjoni minfejn se jiġu l-flus biex isir it-tibdil meħtieġ.
Fil-ġabra ta’ proposti ma jonqsux ideat li ħarġu mill-pjani tal-Partit Laburista bl-iktar waħda li tispikka hi s-sussidju li d-dokument ta’ qabel il-baġit qed jipproponi fuq is-servizz ta’ l-ajru bejn Malta u Għawdex. Din hi u-turn tal-Gvern fuq id-deċiżjoni li ħa ftit tas-snin ilu li jwaqqaf is-sussidju fuq it-titjiriet tal-ħelikopter bejn iż-żewġ gżejjer. Din id-deċiżjoni waslet ukoll biex l-operatur privat Spanjol li kien daħal biex joffri s-servizz ta’ l-ajru jirtira wara ftit li beda biex issa l-Gvern ġie fi kliem il-Partit Laburista u qed jipproponi mill-ġdid is-sussidju.
L-istess jista’ jingħad għall-proposti biex ikunu sussidjati r-rati ta’ interess fuq dejn li tagħmel koppja biex tixtri l-ewwel dar tagħha u r-rifużjoni tal-bolla għall-ewwel sena li li xi ħadd self employed jiftaħ in-negozju tiegħu jew tagħha. Dawn ukoll huma proposti li ħarġu mid-dokumenti ta’ l-MLP.
L-enfasi ewlenija tad-dokument, il-familji bit-tfal, ukoll hi viċin ħafna l-ħsibijiet li ressqet l-Alternattiva Demokratika bħala l-proposti tagħha għall-baġit li jmiss fejn saħansitra ipproponiet ħlas għal kull wild ġdid li jkollha familja.
Fuq livell politiku hu ċar li għalli ġej il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiffoka d-diskors tiegħu fuq il-familja. L-ewwel kapitlu nkiteb fil-konferenza ġenerali ta’ Mejju li għadda li kellha enfasi kbira fuq il-familja. It-tieni kapitlu nkiteb issa bid-dokument ta’ qabel il-baġit u l-aħħar kapitlu mistenni jinkiteb fix-xhur li ġejjin bit-tħejjija tal-manifest elettorali.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075